Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Laqgħa tal-mexxejja tal-UE u tal-Indja permezz ta' vidjokonferenza, Porto, 8 ta' Mejju 2021

Riżultati ewlenin

Il-mexxejja tal-akbar żewġ demokraziji fid-dinja ltaqgħu permezz ta' vidjokonferenza fit-8 ta' Mejju 2021.

L-UE kienet rappreżentata mill-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tas-27 stat membru tal-UE, minn Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew, u minn Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea, miġbura f'Porto.

L-Indja kienet rappreżentata mill-Prim Ministru Shri Narendra Modi, li ngħaqad mal-mexxejja tal-UE permezz ta' vidjokonferenza.

Ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Josep Borrell, ipparteċipa wkoll fil-laqgħa.

Fi tmiem il-laqgħa, il-mexxejja adottaw dikjarazzjoni konġunta komprensiva.

Il-laqgħa saħħet is-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Indja, li hija mirfuda mill-valuri kondiviżi tad-demokrazija, il-libertà, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

Il-mexxejja qablu li jissoktaw in-negozjati dwar il-kummerċ ħieles u jibdew in-negozjati dwar żewġ ftehimiet kummerċjali addizzjonali. Huma nedew ukoll sħubija ġdida ta' konnettività.

Illum urejna s-saħħa tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Indja u l-potenzjal kbir tagħha. Il-President Charles Michel

Il-bini ta' tħejjija u reżiljenza globali għas-saħħa

Il-mexxejja tal-UE esprimew is-solidarjetà sħiħa tagħhom mal-Indja fid-dawl ta' mewġa ġdida bla preċedent ta' infezzjonijiet tal-COVID-19 fil-pajjiż. Permezz tal-approċċ ta' Tim Ewropa, qabel il-laqgħa l-istati membri tal-UE mmobilizzaw aktar minn €100 miljun f'tagħmir ta' emerġenza – ossiġenu, ventilaturi u medikazzjoni – għar-rispons tal-Indja għall-COVID-19.

L-UE u l-Indja jappoġġaw aċċess universali, sikur, ekwu u affordabbli għall-vaċċini, id-dijanjożi u t-trattament tal-COVID-19. Filwaqt li rrikonoxxew l-immunizzazzjoni estensiva bħala ġid pubbliku globali, il-mexxejja enfasizzaw li l-proċess tat-tilqim mhuwiex tellieqa bejn il-pajjiżi iżda tellieqa kontra l-ħin.

Il-mexxejja laqgħu l-kontribut tal-UE u tal-istati membri tagħha għall-produzzjoni tal-vaċċini u l-appoġġ sostanzjali tagħhom għall-Faċilità COVAX. Huma laqgħu wkoll l-isforzi tal-Indja biex tipproduċi u tqassam il-vaċċini kontra l-COVID-19 lil aktar minn 90 pajjiż permezz tal-inizjattiva tagħha "Vaccine Maitri".


L-UE u l-Indja impenjaw ruħhom li javvanzaw is-sigurtà tas-saħħa globali, inkluż billi jsaħħu t-tħejjija tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għal emerġenzi tas-saħħa u r-rispons għalihom, u billi jirriformaw id-WHO.

L-UE stiednet lill-Indja biex taħdem lejn trattat internazzjonali dwar il-pandemiji fil-qafas tad-WHO.

L-UE u l-Indja qed jiġġieldu l-pandemija flimkien

Impetu ġdid għall-kummerċ bejn l-UE u l-Indja

L-UE hija waħda mill-akbar sħab kummerċjali u investituri barranin tal-Indja. Il-laqgħa ġġenerat momentum ġdid għar-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali.
Il-mexxejja qablu li:

  • jissoktaw in-negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles ibbilanċjat, ambizzjuż, komprensiv u ta' benefiċċju reċiproku
  • isibu soluzzjonijiet rapidi għal kwistjonijiet ta' aċċess għas-suq li ilhom jeżistu
  • iniedu n-negozjati dwar ftehim awtonomu ta' protezzjoni tal-investiment
  • jibdew in-negozjati dwar ftehim dwar l-indikaturi ġeografiċi

L-UE u l-Indja ser itejbu wkoll il-koordinazzjoni dwar il-governanza ekonomika globali, b'mod partikolari fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u fil-G20. Huma qablu li japprofondixxu l-kooperazzjoni bilaterali dwar ir-riforma tad-WTO qabel il-konferenza ministerjali tad-WTO f'Novembru.

