- Summit Internazzjonali
Il-Ħames Summit bejn l-Unjoni Afrikana u l-UE, 29-30/11/2017, 29 u 30 ta' Novembru 2017
Riżultati ewlenin
Il-ħames summit bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea (UA-UE) sar fid-29 u t-30 ta' Novembru 2017 f'Abidjan, il-Kosta tal-Avorju.
Is-summit UA-UE ġab flimkien mexxejja tal-UE u tal-Afrika biex jiddefinixxu d-direzzjoni futura għall-kooperazzjoni bejn iż-żewġ kontinenti.
Flimkien huma adottaw dikjarazzjoni konġunta li tiddeskrivi l-prijoritajiet komuni għas-sħubija bejn l-UE u l-Afrika f’erba’ oqsma strateġiċi:
- opportunitajiet ekonomiċi għaż-żgħażagħ
- il-paċi u s-sigurtà
- il-mobilità u l-migrazzjoni
- kooperazzjoni dwar il-governanza
“Kif tafu, l-Unjoni Ewropea hija l-akbar sieħeb tal-Afrika u l-eqreb ġar. L-akbar investitur, l-akbar sieħeb kummerċjali u l-akbar fornitur ta’ għajnuna għall-iżvilupp u għajnuna umanitarja tagħha, kif ukoll l-akbar kontributur tagħha għall-paċi u s-sigurtà. U dan is-summit wera d-determinazzjoni tagħna li nsaħħu aktar is-sħubija tagħna.” Il-President Tusk waqt il-konferenza stampa tas-Summit UA-UE tat-30 ta' Novembru 2017
Il-mexxejja adottaw ukoll dikjarazzjoni konġunta dwar is-sitwazzjoni tal-migranti fil-Libja, li tikkundanna t-trattament inuman tal-migranti u r-refuġjati minn gruppi kriminali.
Ninvestu fiż-żgħażagħ
Waqt is-summit, il-mexxejja Afrikani u tal-UE ffokaw fuq l-investiment fiż-żgħażagħ. Din hija prijorità ewlenija għall-Afrika u għall-UE billi 60 % tal-popolazzjoni Afrikana hija taħt l-età ta' 25 sena.
Il-President Donald Tusk enfasizza x-xewqa komuni li ninvestu fiż-żgħażagħ fil-kumment ta' ftuħ tiegħu waqt is-summit:
"Nixtieq nilqa’ wkoll b’mod speċjali ż-żgħażagħ Afrikani u Ewropej li jinsabu magħna llum. Intom tirrappreżentaw grupp li f’dawn l-aħħar xhur ħadem ħafna. Bir-raġun li tistennew li aħna nagħtukom widen hekk kif niddiskutu l-prijoritajiet u l-azzjonijiet għas-snin li ġejjin, u li ninkludukom fl-implimentazzjoni tagħhom, peress li intom dawk li fil-futur ser tavvanzawhom ’il quddiem. Il-kompitu tagħna bħala mexxejja huwa li nieħdu deċiżjonijiet li jagħmlu l-ġejjieni aktar sikur u aktar għani għaċ-ċittadini kollha tagħna, kemm Afrikani u kif ukoll Ewropej.” Il-President Donald Tusk fil-ftuħ tal-ħames summit bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea f'Abidjan
Il-pjan ta' investiment estern tal-UE l-ġdid ġie ppreżentat lill-mexxejja fl-okkażjoni tas-summit. Dan il-pjan ta’ investiment għandu l-għan li jiskatta EUR 44 biljun f’investimenti fl-Afrika sal-2020, biex b’hekk joħloq opportunitajiet ġodda ta’ impjieg għaż-żgħażagħ madwar il-kontinent Afrikan.
Mobilità u migrazzjoni
Il-mexxejja tal-UE u dawk Afrikani qablu li jappoġġaw il-mobilità tal-istudenti, il-persunal u l-akkademiċi madwar il-kontinent Afrikan. Huma qablu wkoll li jtejbu l-programmi ta' skambju bejn l-Afrika u l-Ewropa, bħal ERASMUS+.
Rigward il-migrazzjoni, il-mexxejja ddiskutew kif għandu tiġi indirizzata l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u kif jiġu indirizzati b’mod konġunt il-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni irregolari.
Dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, il-mexxejja tal-UE u dawk Afrikani impenjaw ruħhom li jaħdmu flimkien biex itemmu t-trattament inuman tal-migranti u r-refuġjati f’dan il-pajjiż.
Huma adottaw dikjarazzjoni konġunta, fejn appellaw għall-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-awturi ta’ dawn ir-reati, ġewwa u barra l-Libja, u biex dawn jitressqu quddiem il-ġustizzja.
