- Summit Internazzjonali
Summit tas-Sħubija tal-Lvant, 24/11/2017, 24 ta' Novembru 2017
Riżultati ewlenin
Fl-okkażjoni tas-summit tas-Sħubija tal-Lvant, il-mexxejja tal-UE ltaqgħu mas-sitt pajjiż sħab tal-Lvant tagħhom — l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna — biex jilħqu qbil dwar il-prijoritajiet futuri tas-sħubija tagħhom.
Flimkien ser jiddiskutu kif jistgħu jsaħħu l-kooperazzjoni u jiksbu ekonomija, governanza, konnettività u soċjetà aktar b'saħħithom.
"Irridu nsaħħu l-kooperazzjoni fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant f'għadd ta' oqsma speċifiċi bħalma huma l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, l-ekonomija diġitali, l-investimenti fil-broadband, u l-investimenti fit-trasport, fl-enerġija u fil-proġetti infrastrutturali. Il-lista hija twila. Iżda fuq kollox, irridu nsaħħu r-rabtiet bejn iċ-ċittadini tagħna u nagħtu aktar appoġġ lis-soċjetà ċivili." Il-President Tusk waqt il-konferenza stampa tas-summit tas-Sħubija tal-Lvant
Il-mexxejja kollha qablu fuq dikjarazzjoni konġunta li tikkonferma mill-ġdid l-impenn tagħhom u l-importanza kbira li jagħtu lis-Sħubija tal-Lvant.
Fid-dikjarazzjoni, l-UE kkonfermat mill-ġdid l-impenn tagħha li tappoġġa l-integrità territorjali, l-indipendenza u s-sovranità tas-sħab kollha tagħha.
Il-parteċipanti tas-summit għamlu appell għal sforzi mġedda favur il-promozzjoni tar-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitti mhux riżolti fir-reġjun abbażi tad-dritt internazzjonali.
Huma rrikonoxxew l-aspirazzjonijiet Ewropej u l-għażla Ewropea tas-sħab li ffirmaw ftehimiet ta' assoċjazzjoni mal-UE, jiġifieri l-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna; filwaqt li għarfu d-dritt li sħab oħrajn jagħżlu l-livell ta' ambizzjoni li jaspiraw għalih fir-relazzjonijiet tagħhom mal-UE.
"Ma għandu jkun hemm l-ebda dubju li l-futur komuni tagħna jiddependi minn kemm l-UE tinsab lesta li tiftaħ il-politiki tal-UE għal sħabna. U nista' nikkonferma mill-ġdid li ninsabu lesti li nagħmlu dan." Il-President Tusk waqt il-konferenza stampa tas-summit tas-Sħubija tal-Lvant
Il-mexxejja laqgħu wkoll l-"20 riżultat konkret għall-2020". Dan hu qafas li għandu l-għan li jtejjeb il-ħajja taċ-ċittadini f'kull pajjiż sieħeb tal-Lvant fl-erba' oqsma prijoritarji ta' kooperazzjoni identifikati f'Riga fl-2015.
Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni konġunta enfasizzat:
- l-importanza ta' governanza tajba
- il-ħtieġa ta' konnessjonijiet tat-trasport aħjar u aktar sikuri
- l-importanza tas-sigurtà tal-enerġija
- il-ħtieġa li jingħata iktar appoġġ lill-media indipendenti u li tinkixef il-miżinformazzjoni
- l-impenn tal-mexxejja li jrawmu l-mobbiltà u jsaħħu l-pożizzjoni taż-żgħażagħ
Fil-marġini tas-summit, l-UE u l-Armenja ffirmaw ftehim ta' sħubija komprensiv u msaħħaħ u kkonkludew ftehim dwar l-avjazzjoni. Barra minn hekk, in-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) tal-UE ġie estiż għall-isħab tal-Lvant.
Is-summit li jmiss tas-Sħubija tal-Lvant hu previst li jsir fl-2019.
X'inhi s-Sħubija tal-Lvant?
Is-SL tnediet fl-2009 biex tippromwovi l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u s-sitt pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna.
- Sħubija tal-Lvant (informazzjoni ġenerali)
- Skeda informattiva rigward ħrejjef dwar is-Sħubija tal-Lvant (SEAE)
- Skeda informattiva dwar it-tisħiħ tan-negozji fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SEAE)
- Fatti u ċifri dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Armenja (SEAE)
- Fatti u ċifri dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja (SEAE)
- Fatti u ċifri dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ażerbajġan (SEAE)
- Fatti u ċifri dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Georgia (SEAE)
- Fatti u ċifri dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Moldova (SEAE)
- Fatti u ċifri dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukrajna (SEAE)
Aktar b'saħħitna flimkien: is-Sħubija tal-Lvant (Infografika)
Avvenimenti paralleli ewlenin
Is-Sħubija tal-Lvant tmur lil hinn mir-relazzjonijiet bejn il-gvernijiet. Iż-żgħażagħ, l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili, il-media, in-negozji u partijiet ikkonċernati oħra huma involuti mill-qrib mal-avvenimenti paralleli ddedikati.
Dawn l-avvenimenti jiġu organizzati fil-marġini tas-summit matul is-sena kollha, fi sħubija mal-Presidenza Estonjana tal-Kunsill tal-UE.
