"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Summit Internazzjonali

Summit bejn l-UE u l-Ġappun b'vidjokonferenza, 27 ta' Mejju 2021

Riżultati ewlenin

Is-27 summit bejn l-UE u l-Ġappun sar permezz ta' vidjokonferenza fis-27 ta' Mejju 2021.

L-UE kienet rappreżentata mill-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen.

Il-Ġappun kien rappreżentat mill-Prim Ministru Yoshihide Suga.

Il-mexxejja adottaw stqarrija konġunta.

L-UE u l-Ġappun huma magħqudin fil-kooperazzjoni tagħhom ibbażata fuq valuri u prinċipji komuni, inkluż il-libertà, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-kummerċ ħieles u ġust, il-multilateraliżmu effettiv u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli. Din is-sena jiġi kkommemorat l-20 anniversarju tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Ġappun.

Id-diskussjonijiet tal-mexxejja fis-summit ikkonċentraw fuq tliet pilastri ewlenin: kwistjonijiet globali, ir-relazzjonijiet bilaterali u politika barranija u ta' sigurtà.

Kwistjonijiet globali

Tibdil fil-klima u ambjent

Il-mexxejja nedew l-Alleanza Ekoloġika UE-Ġappun, li ser tagħti spinta lill-isforzi kkoordinati fuq iż-żewġ naħat biex iħaffu l-azzjoni klimatika u ambjentali. Permezz ta' din l-alleanza, l-UE u l-Ġappun ser japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom dwar:

  • it-tranżizzjoni enerġetika
  • il-ħarsien ambjentali
  • il-kooperazzjoni regolatorja u kummerċjali
  • ir-riċerka u l-iżvilupp
  • il-finanzi sostenibbli
  • l-iffaċilitar tat-tranżizzjoni f'pajjiżi terzi

Barra minn hekk, l-UE u l-Ġappun ser jaħdmu flimkien u ma' oħrajn biex jiksbu l-aktar riżultati ambizzjużi fil-COP26 dwar il-klima f'Novembru, u qafas globali tal-bijodiversità ambizzjuż għal wara l-2020 fil-COP15 dwar il-bijodiversità f'Ottubru.

Kummenti mill-President Charles Michel dwar l-Alleanza Ekoloġika UE-Ġappun wara s-27 summit bejn l-UE u l-Ġappun

COVID-19

Il-mexxejja affermaw mill-ġdid id-determinazzjoni tagħhom li jegħlbu l-pandemija. Huma rrikonoxxew l-immunizzazzjoni bħala ġid pubbliku globali u esprimew l-appoġġ tagħhom għal aċċess universali, ekwu u affordabbli għal tilqim, dijanjożi u trattamenti tal-COVID li huma sikuri, effettivi u ta' kwalità garantita.

Filwaqt li enfasizzaw il-kontributi sostanzjali ta' xulxin għall-COVAX, huma laqgħu r-rwol ewlieni tal-UE bħala fornitur tat-tilqim madwar id-dinja, inkluż lill-Ġappun. Il-mexxejja impenjaw ruħhom li jaħdmu lejn l-espansjoni tal-produzzjoni tat-tilqim u li jżommu l-ktajjen tal-provvista miftuħa u appellaw biex ma jiġux implimentati restrizzjonijiet bla bżonn fuq l-esportazzjoni u l-ivvjaġġar.

Mal-Ġappun, aħna impenjati bis-sħiħ lejn il-COVAX. Il-Prim Ministru Suga ser jospita s-summit b'appell għal wegħdiet ta' donazzjonijiet għall-COVAX il-ġimgħa d-dieħla. Nittamaw li dawn l-isforzi ser jgħinu biex jiġu żgurati biżżejjed riżorsi biex jitlaqqmu 30 % tal-popolazzjoni tad-dinja sal-aħħar ta' din is-sena. Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew

Biex jiġi żgurat li d-dinja tkun imħejjija aħjar biex tirrispondi għal emerġenzi tas-saħħa globali, l-UE u l-Ġappun ser jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex jappoġġaw, isaħħu u jirriformaw l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u ser jinvolvu ruħhom fid-diskussjonijiet dwar trattat internazzjonali dwar il-pandemiji fi ħdan il-qafas tad-WHO.