"Il-migrazzjoni tolqot b'mod sinifikanti liż-żewġ kontinenti tagħna. Għaldaqstant għandna responsabbiltà konġunta li naċċettawha bħala parti importanti tar-relazzjoni tagħna, li tirrikjedi li aħna naġixxu flimkien. Dan huwa speċjalment minnu fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Libja bl-akbar abbuż ċiniku tal-bnedmin. Ippermettuli nirrepeti l-appell tiegħi biex jiġu imposti sanzjonijiet tan-NU fuq il-faċilitaturi ta’ dħul klandestin u t-traffikanti ta’ bnedmin. U ippermettuli wkoll ngħid li m'aħniex ser inkunu effettivi jekk ma niżgurawx li l-persuni maqbuda fil-Libja u f’pajjiżi oħra jkunu jistgħu jirritornaw lura f'pajjiżhom b'wiċċ il-ġid” Il-President Tusk waqt il-konferenza stampa tas-summit UA-UE, 30 ta' Novembru 2017
Fil-marġini tas-summit, l-UE qablet li tistabbilixxi task force konġunta dwar il-migrazzjoni mal-Unjoni Afrikana u n-NU. Din it-task force ser ikollha l-għan li:
- ssalva u tipproteġi l-ħajjiet ta’ migranti u refuġjati, b’mod partikolari fil-Libja
- tħaffef ir-ritorn volontarju assistit lejn il-pajjiżi ta’ oriġini
- tħaffef ir-risistemazzjoni ta’ dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali
Avvenimenti sekondarji
Peress li ż-żgħażagħ huma t-tema ċentrali tas-summit, huma kienu involuti b'mod attiv fit-tħejjija għal-laqgħa tal-mexxejja f'Abidjan.
Ir-raba' summit taż-żgħażagħ bejn l-Afrika u l-Ewropa laqqa' flimkien 120 mexxej taż-żgħażagħ f'Abidjan bejn id-9 u l-11 ta' Ottubru. Huma qablu dwar dikjarazzjoni b'rakkomandazzjonijiet għas-summit ta' Novembru.
- Id-dikjarazzjoni ta' Abidjan (ir-Raba' Summit taż-Żgħażagħ bejn l-Afrika u l-Ewropa), 11 ta' Ottubru 2017
- Is-sit web tas-summit taż-żgħażagħ bejn l-Afrika u l-Ewropa
Abbażi ta' din id-dikjarazzjoni, 36 żagħżugħ miż-żewġ kontinenti komplew b'din il-ħidma permezz tal-inizjattiva "youth plug-in" tal-UA u l-UE.
Mit-12 ta’ Ottubru sad-29 ta’ Novembru, huma żviluppaw aġenda taż-żgħażagħ li ser tiġi ppreżentata lill-mexxejja waqt is-summit. L-aġenda taż-żgħażagħ tippreżenta proposti konkreti f’sitt oqsma ta’ prijorità:
- l-edukazzjoni u l-ħiliet
- in-negozju, il-ħolqien tal-impjiegi u l-intraprenditorija
- il-governanza u l-inklużjoni politika
- il-paċi u s-sigurtà
- il-kultura, l-isport u l-arti
- l-ambjent u t-tibdil fil-klima
Barra minn hekk, fis-27 ta' Novembru f'Abidjan sar is-sitt forum kummerċjali bejn l-UE u l-Afrika. L-objettiv tiegħu kien li tingħata spinta lill-investiment li jippromovi l-iżvilupp fl-Afrika. L-intraprendituri żgħażagħ u nisa kienu punt fokali għad-diskussjonijiet waqt il-forum kummerċjali.
Il-forum tas-soċjetà ċivili Afrika-UE sar aktar kmieni din is-sena fil-11 u t-13 ta' Lulju f'Tuneż. Din kien it-tielet edizzjoni tal-forum li laqqa' flimkien organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili miż-żewġ kontinenti. Huma adottaw dikjarazzjoni li tenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika.
L-UE u l-Afrika f'numri
L-UE u l-istati membri tagħha huma l-akbar kontributur fil-promozzjoni tal-iżvilupp, l-istabbiltà u l-paċi fl-Afrika:
- €21 biljun f'għajnuna għall-iżvilupp ingħataw lill-Afrika fl-2016 mill-UE u l-istati membri tagħha, l-akbar donaturi ta' għajnuna fil-kontinent
- €32 biljun ġew investiti fl-Afrika fl-2015 minn kumpaniji tal-UE, li jikkorrispondu għal madwar terz tal-investiment globali barrani dirett fl-Afrika
- €3.35 biljun huma allokati lill-fond Ewropew għall-iżvilupp sostenibbli, li għandhom jattiraw sa €44 biljun f'investiment
- 7 missjonijiet ċivili u militari ntbagħtu madwar l-Afrika
- €1.4 biljun huma impenjati għal programmi edukattivi fl-Afrika mill-2014 sal-2020
Is-Summit preċedenti
Fl-2014, ir-raba' summit UA-UE laqqa' flimkien aktar minn 60 mexxej mill-UE u mill-Afrika biex jiddiskutu l-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika u jsaħħu r-rabtiet bejn iż-żewġ kontinenti.
Ara wkoll
- Sit web tal-Ħames Summit bejn l-Unjoni Afrikana u l-UE, mid-29 sat-30 ta' Novembru 2017
- Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika (informazzjoni ġenerali)
- Ftehim ta' Cotonou (informazzjoni ġenerali)
- Relazzjonijiet tal-UE mal-Afrika (SEAE)
- Skedi informattivi dwar is-sħubija bejn l-Afrika u l-UE (SEAE)
- Żvilupp u kooperazzjoni tal-UE (Europeaid) fl-Afrika (Kummissjoni Ewropea)
- Is-sit web tal-Unjoni Afrikana
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Stqarrijiet għall-istampa
- African Union-European Union summit - Joint statement on the migrant situation in Libya
- 01/12/2017
- Remarks by President Donald Tusk at the press conference of the 5th African Union-European Union summit
- 30/11/2017
- Opening remarks by President Donald Tusk opening the 5th African Union-European Union summit in Abidjan
- 29/11/2017
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Symeon Piperidis Press officer
- +32 478 83 12 21
- +32 2 281 84 72
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali
Laqgħat li seħħew
L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025