Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 25 ta' Jannar 2022

Riżultati ewlenin

Il-prijoritajiet tal-presidenza Franċiża

Il-Presidenza Franċiża ppreżentat il-prijoritajiet tagħha għall-mandat ta' sitt xhur tagħha matul sessjoni pubblika, li fihom is-sovranità Ewropea kienet tikkostitwixxi linja komuni.

Pakkett leġiżlattiv "It-tisħiħ tad-demokrazija u l-integrità tal-elezzjonijiet"

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni f'sessjoni pubblika dwar il-pakkett leġiżlattiv "It-tisħiħ tad-demokrazija u l-integrità tal-elezzjonijiet", ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea fil-25 ta' Novembru 2021.

Il-pakkett jinkludi proposti leġiżlattivi dwar it-trasparenza tar-reklamar politiku, dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej, u dwar id-drittijiet taċ-ċittadini li jgħixu fi stat membru li mhumiex ċittadini tiegħu fl-elezzjonijiet Ewropej u muniċipali.

L-għan ta' dan il-pakkett leġiżlattiv huwa li jiġu garantiti elezzjonijiet ħielsa u ġusti u dibattitu pubbliku miftuħ, u li d-dinja diġitali ssir aktar responsabbli, kif ukoll li jitħarsu aħjar id-demokrazija tagħna u l-proċessi elettorali tagħna fid-dawl ta' tentattivi ta' interferenza fl-informazzjoni u manipulazzjoni tagħha.

L-għan huwa li dan il-pakkett leġiżlattiv jiġi adottat u implimentat fil-ħin għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2024.

Id-diskussjonijiet iffukaw fuq it-tisħiħ tat-trasparenza u r-regolamentazzjoni tal-finanzjament tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, fuq ir-rwol, il-viżibbiltà u l-attivitajiet tal-partiti politiċi Ewropej f'termini ta' dibattiti pubbliċi fl-istati membri, u fuq id-dritt tal-vot taċ-ċittadini residenti fi stat membru li mhumiex ċittadini tiegħu, kif ukoll fuq ir-reklamar politiku, b'mod partikolari fil-qasam diġitali.

Clément Beaune, Ministru tal-Istat responsabbli għall-Affarijiet Ewropej
Il-presidenza ser ikollha l-objettiv doppju li tidentifika, minn naħa, kif iżżid il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku Ewropew u, min-naħa l-oħra, kif tadatta s-sett ta' għodod leġiżlattivi tagħna fid-dawl ta' theddid ġdid għall-proċessi elettorali, b'mod partikolari l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza barranija.
Clément Beaune, Ministru tal-Istat responsabbli għall-Affarijiet Ewropej
Clément Beaune, Ministru tal-Istat responsabbli għall-Affarijiet Ewropej

Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

Il-presidenza għarrfet lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, inkluż l-aħħar żviluppi u l-prospetti.

B'mod partikolari, il-ministri kellhom l-opportunità li jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar l-ewwel ġabriet ta' rakkomandazzjonijiet mill-panels taċ-ċittadini Ewropej li ser ikomplu jiltaqgħu, wara s-sessjoni plenarja tal-21 u t-22 ta' Jannar, u dwar l-organizzazzjoni ta' konsultazzjonijiet nazzjonali.

Soġġett għall-iżvilupp tas-sitwazzjoni epidemjoloġika, il-panels huma mistennija li jlestu l-ħidma tagħhom sal-aħħar ta' Frar 2022, b'sessjonijiet plenarji previsti għal Marzu u April. Il-presidenza Franċiża qed tippjana konklużjoni politika tal-eżerċizzju mit-tliet presidenti konġunti fid-9 ta' Mejju.

COVID-19: koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa u l-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali, u wiżnu l-koordinazzjoni fil-livell tal-UE.

