"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Sħubija tal-Lvant

Is-Sħubija tal-Lvant (SL) għandha l-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi r-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi bejn l-UE, l-istati membri tagħha u s-sitt pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant. Tappoġġa wkoll proċessi ta' riforma sostenibbli f'dawn il-pajjiżi sħab.

X'inhi s-Sħubija tal-Lvant?

Is-Sħubija tal-Lvant hija qafas ta' kooperazzjoni. Tnediet fl-2009, bħala inizjattiva konġunta bejn l-UE, l-istati membri tal-UE u sitt pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant:

Is-Sħubija tal-Lvant hija dimensjoni speċifika tal-Lvant tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV). Permezz tal-PEV, l-UE taħdem mal-ġirien tagħha tan-nofsinhar u tal-lvant biex tikseb l-aktar assoċjazzjoni politika mill-qrib possibbli u l-ogħla livell possibbli ta' integrazzjoni ekonomika.

Tliet pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant (l-Ukrajna, il-Moldova u l-Georgia) bħalissa jinsabu fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE.

Fit-28 ta' Ġunju 2021, il-Belarussja ssospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fis-Sħubija tal-Lvant. F'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Frar 2024 dwar il-Belarussja, l-UE żżomm il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili Belarussa bħala sieħeb importanti fis-Sħubija tal-Lvant.

Kif taħdem is-Sħubija tal-Lvant?

L-UE hija impenjata sabiex ikollha kooperazzjoni b'saħħitha, imfassla apposta u ta' benefiċċju reċiproku mas-sħab tas-SL, ikun xi jkun il-livell individwali ta' ambizzjoni fir-relazzjonijiet tagħhom mal-UE. Bi skambju għat-twettiq ta' riformi politiċi u ekonomiċi mill-pajjiżi sħab, is-SL toffri:

relazzjonijiet kuntrattwali ġodda

ftehimiet ta' kummerċ ħieles profondi u komprensivi

passi lejn il-liberalizzazzjoni tal-viżi

Barra minn hekk, is-Sħubija tal-Lvant tipprovdi qafas solidu għall-kooperazzjoni multilaterali u tiffaċilita l-approfondiment tal-kooperazzjoni bilaterali mal-UE.

Kooperazzjoni multilaterali

Il-pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant jikkondividu ħafna sfidi. L-indirizzar flimkien ta' dawn l-isfidi jippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prassi.

Il-kooperazzjoni multilaterali fis-Sħubija tal-Lvant tinvolvi:

  • it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u governanza tajba, inkluż reżiljenza għal fatturi esterni
  • l-iżvilupp ta' opportunitajiet tas-suq permezz ta' integrazzjoni ekonomika u ftehimiet kummerċjali
  • l-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija u t-titjib tal-interkonnessjonijiet tal-enerġija u t-trasport
  • it-titjib tal-mobilità u l-kuntatti bejn il-persuni permezz ta' negozjati ta' djalogu dwar il-viża

Kooperazzjoni bilaterali

Ftehimiet ta' assoċjazzjoni/sħubija/kooperazzjoni

L-UE ressqet ideat konkreti għal kull pajjiż sieħeb tal-Ewropa tal-Lvant permezz ta' ġenerazzjoni ġdida ta' ftehimiet. Dawn issostitwew il-ftehimiet ta' sħubija u kooperazzjoni konklużi ma' pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant lejn l-aħħar tas-snin 90.

L-UE nnegozjat sensiela ta' ftehimiet mas-sħab tas-SL li jipprevedu:

  • assoċjazzjoni politika msaħħa
  • djalogu politiku msaħħaħ
  • kooperazzjoni aktar profonda dwar kwistjonijiet ta' ġustizzja u sigurtà

Il-ftehimiet huma l-bażi għal programm ta' riformi li jqarreb lill-pajjiżi sħab lejn l-UE permezz ta' allinjament tal-leġiżlazzjoni u l-istandards tagħhom ma' dawk tal-UE. Dan ser itejjeb il-ħajjiet tan-nies b'mod tanġibbli.

Ftehimiet ta' kummerċ ħieles

Bħala parti mill-ftehimiet ta' assoċjazzjoni l-UE kkonkludiet negozjati dwar żoni ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva (DCFTA) mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna sabiex:

  • ittejjeb l-aċċess għal prodotti u servizzi
  • tnaqqas tariffi, kwoti u ostakli għall-kummerċ
  • tiżgura ambjent legali stabbli
  • tallinja l-prattiki u n-normi

Djalogu dwar il-viża

Il-pajjiżi sħab tas-SL kienu minn tal-ewwel li bbenefikaw minn sħubiji ta' mobilità li ppermettew liċ-ċittadini tagħhom biex jiċċaqilqu madwar l-Ewropa f'ambjent sigur.

Il-ftehimiet għall-faċilitazzjoni tal-viża jippromwovu l-mobilità taċ-ċittadini tal-pajjiżi sħab Ewropej tal-Lvant u l-ftehimiet ta' riammissjoni jipprovdu regoli għall-ġestjoni tar-ritorn tal-migranti irregolari.