Infografika: Kummerċ f'oġġetti u servizzi bejn l-UE u l-Indja.
Kummerċ bejn l-UE u l-Indja: fatti u ċifri (Infografika)

Kummerċ bejn l-UE u l-Indja: fatti u ċifri (Infografika)

Nipproteġu l-pjaneta tagħna u nrawmu t-tkabbir ekoloġiku

Il-mexxejja enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu indirizzati b'mod urġenti l-isfidi interdipendenti tat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u t-tniġġis. Huma impenjaw ruħhom li jikkontribwixxu għas-suċċess tal-COP15 dwar il-Bijodiversità li jmiss, il-COP26 dwar il-Klima u t-tieni Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani.

Il-mexxejja enfasizzaw ukoll l-importanza li jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u rrikonoxxew it-tmexxija u l-progress ta' kull naħa.

Il-mexxejja stennew b'interess programm ta' ħidma ġdid għas-Sħubija UE-Indja dwar l-Enerġija Nadifa u l-Klima. L-għan huwa li tiġi approfondita l-kooperazzjoni biex jitħaffef l-użu tal-enerġija rinnovabbli, tiġi promossa l-effiċjenza fl-enerġija, ikun hemm kollaborazzjoni dwar il-grilji intelliġenti u t-teknoloġija għall-ħżin, u jiġi mmodernizzat is-suq tal-elettriku.

Sforzi konġunti oħra għall-promozzjoni tat-tkabbir ekoloġiku u l-modernizzazzjoni sostenibbli tal-ekonomija jinkludu d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u t-trasport u l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari l-ġdida u s-sħubija tal-effiċjenza fir-riżorsi.

Tnedija ta' sħubija ta' konnettività

Il-mexxejja adottaw sħubija ġdida għal konnettività trasparenti, inklużiva u bbażata fuq ir-regoli bejn l-UE u l-Indja u ma' pajjiżi u reġjuni terzi (inkluż l-Afrika, l-Asja Ċentrali u l-Indo-Paċifiku).

L-għan huwa li jkun hemm kollaborazzjoni fuq ir-regolamentazzjoni u l-appoġġ għall-investimenti privati f'infrastruttura fiżika ta' standard għoli fis-setturi kollha: dak diġitali, tat-trasport, tal-enerġija, u bejn il-persuni.

L-UE u l-Indja ser ifittxu li jrawmu skambji bejn l-Ewropej u l-Indja u li joħolqu sħubijiet bejn is-setturi pubbliċi u privati tal-UE u tal-Indja.

Is-sħubija tal-konnettività hija proġett ewlieni li ser jippromwovi infrastruttura ta' standard għoli għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u reżiljenti, u li ser irawwem skambji bejn il-popli tagħna. Il-President Charles Michel

L-Indja hija t-tieni pajjiż (wara l-Ġappun) li l-UE kkonkludiet Sħubija ta' Konnettività miegħu.

Trasformazzjoni diġitali

It-trasformazzjoni diġitali għandha l-potenzjal li toħloq impjiegi ta' kwalità u li ttejjeb il-ħajja taċ-ċittadini. Il-mexxejja laqgħu l-kooperazzjoni mill-qrib dwar l-istandards diġitali globali u qablu li jtejbuha aktar, inkluż fir-rigward tal-5G u lil hinn minnha.