It-tkomplija taċ-ċirkolazzjoni tal-varjant Delta u l-firxa rapida tal-varjant Omicron jibqgħu kawżi ta' tħassib. F'dan il-kuntest, il-kampanji ta' tilqim, inkluż l-amministrazzjoni ta' dożi booster, għandhom ikomplu bħala kwistjoni ta' urġenza. Huwa importanti wkoll li jiġu indirizzati l-eżitazzjoni dwar it-tilqim u d-diżinformazzjoni.

Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali adotta rakkomandazzjoni riveduta dwar l-ivvjaġġar fl-Unjoni Ewropea. Din ir-rakkomandazzjoni riveduta tqis l-avvanzi fit-tilqim u l-espansjoni tal-varjant Omicron u tirrifletti bidla fl-approċċ, minn waħda inizjalment ibbażata fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika f'kull reġjun għal approċċ individwali bbażat fuq l-istatus ta' kull vjaġġatur.

Id-diskussjonijiet dwar ir-reviżjoni tar-rakkomandazzjoni dwar l-ivvjaġġar lejn l-Unjoni Ewropea minn pajjiżi terzi ser ikomplu.

Il-Kunsill irrefera wkoll għas-solidarjetà internazzjonali, peress li l-pandemija ser tingħeleb biss permezz ta' kooperazzjoni globali bbażata fuq il-fiduċja u l-assistenza reċiproka. L-Unjoni Ewropea hija l-akbar esportatur u donatur ta' vaċċini fid-dinja. Il-Kunsill tenna x-xewqa tal-Unjoni Ewropea li żżid l-appoġġ tagħha għal dawk il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, b'mod partikolari fl-Afrika, kemm billi tkompli tagħti appoġġ Ewropew lill-COVAX kif ukoll fuq bażi bilaterali, f'kooperazzjoni mas-sħab.

Ikoni li juru l-globu, bagalja u l-bandiera tal-UE.
Approċċ komuni għall-miżuri tal-ivvjaġġar b'rabta mal-COVID-19 fl-UE (Infografika)

Approċċ komuni għall-miżuri tal-ivvjaġġar b'rabta mal-COVID-19 fl-UE (Infografika)

Relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit

Il-ministri għall-affarijiet Ewropej kellhom diskussjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.

Huma rreferew għat-taħditiet li għaddejjin mar-Renju Unit bil-ħsieb li jiġu identifikati soluzzjonijiet prattiċi fi ħdan il-protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet speċifiċi ta' implimentazzjoni li kienu qed jesperjenzaw in-nies fl-Irlanda ta' Fuq. Huma indirizzaw ukoll id-diverġenzi persistenti fl-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ fir-rigward tad-drittijiet taċ-ċittadini u l-isfidi assoċjati mal-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tas-sajd u l-kompetizzjoni ġusta. Fl-aħħar nett, il-ministri evalwaw in-negozjati li għaddejjin bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit dwar Ġibiltà.

Is-Sur Maroš Šefčovič, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, għarraf lill-ministri dwar l-aħħar żviluppi b'rabta ma' dawk il-kwistjonijiet, wara l-laqgħa tiegħu ma' Liz Truss fl-24 ta' Jannar.

Il-ministri affermaw mill-ġdid l-għaqda bejn l-istati membri u l-appoġġ ċar tagħhom għall-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-presidenza ser tipprova tippreserva l-għaqda tal-istati membri fir-rigward tal-prinċipji li s'issa ggwidaw ir-relazzjonijiet mar-Renju Unit, u tiżgura li r-Renju Unit jħares b'mod sħiħ l-impenji tiegħu. F'dan il-kuntest, hija nnotat l-appoġġ tal-istati membri għat-tiftix ta' soluzzjonijiet prammatiċi biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ tal-merkanzija mal-Irlanda ta' Fuq, f'konformità mal-ftehimiet konklużi mal-Unjoni, u l-ħtieġa li tkompli tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni. Clément Beaune, Ministru tal-Istat responsabbli għall-Affarijiet Ewropej

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025