L-UE qed taħdem gradwalment lejn l-għan fit-tul ta' vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini ta' ċerti sħab tas-SL permezz tad-djalogi dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża.

Ftehimiet bilaterali skont it-tip u skont il-pajjiż

Verżjoni testwali

Ukrajna

  • faċilitazzjoni tal-viżi: 2014
  • liberalizzazzjoni tal-viżi: 2017
  • ftehim ta' assoċjazzjoni: 2017
  • żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva: 2017

Georgia

  • faċilitazzjoni tal-viżi: 2011 (parzjalment sospiża mill-2025)
  • liberalizzazzjoni tal-viżi: 2017
  • ftehim ta' assoċjazzjoni: 2016
  • żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva: 2016

Moldova

  • faċilitazzjoni tal-viżi: 2011
  • liberalizzazzjoni tal-viżi: 2014
  • ftehim ta' assoċjazzjoni: 2016
  • żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva: 2016

Armenja

  • faċilitazzjoni tal-viżi: 2014
  • ftehim ta' sħubija komprensiv u msaħħaħ: 2021

Ażerbajġan

  • faċilitazzjoni tal-viżi: 2014
  • ftehim ta' assoċjazzjoni u kooperazzjoni: 1999

Belarussja

  • faċilitazzjoni tal-viżi: 2020 (parzjalment sospiża mill-2021)

Involviment tas-soċjetà inġenerali

Is-sħubija tal-Lvant ma tinvolvix biss il-gvernijiet, iżda tqis ukoll il-fehmiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-mexxejja tan-negozju u l-assemblej parlamentari.

X'inhuma l-objettivi tas-Sħubija tal-Lvant?

Filwaqt li tibni fuq il-progress miksub matul l-ewwel għaxar snin tas-SL, l-Unjoni Ewropea identifikat ħames objettivi ta' politika fit-tul:

ekonomiji reżiljenti, sostenibbli u integrati

istituzzjonijiet responsabbli, l-istat tad-dritt u s-sigurtà

reżiljenza ambjentali u klimatika

trasformazzjoni diġitali

soċjetajiet ġusti u inklużivi

Fis-summit tas-SL tal-2021, il-mexxejja tal-UE u tas-SL impenjaw ruħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom abbażi ta' dawn il-prijoritajiet.

Pjani ta' investiment

Bl-objettiv ġenerali li tissaħħaħ ir-reżiljenza u jiġu ġġenerati benefiċċji konkreti għan-nies, l-aġenda l-ġdida tas-Sħubija tal-Lvant ser tkun strutturata madwar żewġ pilastri: l-investiment (li għandu jiġi appoġġat minn pjan ekonomiku u ta' investiment ta' €2.3 biljun) u l-governanza.

Il-pilastri ser jiġu appoġġati mid-diversi għodod u proċessi tal-UE, inkluż l-Ewropa Globali: l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) u l-inizjattivi ta' Tim Ewropa, il-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera u l-investimenti proprji tas-sħab.

L-għaxar miri l-aktar importanti għall-2025

Bħala parti mill-aġenda, għaxar miri ewlenin ta' investiment għall-2025 ġew identifikati bħala azzjonijiet prijoritarji futuri:

  • ekonomiji kompetittivi u innovattivi
  • l-istat tad-dritt
  • konnettività sostenibbli u intelliġenti
  • in-nies u s-soċjetajiet tal-għarfien
  • is-sigurtà u r-reżiljenza ċibernetika
  • enerġija sostenibbli
  • ambjent u klima
  • reżiljenza tas-saħħa
  • soċjetajiet inklużivi, ugwali bejn il-ġeneri u diversi, u komunikazzjoni strateġika
  • trasformazzjoni diġitali

Ir-rwol tal-Kunsill

Negozjar ta' ftehimiet internazzjonali mas-sħab tal-Lvant

Il-Kunsill hu involut fl-istadji kollha tan-negozjati u fl-adozzjoni tal-ftehimiet internazzjonali mal-pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant.

Is-summits tas-Sħubija tal-Lvant

Is-Sħubija tal-Lvant tistabbilixxi kanali ta' komunikazzjoni aktar b'saħħithom billi torganizza summits li jattendu għalihom il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern. Is-summits normalment isiru kull sentejn u jipprovdu gwida politika għall-iżvilupp ulterjuri tas-Sħubija tal-Lvant.

F'dawn is-summits, il-President tal-Kunsill Ewropew jirrappreżenta lill-UE, normalment flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea. Is-SL torganizza wkoll laqgħat annwali tal-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE u tas-SL.

Korpi responsabbli tal-Kunsill

Il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali jittratta l-aspetti kollha tar-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi fl-Ewropa tal-Lvant.

Il-Kumitat tal-Politika Kummerċjali wkoll jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fin-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet kummerċjali mal-pajjiżi sħab tas-SL.

L-aħħar reviżjoni: 4 ta' Frar 2025