Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Laqgħa tal-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-UE mat-Turkija, 07/03/2016, 7 ta' Marzu 2016

Fis-7 ta’ Marzu 2016, il-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-UE kellhom laqgħa mat-Turkija biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fir-rigward tal-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati. Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk ippresieda l-laqgħa, il-Prim Ministru Ahmet Davutoğlu rrappreżenta lit-Turkija.

Il-laqgħa ġiet segwita minn laqgħa informali tal-membri tal-Kunsill Ewropew.

Il-mexxejja tal-UE ddiskutew l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni konġunt bejn l-UE u t-Turkija. Minkejja li jista' jiġi rrapportat progress tajjeb fir-rigward ta' għadd ta’ azzjonijiet, l-għadd ta’ dħul illegali mit-Turkija għall-Greċja jibqa' għoli wisq. Il-mexxejja tal-UE qablu mal-Prim Ministru Davutoğlu li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom biex jinkisbu riżultati konkreti fuq il-post.

"All the above mentioned decisions send a very clear message that the days of illegal migration to Europe are over." Donald Tusk, President of the European Council

Huma laqgħu l-impenn tat-Turkija li taċċetta r-ritorn rapidu tal-migranti kollha li ġew mit-Turkija għall-Greċja li m’għandhomx bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. Huma jistennew b’interess ukoll l-istabbiliment tal-attività tan-NATO fil-Baħar Eġew bil-għan li jitwaqqaf il-qsim mill-migranti.

Matul il-laqgħa ġew diskussi wkoll xi proposti innovattivi ġodda biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-migrazzjoni. Il-President Tusk ingħata l-kompitu li jippjana d-dettalji tagħhom qabel il-Kunsill Ewropew li jmiss. 

Dawn il-proposti jinkludu:

  • ir-ritorn tal-migranti irregolari ġodda kollha li jaqsmu mit-Turkija lejn il-gżejjer Griegi
  • l-aċċelerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża
  • id-deċiżjoni li jitħaffef l-iżborż ta’ tliet biljun euro u tittieħed deċiżjoni dwar finanzjament addizzjonali għall-faċilità għar-refuġjati Sirjani
  • it-tħejjija għad-deċiżjoni dwar il-ftuħ ta’ kapitli ġodda fin-negozjati tal-adeżjoni
  • li titqies il-possibbiltà li jiġu stabbiliti żoni sikuri umanitarji fis-Sirja
  • ir-risistemazzjoni ta’ Sirjan ieħor mit-Turkija lejn l-UE, għal kull Sirjan riammess fit-Turkija mill-gżejjer Griegi

“Il-mekkaniżmu ta’ ritorn imsemmi hawn fuq (...) eventwalment għandu jeqred il-mudell tal-attività tal-faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ persuni,” qal il-President Tusk.

Il-mexxejja tal-UE ddiskutew ukoll mal-Prim Ministru Davutoğlu s-sitwazzjoni tal-mezzi tal-informazzjoni fit-Turkija u l-importanza tal-libertà tal-kelma u tal-espressjoni.

Laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew

Wara l-ikla ta' nofsinhar mal-Prim Ministru Davutoğlu, il-mexxejja tal-UE komplew bil-laqgħa tagħhom fost it-28 u qablu li:

  • jmorru lura għall-applikazzjoni sħiħa tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen sabiex jinqered il-fluss irregolari ta’ migranti tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent
  • tissaħħaħ l-assistenza umanitarja lir-refuġjati fil-Greċja
  • il-Greċja tiġi appoġġata fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħha

Sfond

Il-laqgħa kienet segwitu għas-summit mat-Turkija li sar f’Novembru 2015, meta:

  • ġiet adottata dikjarazzjoni konġunta biex tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-UE u t-Turkija
  • tnieda Pjan ta’ Azzjoni Konġunt biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-migrazzjoni 

Minkejja l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni bejn l-UE u t-Turkija, l-għadd ta’ dħul illegali mit-Turkija baqa’ għoli wisq u kien meħtieġ jitnaqqas b’mod sinifikanti. Fil-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta’ Frar 2016, il-mexxejja qablu li jorganizzaw laqgħa speċjali mat-Turkija biex jirrinforzaw il-kooperazzjoni tagħhom dwar il-kriżi tal-migrazzjoni.

Bi tħejjija għal-laqgħa, il-President Tusk ivvjaġġa lejn il-pajjiżi ewlenin tar-rotta tal-Balkani tal-Punent bejn l-1 u l-4 ta’ Marzu u kellu diskussjoni telefonika ma’ Jens Stoltenberg dwar il-progress fir-rigward tal-kooperazzjoni NATO-Frontex fil-Baħar Eġew. Huwa ltaqa' wkoll mal-Prim Ministru Ahmet Davutoğlu u mal-President Recep Tayyip Erdoğan fit-Turkija.

Il-kriżi tal-migrazzjoni - kronoloġija

Il-kronoloġija tagħti ħarsa lejn il-miżuri ewlenin li ttieħdu mill-UE, flimkien mal-istati membri, matul dawn l-aħħar ftit xhur, biex jiġu indirizzati l-isfidi kkawżati mill-migrazzjoni.

Ara wkoll il-paġna dwar il-politika rilevanti fuq is-sit web tagħna:

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025