Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Summit UE-Ukrajna, 3 ta' Frar 2023

Riżultati ewlenin

Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew, u Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, iltaqgħu ma' Volodymyr Zelenskyy, il-President tal-Ukrajna, f'Kiev għall-24 summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna.

L-UE ser tkun miegħek u mal-poplu tiegħek minn issa u sakemm ikun hemm bżonn. Ser nkunu viċin tiegħek biex nerġgħu nibnu Ukrajna moderna u prospera ankrata fis-sod fuq il-perkors Ewropew komuni tagħna. Il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel

Dan kien l-ewwel summit bejn l-UE u l-Ukrajna mill-bidu tal-aggressjoni Russa, u anki minn meta l-Kunsill Ewropew ta lill-Ukrajna l-istatus ta' pajjiż kandidat.

Il-mexxejja ddiskutew:

  • il-perkors Ewropew tal-Ukrajna u l-proċess ta' adeżjoni
  • ir-rispons tal-UE għall-gwerra ta' aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna
  • l-inizjattivi tal-Ukrajna għal paċi u responsabbiltà ġusti
  • il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' rikostruzzjoni u solliev u fl-oqsma tal-enerġija u l-konnettività
  • is-sigurtà globali tal-ikel

Il-mexxejja ħarġu dikjarazzjoni konġunta fi tmiem is-summit.

Konferenza stampa wara s-summit UE-Ukrajna

Proċess ta' adeżjoni

L-Ukrajna applikat għal sħubija fl-UE fi Frar 2022 u ngħatat l-istatus ta' kandidat tal-UE f'Ġunju 2022.

Aħna tennejna li l-futur tal-Ukrajna u taċ-ċittadini tagħha jinsab fl-Unjoni Ewropea. Dikjarazzjoni konġunta UE-Ukrajna

L-UE rrikonoxxiet l-isforzi konsiderevoli li għamlet l-Ukrajna f'dawn l-aħħar xhur biex tilħaq l-objettivi meħtieġa għall-istatus tagħha ta' kandidat tal-UE.

Il-Kunsill ser jiddeċiedi dwar passi ulterjuri ladarba l-Ukrajna tissodisfa l-kondizzjonijiet deskritti fl-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tagħha għas-sħubija fl-UE.

Il-Kummissjoni ser tirrapporta dwar l-issodisfar tal-kondizzjonijiet mill-Ukrajna bħala parti mill-pakkett ta' tkabbir regolari tagħha fl-2023. Mingħajr preġudizzju għal dan ir-rapportar regolari komprensiv, fir-rebbiegħa tal-2023 huwa mistenni aġġornament mill-Kummissjoni.

Ir-rispons għaIl-gwerra ta' aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna

Bis-saħħa tal-għaqda tagħha, l-UE pprovdiet appoġġ kontinwu lill-Ukrajna, u ser tkompli tappoġġa lill-Ukrajna sakemm ikun hemm bżonn.

Responsabbiltà

Il-mexxejja appoġġaw l-iżvilupp ta' Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta' Aggressjoni fl-Ukrajna (ICPA) f'The Hague.

Id-delitti tal-gwerra u d-delitti l-oħra l-aktar serji mwettqa matul il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna huma ksur gravi tad-dritt internazzjonali. Dikjarazzjoni konġunta UE-Ukrajna

L-objettiv huwa li tiġi kkoordinata l-investigazzjoni tad-delitt ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna, li l-evidenza tinżamm u tinħażen għal proċessi futuri.

Id iżżomm ġirasol. Simbolu ta' tama.
Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna (Infografika)

Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna (Infografika)

Miżuri restrittivi

L-UE adottat sett bla preċedent ta' miżuri restrittivi kontra r-Russja, b'effetti viżibbli fuq ir-reġim u l-ekonomija tagħha.

Fis-summit, l-UE tenniet l-appell tagħha lill-pajjiżi kollha biex jallinjaw ruħhom mal-miżuri restrittivi tal-UE.

Paċi ġusta

L-UE tenniet li tinsab lesta biex tappoġġa l-inizjattiva tal-Ukrajna għal paċi ġusta, ibbażata fuq ir-rispett għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

Esprimejna l-appoġġ tagħna għall-formula tal-paċi tal-President Zelenskyy u l-impenn tagħna li naħdmu b'mod attiv mal-Ukrajna fuq il-pjan ta' paċi ta' 10 punti. Dikjarazzjoni konġunta UE-Ukrajna

Appoġġ militari

L-appoġġ militari tal-UE jinkludi:

  • aktar minn €3.6 biljun skont il-Faċilità Ewropea għall-Paċi
  • it-tnedija tal-Missjoni ta' Assistenza Militari tal-UE għat-taħriġ ta' 30 000 suldat inizjali fl-2023

Flimkien mal-appoġġ militari pprovdut mill-istati membri tal-UE, l-appoġġ militari ġenerali mill-UE lill-Ukrajna huwa stmat għal kważi €12-il biljun.

