Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Vidjokonferenza bejn il-mexxejja tal-UE u tal-Awstralja, 26 ta' Novembru 2020, 26 ta' Novembru 2020

Ir-riżultati ewlenin

Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew, u Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea, kellhom laqgħa tal-mexxejja permezz ta' vidjokonferenza ma' Scott Morrison, Prim Ministru tal-Awstralja.

Il-mexxejja kkonfermaw mill-ġdid ir-rieda tagħhom li jaħdmu flimkien fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, u li jieħdu miżuri effettivi biex jipproteġu s-saħħa u jibnu ekonomiji aktar innovattivi, sostenibbli, inklużivi u reżiljenti.

Huma affermaw mill-ġdid il-valuri kondiviżi tagħhom u enfasizzaw l-appoġġ qawwi tagħhom għall-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u sistema multilaterali effettiva bin-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba tagħha.

Il-pandemija tal-COVID-19

Il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jiżguraw aċċess universali, ekwu u bikri għal vaċċini, dijanjostiċi u terapewtiċi siguri, effettivi u affordabbli għall-COVID-19. Iż-żewġ naħat impenjaw ruħhom għal finanzjament sostanzjali għal mal-kważi €16-il biljun li nġabru permezz tal-maratona ta' wegħdiet ta' Rispons Globali għall-Coronavirus immexxi mill-UE.

Il-mexxejja enfasizzaw l-importanza ta' appoġġ internazzjonali kontinwu għall-Aċċeleratur tal-Aċċess għall-għodod kontra l-COVID-19 (ACT) u l-Faċilità COVAX tiegħu. Huma qablu li jsaħħu l-kooperazzjoni bilaterali fir-riċerka u l-innovazzjoni u li jikkondividu data tar-riċerka biex jiġġieldu kontra l-pandemija.

Il-mexxejja laqgħu l-eżiti tas-summit tal-G20 fil-21 u t-22 ta' Novembru. L-UE u l-Awstralja qed jintensifikaw il-kooperazzjoni dwar l-irkupru soċjoekonomiku ta' wara l-pandemija u qed jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni tal-G20.

Filwaqt li jissottolinjaw l-importanza li jiġu assistiti l-pajjiżi l-aktar vulnerabbli, inkluż fl-Afrika, il-mexxejja laqgħu l-estensjoni tal-Inizjattiva dwar is-Sospensjoni tas-Servizz tad-Dejn (DSSI) tal-G20/il-Klabb ta' Pariġi u l-''Qafas Komuni għat-Trattament tad-Dejn'' lil hinn mid-DSSI, li ġie approvat reċentement.

Il-mexxejja qablu li l-UE u l-Awstralja ser ikomplu jaħdmu flimkien biex isaħħu l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u t-tħejjija u r-rispons globali għall-emerġenzi tas-saħħa.

Negozjati kummerċjali ħielsa

Il-mexxejja nnutaw progress tajjeb fin-negozjati għal ftehim kummerċjali bilaterali ambizzjuż u komprensiv. Dan ser joħloq opportunitajiet ta' tkabbir, japprofondixxi l-integrazzjoni ekonomika u jsaħħaħ l-appoġġ kondiviż taż-żewġ partijiet għal arranġamenti kummerċjali bbażati fuq ir-regoli.

It-tibdil fil-klima u t-trasformazzjoni diġitali

Il-mexxejja ssottolinjaw l-impenn tagħhom għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Pariġi u biex jintensifikaw l-azzjoni globali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima bi tħejjija għall-COP26 fl-2021.

L-UE enfasizzat l-impenn tagħha li tikseb newtralità klimatika sal-2050. L-Awstralja ser turi ambizzjoni sinifikanti fit-tnaqqis tal-emissjonijiet u t-twettiq ta' strateġija ta' żvilupp b'emissjonijiet baxxi sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika kemm jista' jkun malajr f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi.

Il-mexxejja impenjaw ruħhom ukoll li jaċċelleraw it-trasformazzjoni diġitali. L-Awstralja u l-UE bdew djalogu dwar l-ekonomija diġitali u t-teknoloġija.

Kwistjonijiet globali u reġjonali

L-UE u l-Awstralja ser ikomplu jaħdmu flimkien biex jirriformaw u jsaħħu l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

Iż-żewġ partijiet affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li sa nofs l-2021 jilħqu soluzzjoni globali li tindirizza l-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija.

Il-mexxejja qalu li huma jistennew b'interess kooperazzjoni msaħħa f'oqsma bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu.

Huma ddiskutew ukoll kwistjonijiet reġjonali inkluż il-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar, il-Peniżola Koreana, il-Belarussja u l-Mediterran tal-Lvant.

Kuntest

F'Mejju 2018, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Awstralja.

Ir-relazzjonijiet bilaterali taż-żewġ partijiet huma minquxa fil-Ftehim Qafas bejn l-UE u l-Awstralja. Dan ġie ffirmat f'Awwissu 2017 u ġie applikat b'mod proviżorju minn dak iż-żmien 'l hawn.

Charles Michel, President of the European Council, Scott Morrison, Prime Minister of Australia and Ursula von der Leyen, President of the European Commission.

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025