Multilateraliżmu

L-UE u l-Ġappun huma determinati li jiddefendu l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli bin-NU fil-qalba tiegħu u li jsaħħu l-istituzzjonijiet multilaterali. Huma ser ikomplu juru tmexxija fit-tweġiba għall-isfidi globali u fit-tħaffif tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta' Pariġi u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa. Il-mexxejja impenjaw ruħhom ukoll li jsaħħu l-kooperazzjoni trilaterali mal-Istati Uniti.

L-UE u l-Ġappun jappoġġaw it-tisħiħ u r-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ bħala pilastru ċentrali tas-sistema ekonomika globali. Huma ser jaħdmu flimkien biex jiżguraw Konferenza Ministerjali tad-WTO ta' suċċess f'Ġinevra (30 ta' Novembru sat-3 ta' Diċembru 2021).

Trasformazzjoni diġitali

L-UE u l-Ġappun ser jikkollaboraw biex jippromwovu standards globali u approċċi komprensivi – inkluż regolatorji – għall-politika u t-teknoloġiji diġitali.

L-UE trid tagħmel l-għaxar snin li ġejjin id-"deċennju diġitali" tagħna. Ser naħdmu mal-Ġappun fuq teknoloġiji emerġenti, materjali kritiċi, 5G u 6G, l-intelliġenza artifiċjali, id-data, u l-pjattaformi. Din ser tagħti spinta lill-kompetittività kemm tal-UE kif ukoll tal-Ġappun u tistabbilixxi standards f'fora multilaterali. Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew

Il-mexxejja enfasizzaw l-impenn konġunt tagħhom għal standards għoljin ta' protezzjoni għad-data personali. Huma impenjaw ruħhom li jkomplu l-kooperazzjoni dwar l-inizjattiva "Fluss Liberu tad-Data b'Fiduċja" bil-ħsieb li jiffaċilitaw flussi transkonfinali sikuri u siguri tad-data billi jtejbu s-sigurtà u l-privatezza.

Relazzjonijiet UE-Ġappun

Il-mexxejja laqgħu r-riżultati pożittivi tal-ftehim ta' sħubija ekonomika (FSE) bejn l-UE u l-Ġappun fis-sentejn mid-dħul fis-seħħ tiegħu. Huma kkonfermaw li l-implimentazzjoni sħiħa tal-FSE ser tibqa' prijorità komuni.

Il-mexxejja enfasizzaw li hija l-prijorità komuni tagħhom li jippromwovu konnettività sostenibbli, komprensiva u bbażata fuq ir-regoli permezz tas-sħubija tal-UE għal konnettività sostenibbli u infrastruttura ta' kwalità. Il-Ġappun huwa l-ewwel pajjiż li miegħu l-UE kkonkludiet sħubija ta' konnettività.

Il-mexxejja impenjaw ruħhom ukoll li jespandu l-kooperazzjoni bejn l-oqsma industrijali, tax-xjenza, tar-riċerka u l-innovazzjoni u spazjali taż-żewġ naħat. Dan jinkludi l-possibbiltà li l-Ġappun ikun assoċjat mal-programm ta' riċerka Orizzont Ewropa.

Il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Ġappun qed iġib benefiċċji għaċ-ċittadini u l-kumpaniji tal-UE

Kummerċ UE-Ġappun: fatti u ċifri (Infografika)

Politika barranija u ta' sigurtà

Reġjun Indo-Paċifiku

Il-mexxejja qablu li jsaħħu l-kooperazzjoni għal reġjun Indo-Paċifiku ħieles u miftuħ, li jkun inklużiv, ibbażat fuq l-istat tad-dritt u l-valuri demokratiċi, u mingħajr restrizzjonijiet permezz ta'koerċizzjoni. Huma ser jippruvaw isaħħu l-kooperazzjoni mal-ASEAN fir-reġjun u ser jaħdmu wkoll mal-pajjiżi tal-Asja t'Isfel u l-Gżejjer tal-Paċifiku.

