Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Summit tal-G7, Hiroshima, il-Ġappun, 19-21 ta' Mejju 2023

Riżultati ewlenin

Is-summit tal-G7 ospitat mill-presidenza Ġappuniża tal-G7 din is-sena sar fil-Belt ta' Hiroshima, il-Ġappun.

Aħna, il-mexxejja tal-Grupp tas-Sebgħa (G7), iltqajna f'Hiroshima (...), magħqudin aktar minn qatt qabel fid-determinazzjoni tagħna li niffaċċaw l-isfidi dinjija ta' dan il-mument u li nwittu t-triq għal futur aħjar. Komunikat tal-mexxejja tal-G7

Il-kwistjonijiet ewlenin indirizzati matul id-disa' sessjonijiet ta' ħidma kienu:

  • l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
  • id-diżarm nukleari u n-nonproliferazzjoni
  • l-ekonomija, il-finanzi u l-iżvilupp sostenibbli dinji
  • it-tibdil fil-klima, l-enerġija u l-ambjent
  • is-sigurtà tal-ikel u s-saħħa
  • il-komunikazzjoni mas-sħab internazzjonali

Fi tmiem is-summit ġie adottat komunikat tal-mexxejja.

Ritratt tal-grupp fil-Maqdes
Ritratt tal-grupp fil-Maqdes

L-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

Il-G7 għal darb'oħra kkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-gwerra ta' aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna.

L-appoġġ tagħna għall-Ukrajna mhuwiex ser ibatti. M'aħniex ser innaqqsu l-impenn tagħna li ntaffu l-impatt tal-azzjonijiet illegali tar-Russja fuq il-bqija tad-dinja. Komunikat tal-mexxejja tal-G7

Il-mexxejja tal-G7 ħabbru aktar miżuri biex iżidu l-konsegwenzi għar-Russja u għal dawk li qed jappoġġaw l-isforz tal-gwerra tagħha. Dawn ser:

  • jiżguraw li l-esportazzjonijiet tal-oġġetti kollha li huma kritiċi għall-magna tal-gwerra tar-Russja jkunu ristretti fil-ġuriżdizzjonijiet kollha tal-G7
  • jieħdu azzjoni biex ikomplu jipprevjenu l-evażjoni u ċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri kontra r-Russja
  • inaqqsu l-użu li r-Russja tagħmel mis-sistema finanzjarja internazzjonali, inkluż billi jipprevjenu li l-fergħat tal-banek Russi f'pajjiżi terzi jintużaw biex jiġu evitati s-sanzjonijiet
  • jieħdu passi biex jillimitaw id-dħul tar-Russja mill-enerġija u l-metalli
  • jaħdmu flimkien biex jirrestrinġu l-kummerċ fid-djamanti estratti, ipproċessati jew prodotti fir-Russja, kif ukoll l-użu tagħhom
M'aħniex ser nagħtu aċċess lir-Russja għat-teknoloġija, it-tagħmir industrijali u s-servizzi tal-G7 li jappoġġaw il-magna tal-gwerra tagħha. Komunikat tal-mexxejja tal-G7

Huma tennew ukoll l-appell tagħhom lil partijiet terzi biex jieqfu jipprovdu appoġġ materjali għall-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Il-G7 ser ikompli jieħu azzjoni kontra atturi minn pajjiżi terzi li jappoġġaw materjalment il-gwerra tar-Russja.

Il-President Michel dwar l-Ukrajna: "Id-djamanti Russi mhumiex għal dejjem"

Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy ngħaqad mal-mexxejja tal-G7 fl-20 u l-21 ta' Mejju. Il-mexxejja tal-G7 tennew l-appoġġ tagħhom għall-Ukrajna għal kemm ikun hemm bżonn.

Id-diżarm u n-nonproliferazzjoni

Il-mexxejja tal-G7 tennew l-importanza tal-isforzi ta'diżarm u nonproliferazzjoni biex tinħoloq dinja aktar stabbli u aktar sikura.

F'dan l-ewwel dokument tal-mexxejja tal-G7 b'enfasi partikolari fuq id-diżarm nukleari, aħna naffermaw mill-ġdid l-impenn tagħna li niksbu dinja mingħajr armi nukleari, b'sigurtà mhux imdgħajfa għal kulħadd. Il-viżjoni tal-mexxejja tal-G7 f'Hiroshima dwar id-diżarm nukleari

Huma tennew li t-theddid mir-Russja li tuża armi nukleari kontra l-Ukrajna huwa inammissibbli.