Il-mexxejja qablu wkoll li jkomplu jsaħħu l-konverġenzi bejn l-oqfsa regolatorji tal-UE u tal-Indja u li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza.

Huma stennew b'interess it-tnedija tal-ħidma tat-Task Force Konġunta dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.

Drittijiet tal-bniedem

L-UE u l-Indja affermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom favur id-drittijiet kollha tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa.

Il-mexxejja huma impenjati għad-djalogu bejn l-UE u l-Indja dwar id-drittijiet tal-bniedem, bil-laqgħa li jmiss skedata għall-2022.

Huma qablu wkoll li jintensifikaw il-kooperazzjoni f'fora internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

Id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u l-opportunitajiet indaqs jinsabu fil-qalba tal-impenn tagħna mal-Indja. Il-President Charles Michel

Affarijiet barranin u ta' sigurtà

Il-mexxejja laqgħu t-tisħiħ reċenti tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Indja dwar is-sigurtà internazzjonali, inkluż dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti, is-sigurtà marittima, u dwar theddid ċibernetiku u theddid ieħor.

L-UE u l-Indja enfasizzaw l-impenn tagħhom għar-riforma komprensiva tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex jagħmluha aktar effettiva, trasparenti, rappreżentattiva u responsabbli, sabiex jiġu riflessi r-realtajiet kontemporanji.

Il-mexxejja enfasizzaw l-impenn tagħhom għal spazju Indo-Paċifiku ħieles, miftuħ, inklużiv u bbażat fuq ir-regoli. Dan għandu jkun ibbażat fuq ir-rispett għall-integrità territorjali u s-sovranità, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, it-trasparenza, il-libertà tan-navigazzjoni u tat-titjiriet li jgħaddu minn fuq, il-kummerċ legali mingħajr xkiel u r-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim.

F'dan il-kuntest, il-mexxejja laqgħu l-adozzjoni reċenti tal-istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni mal-Indo-Paċifiku u qablu li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Indja fir-reġjun Indo-Paċifiku, inkluż fil-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM) u f'fora reġjonali rilevanti.

L-UE u l-Indja ser isaħħu wkoll il-kooperazzjoni tagħhom mas-sħab Afrikani biex jappoġġaw Afrika għanja, paċifika, demokratika u reżiljenti.

Informazzjoni ġenerali

Summit bejn l-UE u l-Indja

Is-summit preċedenti bejn l-UE u l-Indja sar fil-15 ta' Lulju 2020, permezz ta' vidjokonferenza. Il-mexxejja tal-UE u tal-Indja adottaw dikjarazzjoni konġunta, pjan direzzjonali ta' ħames snin għas-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Indja u dikjarazzjoni konġunta dwar l-effiċjenza fir-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari.

Fis-summit tal-2020, il-mexxejja appellaw biex il-vaċċin kontra l-COVID-19 isir ġid komuni globali. Huma qablu wkoll li jintensifikaw il-kooperazzjoni dwar is-sigurtà tas-saħħa u t-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet pandemiċi, filwaqt li jżidu l-manifattura u jkomplu bil-ktajjen ta' provvista biex ifornu provvisti mediċi kruċjali.

Il-mexxejja qablu li jżommu s-sistema kummerċjali globali miftuħa u li jkomplu jiżviluppaw ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment tagħhom biex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, partikolarment fil-kuntest tal-irkupru ekonomiku ta' wara l-COVID-19.

Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

Fil-jum ta' qabel il-laqgħa tal-mexxejja, il-BEI ħabbar tliet miżuri ġodda biex jappoġġa l-irkupru tal-Indja mill-COVID-19:

  • inizjattiva ta' ekwità privata sostenibbli ta' €100 miljun
  • €300 miljun bħala appoġġ għall-metros Kanpur u Pune
  • donazzjoni ta' emerġenza ta' €250,000 biex tgħin lill-Indja tlaħħaq mal-COVID-19

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025