Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Laqgħa tal-mexxejja tal-UE u ċ-Ċina b'vidjokonferenza, 30 ta' Diċembru 2020

L-UE kienet irrappreżentata minn Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew, u Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea. Iċ-Ċina kienet irrappreżentata mill-President Xi Jinping.

Minbarra din il-laqgħa, sar skambju bejn il-President Franċiż Emmanuel Macron, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u l-President Xi bħala segwitu għal-laqgħa tagħhom f’Pariġi f’Marzu 2019.

Riżultati ewlenin

Il-mexxejja kkonkludew fil-prinċipju n-negozjati dwar il-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment bejn l-UE u ċ-Ċina (CAI).

Wara negozjati intensivi mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea f’isem l-UE, il-mexxejja żammew l-impenn meħud fis-summit UE-Ċina f’April 2019 fejn iż-żewġ naħat qablu li jimmiraw li jikkonkludu n-negozjati sa tmiem l-2020.

Il-parteċipanti laqgħu r-rwol attiv tal-presidenza Ġermaniża tal-Kunsill, u tal-Kanċillier Angela Merkel b’mod partikolari, li poġġa enfasi speċjali fuq ir-relazzjonijiet UE-Ċina u appoġġa bis-sħiħ in-negozjati tal-UE maċ-Ċina.

Karatteristiċi ewlenin tal-ftehim

Is-CAI għandu sinifikat ekonomiku kbir u ser jgħin biex ir-relazzjoni kummerċjali u ta’ investiment bejn l-UE u ċ-Ċina terġa' tiġi bbilanċjata abbażi ta’ valuri u prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli.

Dan jipprevedi livell bla preċedent ta’ aċċess għas-suq għall-investituri tal-UE, filwaqt li jagħti lin-negozji Ewropej ċertezza u prevedibbiltà għall-operazzjonijiet tagħhom. Is-CAI ser itejjeb b’mod sinifikanti l-kondizzjonijiet ekwi billi jistabbilixxi obbligi ċari fuq l-intrapriżi statali Ċiniżi, jipprojbixxi t-trasferimenti furzati tat-teknoloġija u prattiki oħra li joħolqu distorsjoni, u jtejjeb it-trasparenza tas-sussidji. Il-kumpaniji tal-UE għalhekk ser jibbenefikaw minn trattament aktar ġust meta jikkompetu fis-suq Ċiniż.

Il-ftehim jinkludi wkoll impenji importanti dwar l-ambjent u l-klima, inkluż biex jiġi implimentat b’mod effettiv il-Ftehim ta’ Pariġi, u dwar l-istandards tax-xogħol.

Iffirmar, ratifika, konklużjoni, implimentazzjoni u monitoraġġ tas-CAI

L-UE issa ser tipproċedi f’konformità mar-regoli u l-proċedura legali tagħha biex tiffirma, tirratifika u tikkonkludi l-ftehim. Iż-żewġ naħat ser jimmiraw li jikkonkludu n-negozjati dwar il-protezzjoni tal-investiment fi żmien sentejn mill-iffirmar tas-CAI.

Il-ftehim jipprevedi wkoll mekkaniżmu robust ta’ infurzar u monitoraġġ. Il-Kummissjoni Ewropea ser tissorvelja l-implimentazzjoni tal-impenji tas-CAI min-naħa tal-UE.

Suġġetti oħra diskussi

Lil hinn min-negozjati tas-CAI, l-UE tenniet l-aspettattiva tagħha li ċ-Ċina ser timpenja ruħha f’negozjati dwar is-sussidji industrijali fid-WTO. Il-mexxejja tal-UE enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jittejjeb l-aċċess għas-suq għall-kummerċjanti tal-UE f’setturi bħal dak agroalimentari u dak diġitali, u li tiġi indirizzata l-kapaċità żejda f’setturi tradizzjonali bħal dak tal-azzar u tal-aluminju kif ukoll f'dak tat-teknoloġija avvanzata.

Dwar il-klima, l-UE laqgħet l-fatt li ċ-Ċina ħabbret li trid tikseb newtralità f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2060 u tenniet li tinsab lesta tikkoopera dwar kwistjonijiet relatati mal-klima u l-bijodiversità.

Dwar il-Covid-19, il-mexxejja tal-UE enfasizzaw il-ħtieġa li jitkompla l-appoġġ għall-faċilità Covax u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali biex jiġu antiċipati u ġestiti aħjar pandemiji futuri potenzjali.

Il-mexxejja tal-UE appellaw ukoll liċ-Ċina biex tipparteċipa bis-sħiħ fl-isforzi multilaterali ta’ serħan mid-dejn fil-qafas maqbul mill-G20 u l-Klabb ta’ Pariġi.

Huma tennew ukoll it-tħassib serju tagħhom dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, inkluż l-iżviluppi f’Hong Kong.

Il-passi li jmiss fir-relazzjonijiet UE-Ċina

L-UE ser tkompli tmexxi l-politika tagħha fir-rigward taċ-Ċina f’konformità mal-approċċ multidimensjonali approvat fil-Kunsill Ewropew fl-1 u t-2 ta’ Ottubru.

Il-President Michel fakkar fl-istedina lill-President Xi biex jingħaqad f’laqgħa tal-mexxejja UE-Ċina bil-parteċipazzjoni tal-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern tal-istati membri tal-UE li għandha ssir fi Brussell fl-2021.

L-UE ser tevalwa r-relazzjonijiet UE-Ċina, inkluż iżda mhux limitat għas-CAI u l-implimentazzjoni tiegħu fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, matul il-presidenza Franċiża tal-Kunsill fl-2022.

Kuntest

Il-laqgħa pprovdiet opportunità biex jingħata segwitu għat-22 Summit UE-Ċina (22 ta’ Ġunju) u għal-laqgħa tal-mexxejja b'vidjokonferenza (14 ta’ Settembru) li oriġinarjament kienet ippjanata li ssir f’Leipzig. Hija parti mill-impenn kontinwu tal-Unjoni Ewropea maċ-Ċina. Il-mexxejja tal-UE kellhom dibattitu strateġiku dwar iċ-Ċina fil-Kunsill Ewropew Straordinarju ta’ Ottubru li kien tħejja permezz ta’ konsultazzjoni fil-fond fil-livell tal-mexxejja tal-UE.

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025