Il-mexxejja esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar is-sitwazzjoni fl-Ibħra tal-Lvant u tan-Nofsinhar taċ-Ċina u jopponu bil-qawwa kwalunkwe tentattiv unilaterali biex jinbidel l-istatus quo u jiżdiedu t-tensjonijiet.

L-UE ddeċidiet li ssaħħaħ l-attenzjoni strateġika tagħha fuq l-Indo-Paċifiku. Għandna interess qawwi li nintensifikaw il-kooperazzjoni tagħna mal-Ġappun fis-sigurtà marittima, il-kooperazzjoni teknoloġika, iċ-ċibersigurtà, id-diżinformazzjoni – u li nippromwovu l-valuri u l-prinċipji fundamentali fir-reġjun. Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew

Kwistjonijiet oħra ta' politika barranija u ta' sigurtà

L-UE u l-Ġappun ser itejbu l-konsultazzjonijiet dwar is-sigurtà, b'mod partikolari dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm u dwar il-ġlieda kontra t-theddid ibridu u jespandu l-kooperazzjoni prattika f'oqsma bħaċ-ċibersigurtà, is-sigurtà marittima u l-immaniġġar ta' kriżijiet.

Il-mexxejja rrikonoxxew l-importanza ta' informazzjoni trasparenti, affidabbli u bbażata fuq il-fatti u qablu li jkomplu bid-djalogi dwar il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni. Huma tennew ukoll l-impenn tagħhom li jippromwovu ċiberspazju miftuħ, ħieles, stabbli u sigur.

L-UE u l-Ġappun ser jibqgħu determinati fl-appoġġ tagħhom għall-isforzi ta' nonproliferazzjoni nukleari, inkluż biex jinkiseb iż-żarmar komplet, verifikabbli u irreversibbli mill-Korea ta' Fuq tal-armi nukleari u armi oħra ta' qerda massiva tagħha u l-programmi ta' missili ballistiċi ta' kull firxa tagħha. Il-mexxejja tennew l-appoġġ konġunt tagħhom għall-preservazzjoni tal-Iran-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK), u l-iżgurar tal-implimentazzjoni sħiħa tiegħu.

L-UE u l-Ġappun ser jikkonsultaw u jikkoordinaw mill-qrib dwar kwistjonijiet reġjonali oħra bħall-Afganistan, il-Belarussja, il-Myanmar, l-Ukrajna, il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, is-Sirja, is-Saħel, il-Libja, Hong Kong, Xinjiang, u l-Lvant tal-Mediterran. Huma ser ikomplu wkoll l-iskambji dwar ir-relazzjonijiet rispettivi tagħhom maċ-Ċina u r-Russja.

Kuntest

L-aħħar summit bejn l-UE u l-Ġappun sar fi Brussell fil-25 ta' April 2019. Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, minflok is-summit tal-2020 saret laqgħa tal-mexxejja b'vidjokonferenza fis-26 ta' Mejju 2020.

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġappun huma bbażati fuq ftehim ta' sħubija strateġika u ftehim ta' sħubija ekonomika. It-tnejn li huma ġew iffirmati fis-summit bejn l-UE u l-Ġappun fl-2018 u ilhom jiġu applikati sa minn Frar 2019.

F'Settembru 2019, iż-żewġ naħat iffirmaw ukoll is-Sħubija bejn l-UE u l-Ġappun għal Konnettività Sostenibbli u Infrastruttura ta' Kwalità. Din hija l-ewwel sħubija ta' konnettività li qatt kellha l-UE ma' pajjiż terz (it-tieni waħda ġiet konkluża fit-8 ta' Mejju 2021, mal-Indja).

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025