Appoġġ finanzjarju

L-assistenza globali lill-Ukrajna mwiegħda kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri s'issa tammonta għal kważi €50 biljun.

Fl-4 ta' Marzu 2022, l-UE attivat id-direttiva dwar il-protezzjoni temporanja, mekkaniżmu ta' emerġenza tal-UE li jippermetti lill-persuni spostati jgawdu drittijiet armonizzati madwar l-UE. 4 miljun Ukren u Ukrena qed jibbenefikaw minn dan il-mekkaniżmu.

Il-mappa turi l-għadd ta' refuġjati mill-Ukrajna rreġistrati għal protezzjoni temporanja jew skemi nazzjonali simili fis-27 pajjiż tal-UE.
Refuġjati mill-Ukrajna fl-UE (Infografika)

Refuġjati mill-Ukrajna fl-UE (Infografika)

Rikostruzzjoni u għajnuna

Il-kampanja kontinwa tar-Russja ta' attakki sistematiċi bil-missili u bid-drones kontra ċ-ċivili Ukreni, il-miri ċivili, l-infrastruttura tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni u utilitajiet oħra, tikkawża saħansitra aktar tbatija fuq il-poplu Ukren. Dikjarazzjoni konġunta UE-Ukrajna

Il-mexxejja ddiskutew l-assistenza umanitarja u ta' protezzjoni ċivili li għadha qed tingħata lill-Ukrajna, inkluż:

  • assistenza in natura
  • assistenza fir-restawr tal-infrastruttura kritika tal-Ukrajna, bħar-riabilitazzjoni tal-iskejjel għat-tfal Ukreni, il-ġeneraturi tal-enerġija u l-bozoz LED

L-UE fakkret fl-impenn tagħha li tipprovdi, flimkien mas-sħab, appoġġ għall-irkupru u r-rikostruzzjoni rapidi tal-Ukrajna.

F'dan il-kuntest, l-UE ħabbret pakkett ġdid sa €25 miljun biex tappoġġa l-Azzjoni Umanitarja kontra l-Mini.

Appoġġ diplomatiku

L-UE tappoġġa lill-Ukrajna f'fora internazzjonali, filwaqt li tappella għal solidarjetà kontinwa mal-Ukrajna u għall-allinjament tal-pajjiżi kollha mal-miżuri restrittivi tal-UE.

Sigurtà globali tal-ikel

L-attakki mir-Russja fuq l-għelejjel u l-infrastruttura tat-trasport fixklu l-abilità tal-Ukrajna li tesporta l-produzzjoni agroalimentari tagħha, li kompliet taggrava l-kriżi globali tal-ikel.

Fakkarna li r-Russja, billi użat l-ikel bħala arma fil-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, tat bidu għal tfixkil dinji fil-produzzjoni agrikola, fil-ktajjen tal-provvista u fil-kummerċ li għollew il-prezzijiet tal-ikel u tal-fertilizzanti għal livelli mingħajr preċedent. Dikjarazzjoni konġunta UE-Ukrajna

Il-korsiji ta' solidarjetà tal-UE ppermettew l-esportazzjoni ta' aktar minn 23 miljun tunnellata ta' prodotti agrikoli mill-Ukrajna bejn Mejju u Diċembru 2022.

L-ikel qed jasal għand il-pajjiżi fil-bżonn fl-Afrika, fil-Lvant Nofsani u fl-Asja.

L-infografika tippreżenta fatti u ċifri dwar ir-rwol tar-Russja fl-aggravar tal-kriżi dinjija tal-ikel.
Kif l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja kompliet taggrava l-kriżi dinjija tal-ikel (Infografika)

Kif l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja kompliet taggrava l-kriżi dinjija tal-ikel (Infografika)

Żjara tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Ħamis 2 ta' Frar, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, akkumpanjata minn 15-il Kummissarju, iltaqgħet mal-gvern Ukren f'Kiev biex twassal messaġġ ċar ta' solidarjetà mal-Ukrajna u l-poplu tagħha.

Qabel is-summit, l-UE u l-Ukrajna ffirmaw ukoll memorandum ta' qbil dwar sħubija strateġika dwar il-gassijiet rinnovabbli.

Informazzjoni ġenerali

Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Ukrajna

Ir-relazzjonijiet UE-Ukrajna huma bbażati fuq ftehim ta' assoċjazzjoni li daħal fis-seħħ fl-2017. Il-parti ekonomika tal-ftehim ta' assoċjazzjoni hija żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva (DCFTA).

Summit preċedenti

L-aħħar summit UE-Ukrajna sar f'Kiev fit-12 ta' Ottubru 2021.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 11 ta' Marzu 2025