L-ekonomija, il-finanzi u l-iżvilupp sostenibbli dinjija

Il-mexxejja tal-G7 affermaw l-impenn tagħhom li flimkien irawmu rkupru ekonomiku dinji b'saħħtu u reżiljenti.

L-iżgurar tar-reżiljenza ekonomika u s-sigurtà ekonomika fil-livell dinji jibqa' l-aqwa protezzjoni tagħna meta l-vulnerabbiltajiet ekonomiċi jintużaw bħala armi. Komunikat tal-mexxejja tal-G7

Il-pajjiżi tal-G7 ser:

  • jippromwovu l-impjiegi, it-tkabbir sostenibbli u l-prosperità għal kulħadd
  • jagħmlu l-ktajjen tal-provvista aktar reżiljenti u affidabbli
  • jirrispettaw ir-regoli u n-normi internazzjonali sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ
  • iżidu t-tħejjija u r-rispons kollettivi tagħhom għall-koerċizzjoni ekonomika

Il-mexxejja tal-G7 jinsabu lesti li jieħdu azzjoni xierqa biex iżommu l-istabbiltà finanzjarja u r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja dinjija.

Il-mexxejja tal-G7 enfasizzaw ukoll l-importanza li titnaqqas id-diskrepanza fl-investiment fl-infrastruttura f'pajjiżi sħab b'introjtu baxx u medju.

Ser inkomplu nsaħħu s-sħubijiet dinjija mal-pajjiżi sħab għal investimenti pubbliċi u privati f'infrastruttura sostenibbli, inklużiva, reżiljenti u ta' kwalità. Komunikat tal-mexxejja tal-G7

Huma reġgħu affermaw l-impenn komuni tagħhom li sal-2027 jiġu mmobilizzati sa $600 biljun għas-sħubija tal-G7 għall-infrastruttura u l-investiment dinjija.

Diskussjoni
Diskussjoni

It-tibdil fil-klima, l-enerġija u l-ambjent

Il-mexxejja tal-G7 għarfu r-rwol kritiku tal-ekonomiji ewlenin kollha biex jillimitaw iż-żidiet fit-temperatura tad-dinja matul dan id-deċennju u d-deċennji li ġejjin.

Huma jibqgħu sodi fl-impenn tagħhom li:

  • jirrispettaw il-livell limitu ta' żieda ta' 1.5°C fit-temperatura globali
  • jwaqqfu u jreġġgħu lura t-telf tal-bijodiversità sal-2030
  • jiżguraw is-sigurtà tal-enerġija

Il-pajjiżi tal-G7 ser jikkomunikaw mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk emerġenti biex iħaffu t-tnaqqis tal-emissjonijiet u jappoġġaw it-tranżizzjonijiet enerġetiċi ġusti tagħhom.

Fil-livell dinji ser navvanzaw u nippromwovu trasformazzjoni ekoloġika, filwaqt li naħdmu flimkien biex it-trasformazzjoni tal-ekonomiji tagħna nagħmluha realtà ħalli nilħqu n-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050. Komunikat tal-mexxejja tal-G7

Il-mexxejja tal-G7 enfasizzaw l-importanza li jiġi mmobilizzat il-finanzjament għal aktar implimentazzjoni u żvilupp ta' teknoloġiji u attivitajiet nodfa.

Aħna nenfasizzaw il-ħtieġa u l-opportunità reali u urġenti biex jiġu aċċellerati t-tranżizzjonijiet lejn enerġija nadifa, anke biex fl-istess waqt intejbu s-sigurtà tal-enerġija. Komunikat tal-mexxejja tal-G7
Din l-infografika tiddeskrivi r-riżorsi finanzjarji allokati mill-UE biex nersqu lejn in-newtralità klimatika.
L-UE kif qed tiffinanzja t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika? (Infografika)

L-UE kif qed tiffinanzja t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika? (Infografika)

Is-sigurtà tal-ikel u s-saħħa

Il-mexxejja tal-G7 jibqgħu mħassba ħafna dwar is-sitwazzjoni li għadha għaddejja fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni dinjia u li sejra għall-agħar, aggravata mill-gwerra ta' aggressjoni illegali tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Sabiex jiggarantixxu l-esportazzjonijiet taċ-ċereali mill-Ukrajna u provvista stabbli għal dawk fil-bżonn, il-mexxejja tal-G7 reġgħu affermaw l-importanza ta':

  • il-korsiji ta' solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna
  • l-inizjattiva "Grain from Ukraine" tal-President Zelenskyy
  • l-implimentazzjoni kontinwa u estiża tal-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali (BSGI)
Qed nappellaw lir-Russja biex tieqaf thedded il-provvisti globali tal-ikel u biex tħalli lill-BSGI topera bil-potenzjal kollu tagħha u għal kemm ikun hemm bżonn. Komunikat tal-mexxejja tal-G7

Il-mexxejja tal-G7 ħadu passi konkreti biex iniedu d-dikjarazzjoni ta' azzjoni ta' Hiroshima għal sigurtà globali tal-ikel reżiljenti ma' pajjiżi sħab biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet kemm illum kif ukoll fil-futur.

