Skip to content

L-UE kif qed tiffinanzja t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika?

Il-pajjiżi tal-UE ntrabtu li jiksbu n-newtralità klimatika sal-2050. It-twettiq tat-tranżizzjoni ekoloġika ser jirrikjedi investiment enormi.

L-UE u l-istati membri tagħha żguraw kważi €660 biljun għal dan l-għan fil-baġit pluriennali attwali. Barra minn hekk, parti mid-dħul li jiġi mill-irkantar tal-kwoti tal-EU ETS ser tintefaq ukoll fuq azzjoni klimatika. Il-flus ser jitqassmu permezz ta' għadd ta' fondi ddedikati għal aspetti differenti tat-tranżizzjoni ekoloġika. Barra minn hekk, l-UE qed tinċentiva l-investiment privat f'teknoloġiji li jgħinu biex l-ekonomija Ewropea ssir aktar ekoloġika.

Din l-infografika tiddeskrivi r-riżorsi finanzjarji allokati mill-UE biex nersqu lejn in-newtralità klimatika.

L-UE kif qed tiffinanzja t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika?

L-UE u l-istati membri tagħha qed jintegraw l-azzjoni klimatika fin-nefqa tagħhom. Din l-infografika tintroduċi l-fondi u l-istrumenti tal-UE li jintużaw biex iqassmu parti sinifikanti mill-baġit tal-UE, flimkien ma' parti mid-dħul mill-irkantar ta' kwoti tal-ETS.

34% - jiġifieri kważi €658 biljun - mill-baġit tal-UE għall-2021-2027 u l-istrument għall-irkupru Next Generation EU intefqu jew ser jintefqu fuq azzjoni klimatika (inkluż €275.7 biljun mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u €93.5 biljun mill-Fond ta' Koeżjoni u mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali). Parti mid-dħul mill-kwoti tal-EU ETS ser tintefaq ukoll fuq azzjoni klimatika.

Ma nħallu lil ħadd jibqa' lura

Fond Soċjali għall-Klima

Mill-anqas €86.7 biljun għall-2026-2032 biex jiġu appoġġati lill-persuni u n-negozji l-aktar milquta mill-introduzzjoni tas-sistema ġdida għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-bini, it-trasport bit-triq u l-fjuwils għal setturi addizzjonali.

Il-fond ser jiġi ffinanzjat permezz tad-dħul mill-bejgħ ta' kwoti taħt is-sistema eżistenti u dik ġdida għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet.

Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta

Madwar €55 biljun biex jiġu indirizzati l-effetti soċjali u ekonomiċi tat-tranżizzjoni ekoloġika, b'attenzjoni partikolari fuq ir-reġjuni, l-industriji u l-ħaddiema li l-aktar qed jiffaċċjaw sfidi.

Tliet pilastri:

1. Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

€19.7 biljun li huma mistennija jimmobilizzaw aktar minn €27 biljun f'investimenti għal:

  • investiment produttiv fl-SMEs u l-ħolqien ta' intrapriżi ġodda
  • R&Ż, innovazzjoni diġitali u konnettività
  • enerġija nadifa u rinnovabbli
  • titjib tal-ekonomija ċirkolari u tar-restawr tal-art
  • taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u dawk li jfittxu xogħol
  • attivitajiet fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali

2. Skema għal Tranżizzjoni Ġusta fil-qafas tal-InvestEU

Skema ta' garanzija baġitarja ddedikata tal-InvestEU biex jiġu mobilizzati sa €15-il biljun f'investiment għar-reġjuni l-aktar milquta.

3. Faċilità ta' self għas-settur pubbliku

  • €1.3 biljun f'għotjiet mill-baġit tal-UE
  • €6-8 biljun f'self mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

Għan: li jiżdiedu l-investimenti tas-settur pubbliku għal ħtiġijiet ta' żvilupp reġjonali sa €15.3 biljun.

Fond għall-Modernizzazzjoni

Bejn l-2021 u l-2030, madwar €57 biljun huma allokati lil 10 stati membri bi dħul aktar baxx biex jintefqu fuq:

  • l-enerġija rinnovabbli
  • l-effiċjenza fl-enerġija
  • il-ħżin tal-enerġija
  • networks tal-enerġija
  • tranżizzjoni ġusta fir-reġjuni dipendenti fuq il-karbonju

(Iċ-ċifra preċiża tiddependi fuq il-prezz tal-karbonju. Kalkolu magħmul għal €75/tCO2)

Il-Fond għall-Modernizzazzjoni huwa ffinanzjat permezz tal-irkantar ta' kwoti taħt l-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS), inizjalment 2% tal-kwoti totali għall-perjodu 2021-2030.

Minn Jannar 2021 s'issa, ġew żborżati €12.65 biljun biex jiġu appoġġati aktar minn 170 proġett f'għaxar pajjiżi.

Tingħata spinta lill-innovazzjoni u r-R&Ż

Orizzont Ewropa

€93.5 biljun permezz tal-programm ewlieni tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. 35% mill-fond għandhom jintefqu fuq proġetti relatati mal-klima:

  • l-indirizzar tat-tibdil fil-klima
  • il-kisba tal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli tan-NU
  • l-ixprunar tal-kompetittività u t-tkabbir tal-UE

Fond għall-Innovazzjoni

Bejn l-2020 u l-2030, madwar €40 biljun għall-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, fosthom:

  • teknoloġiji u proċessi f'industriji intensivi fl-enerġija
  • il-qbid, l-użu u l-ħżin tal-karbonju
  • l-enerġija rinnovabbli
  • il-ħżin tal-enerġija

Il-Fond għall-Innovazzjoni jiġi ffinanzjat permezz tal-irkantar ta' madwar 530 miljun kwota taħt l-EU ETS. Iċ-ċifra preċiża tiddependi fuq il-prezz tal-karbonju. Kalkolu magħmul għal €75/tCO2.

Ħarsien tal-ambjent

Programm LIFE għall-ambjent u l-azzjoni klimatika

€5.4 biljun bejn l-2021 u l-2027 b'appoġġ għal proġetti u azzjonijiet li jkopru:

  • in-natura u l-bijodiversità
  • l-ekonomija ċirkolari u l-kwalità tal-ħajja
  • il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih
  • it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa

Lil hinn mill-UE

L-UE u l-istati membri tagħha huma l-akbar kontributuri tal-finanzjament pubbliku għall-klima fid-dinja. Kważi €36 biljun fl-2023 (28.6 biljun minn sorsi pubbliċi u 7.2 biljun ta' finanzjament privat). Dan biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw:

  • inaqqsu l-emissjonijiet
  • jibnu r-reżiljenza kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima

L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Jannar 2025