It-Tielet Forum taż-Żgħażagħ tas-Sħubija tal-Lvant sar f'Varsavja fit-22 u t-23 ta' Ġunju 2017. 300 parteċipant ħadu sehem f'dibattiti dwar iċ-ċittadinanza attiva u l-involviment taż-żgħażagħ fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Huma adottaw sensiela ta' rakkomandazzjonijiet dwar il-politiki dwar iż-żgħażagħ.
Il-Konferenza tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP) kellha l-laqgħa annwali tagħha fi Brussell fit-12 ta' Settembru. L-avveniment iffoka fuq l-importanza tal-approfondiment tar-rabtiet mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi tas-SL.
It-TieniKonferenza tal-Media tas-Sħubija tal-Lvant saret fi Kiev fit-13 ta' Settembru 2017. Il-konferenza ffukat fuq il-ħtiġijiet tal-iżvilupp tal-media u l-ħtiġijiet tal-ġurnaliżmu professjonali fiż-żminijiet moderni. L-avveniment ġibed aktar minn 350 parteċipant, u kkonferma l-iskala tal-isfidi tal-libertà tal-espressjoni li tiffaċċa l-media.
- Konferenza tal-Media tas-Sħubija tal-Lvant
- Skeda informattiva dwar il-Konferenza tal-Media tas-Sħubija tal-Lvant
Il-Konferenza tas-Sħubija Elettronika tas-Sħubija tal-Lvant saret f'Tallinn fl-4 ta' Ottubru 2017. L-avveniment wera r-riżultati pożittivi li nkisbu fl-iżvilupp tal-governanza elettronika fil-pajjiżi tas-SL. Il-parteċipanti ħadu wkoll kont tas-sitwazzjoni fir-reġjun u ħarsu lejn toroq 'il quddiem. Għal dan l-avveniment tħejja rapport dwar is-sigurtà taċ-ċiberspazju u d-demokrazija elettronika fil-pajjiżi tas-SL.
- Konferenza tas-Sħubija Elettronika tas-Sħubija tal-Lvant
- Skeda informattiva dwar il-Konferenza tas-Sħubija Elettronika tas-Sħubija tal-Lvant
- Rieżami tas-sitwazzjoni: is-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċiberspazju u d-demokrazija elettronika fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant
Il-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ saret f'Tallinn mit-23 sas-26 ta' Ottubru 2017. Għall-ewwel darba, tnax-il persuna żagħżugħa mill-pajjiżi tas-SL ipparteċipaw fl-avveniment. Huma ngħaqdu ma' madwar 250 rappreżentant taż-żgħażagħ u dawk li jfasslu l-politika biex jidentifikaw il-kwistjonijiet li verament huma importanti għaż-żgħażagħ fl-Ewropa llum, u biex jirriflettu dwar azzjonijiet li jistgħu jittieħdu biex jindirizzawhom.
Il-Konferenza tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant saret fil-25 u s-26 ta' Ottubru 2017, flimkien mad-Disa' Assemblea Annwali tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant. L-avveniment iffoka fuq ir-relazzjonijiet bejn il-gvernijiet u s-soċjetà ċivili, il-governanza demokratika, il-ġlieda kontra l-miżinformazzjoni u s-soluzzjonijiet-elettroniċi.
- Konferenza tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant
- Skeda informattiva dwar il-Konferenza tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant
- Id-Disa' Assemblea Annwali tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant
Il-Forum tan-Negozji tas-Sħubija tal-Lvant sar fis-26 u s-27 ta' Ottubru 2017 f'Tallinn. Il-parteċipanti ddiskutew kif il-proċessi ta' governanza jistgħu jiġu ddefiniti mill-ġdid u tinħoloq bażi għall-ekonomiji diġitali. Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq il-kummerċ transfruntier, il-loġistika, il-kummerċ elettroniku u l-finanzjament għan-negozji internazzjonali. Aktar minn 500 kap tan-negozju, uffiċjal tal-gvern u persuna li tfassal il-politika mill-pajjiżi tal-UE u tas-Sħubija tal-Lvant kienu preżenti għall-avveniment.
Fil-marġini ta' dan l-avveniment, ġie ffirmat ftehim bejn l-UE u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Dan ippermetta lill-BEI biex għall-ewwel darba jagħti self f'munita lokali fl-Ukrajna. Il-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) iffirmaw ukoll tliet ftehimiet ta' garanzija oħra sostnuti mill-UE ma' banek lokali. L-objettiv kien li jwieġbu għall-ħtiġijiet urġenti tan-negozji Georgjani, Moldovani u Ukreni.
Is-summit preċedenti
Is-summit preċedenti tas-SL sar f'Riga fil-21 u t-22 ta' Mejju 2015. Dan ikkonferma mill-ġdid l-importanza strateġika li l-UE tagħti lis-sħubija u wera determinazzjoni soda biex jissawru relazzjonijiet imfassla apposta u aktar mill-qrib mas-sitt pajjiżi sħab.
Links utli
Informazzjoni addizzjonali u materjal ta' komunikazzjoni jinstabu fis-siti web tal-Kummissjoni Ewropea u tas-SEAE.
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Dokumenti ta' eżitu
Stqarrijiet għall-istampa
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Ester Arauzo-Azofra Uffiċjal tal-istampa
- +32 2 281 53 61
- +32 473 63 07 23
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali
Laqgħat li seħħew
L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025