Il-mexxejja tal-G7 huma ddeterminati wkoll li jinvestu fis-saħħa globali permezz ta':

  • kapaċità ta' manifattura tal-vaċċini madwar id-dinja
  • il-Fond għall-Pandemiji
  • il-ftehim internazzjonali futur dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji
  • sforzi biex tinkiseb kopertura tas-saħħa universali

Komunikazzjoni mas-sħab internazzjonali

Il-presidenza Ġappuniża tal-G7 stiednet lil mexxejja mill-Awstralja, il-Brażil, il-Comoros, il-Gżejjer Cook, l-Indja, l-Indoneżja, ir-Repubblika tal-Korea u l-Vjetnam biex jipparteċipaw f'diversi sessjonijiet ta' ħidma matul is-summit.

Il-mexxejja tal-G7 jinsabu lesti biex jagħtu ħajja ġdida lill-kooperazzjoni internazzjonali u biex jaħdmu mas-sħab biex tinkiseb dinja li tkun iċċentrata fuq il-bniedem u reżiljenti, li ma tħalli lil ħadd jibqa' lura.

Il-pajjiżi tal-G7 huma ddeterminati li:

  • jappoġġaw reġjun Indo-Paċifiku ħieles u miftuħ
  • isaħħu s-sħubijiet tagħhom mal-pajjiżi Afrikani u jappoġġaw rappreżentanza Afrikana akbar f'fora multilaterali
Diskussjoni ma' dawk sħab
Diskussjoni ma' dawk sħab

Laqgħat bilaterali

Fil-marġni tas-summit, il-President Michel kellu sensiela ta' laqgħat bilaterali mal-Kanada, il-Vjetnam u l-Ukrajna, hekk kif il-President Zelenskyy ngħaqad mal-mexxejja fl-20 u l-21 ta' Mejju.

Ilna nappoġġaw lill-poplu tal-Ukrajna sa mill-ewwel jum b'solidarjetà u determinazzjoni. U ser inkomplu nagħmlu hekk għal kemm ikun hemm bżonn. Il-President Charles Michel
Il-President Michel u l-President Zelenskyy
Il-President Michel u l-President Zelenskyy

Dwar is-summit tal-G7

Is-summit tal-G7 huwa forum li jaqdi rwol importanti fit-tfassil ta' risponsi dinjija għal sfidi dinjija, u jikkumplimenta l-koordinazzjoni ekonomika dinjija mwettqa mill-G20.

Jiġbor flimkien mexxejja mill-UE u mill-pajjiżi li ġejjin:

  • Kanada
  • Franza
  • Ġermanja
  • Italja
  • Ġappun
  • Renju Unit
  • Stati Uniti

L-aħħar summit tal-G7 sar fi Schloss Elmau, il-Bavarja, il-Ġermanja, f'Ġunju 2022.

Il-mexxejja ilhom jiltaqgħu fil-konfigurazzjoni tal-G7 mill-2014, wara l-ksur tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa.

L-UE bħala membru tal-G7

Fl-1977, rappreżentanti ta' dik li kienet il-Komunità Ewropea pparteċipaw fis-summit ta' Londra. Fil-bidu, ir-rwol tal-UE kien limitat għal dawk l-oqsma fejn kellha kompetenzi esklużivi, iżda dan ir-rwol kiber maż-żmien.

L-UE ġiet gradwalment inkluża fid-diskussjonijiet politiċi kollha fuq l-aġenda tas-summit u, mis-summit ta' Ottawa (1981) 'il quddiem, ħadet sehem fis-sessjonijiet ta' ħidma kollha tas-summit.

L-UE għandha r-responsabbiltajiet kollha tas-sħubija. Il-komunikat tas-summit jorbot politikament lill-membri kollha tal-G7.

Ir-rotazzjoni tal-presidenza hija kif ġej: il-Kanada fl-2018, Franza fl-2019, l-Istati Uniti fl-2020, ir-Renju Unit fl-2021, il-Ġermanja fl-2022, il-Ġappun fl-2023, u l-Italja fl-2024.

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025