"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Ftehimiet kummerċjali tal-UE

Il-ftehimiet kummerċjali tal-UE jsawru r-relazzjonijiet kummerċjali mal-pajjiżi li mhumiex fl-UE, bl-għan li jinħolqu opportunitajiet kummerċjali aħjar u jingħelbu l-ostakli għall-kummerċ.

X'inhuma ftehimiet kummerċjali

L-UE tiġġestixxi relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi permezz ta' ftehimiet kummerċjali. Dawn huma mfassla biex joħolqu opportunitajiet kummerċjali aħjar u jegħlbu l-ostakli relatati.

Il-politika kummerċjali tal-UE tintuża wkoll bħala mezz għall-promozzjoni ta' prinċipji u valuri Ewropej, mid-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem għall-ambjent u d-drittijiet soċjali.

Klassifikazzjoni ta' ftehimiet kummerċjali

Il-ftehimiet kummerċjali huma differenti skont il-kontenut tagħhom:

  • Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE) - jappoġġaw l-iżvilupp ta' sħab kummerċjali mill-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku
  • Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (FTAs) - jippermettu ftuħ reċiproku tas-suq ma' pajjiżi żviluppati u ekonomiji emerġenti billi jagħtu aċċess preferenzjali għas-swieq
  • Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni (AAs) - isaħħu ftehimiet politiċi usa'

L-UE tidħol ukoll fi ftehimiet kummerċjali mhux preferenzjali, bħala parti minn ftehimiet usa' bħal Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK).

In-negozjati għall-ftehimiet kummerċjali jitwettqu f'konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Stampa: mappa tad-dinja u żewġ kwadri bi vleġeġ, li jirrappreżentaw il-kummerċ.

Ir-rwol tal-UE fil-kummerċ dinji (Infografika)

Negozjati u ftehimiet

L-UE kkonkludiet aktar minn 40 ftehim ma' madwar 80 sieħeb. Hijatinsab fil-proċess li tadotta jew tirratifika ftehimiet ma' 27 sieħeb ieħor.

Kif jiġu nnegozjati l-ftehimiet kummerċjali

Fit-22 ta' Mejju 2018, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jindirizzaw il-mod kif il-ftehimiet kummerċjali jiġu nnegozjati u konklużi.

Dawn il-konklużjonijiet stipulaw il-prinċipji ewlenin li ser jirfdu l-approċċ tal-Kunsill għan-negozjati kummerċjali minn issa 'l quddiem.

B'mod speċifiku, il-Kunsill iffoka b'mod partikolari fuq żewġ kwistjonijiet:

  • l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirrakkomanda li l-ftehimiet jinqasmu f'żewġ ftehimiet separati, wieħed dwar il-protezzjoni tal-investiment u l-ieħor għad-dispożizzjonijiet kummerċjali
  • ir-rwol tal-Kunsill fin-negozjati kummerċjali
Negozjati kummerċjali tal-UE: illustrazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-Kunsill bi vleġġa li tindika l-Kummissjoni Ewropea u ikona ta' dokument li jirrappreżenta l-bidu tan-negozjati kummerċjali

Negozjati kummerċjali tal-UE (Infografika)

Ir-rwol tal-Kunsill

Il-Kunsill jaqdi rwol kruċjali fit-tiswir ta' ftehimiet kummerċjali ġodda.

Fl-istadji inizjali, il-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea biex tinnegozja ftehim kummerċjali ġdid f'isem l-UE. Dan isir permezz ta' "mandat ta' negozjar". B'din l-awtorizzazzjoni, il-Kunsill jipprovdi direttivi ta' negozjati li jinkludu l-objettivi, l-ambitu u l-limiti ta' żmien possibbli tan-negozjati.

Imbagħad il-Kummissjoni tinnegozja mal-pajjiż sieħeb f'isem l-UE, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

Wara li jintlaħaq qbil mas-sħab dwar it-test tal-ftehim, il-Kummissjoni tippreżenta proposta formali għall-adozzjoni lill-Kunsill.

Wara d-diskussjonijiet, il-Kunsill jadotta deċiżjoni dwar l-iffirmar tal-ftehim f'isem l-UE. Huwa mbagħad jibgħat il-ftehim iffirmat lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni.

Fl-istadji finali, ladarba l-Parlament Ewropew ikun ta l-approvazzjoni tiegħu, il-Kunsill jadotta d-deċiżjoni biex jiġi konkluż il-ftehim.

Prinċipji kummerċjali

L-UE tirrispetta l-prinċipji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

Ġeneralment, il-ftehimiet kummerċjali huma kumplessi ħafna minħabba li huma testi legali li jkopru firxa wiesgħa ta' attivitajiet, mill-agrikoltura sal-proprjetà intellettwali. Iżda lkoll għandhom għadd ta' prinċipji fundamentali l-istess.

Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni

Dan il-prinċipju kummerċjali tad-WTO jħares lejn żewġ aspetti:

  • l-aktar nazzjon iffavorit - normalment il-pajjiżi ma jistgħux jiddiskriminaw bejn is-sħab kummerċjali tagħhom
  • trattament nazzjonali - oġġetti importati u prodotti lokalment għandhom jiġu ttrattati l-istess

Prevedibbiltà

Skont id-WTO, il-wegħda li ma jinħoloqx ostaklu kummerċjali tista' tkun importanti daqs it-tneħħija tiegħu għaliex toffri prevedibbiltà lin-negozji. B'dan il-mod, jitħeġġeġ l-investiment, jinħolqu l-impjiegi u l-konsumaturi jistgħu jgawdu bis-sħiħ il-benefiċċji tal-kompetizzjoni - l-għażla u prezzijiet aktar baxxi.

Kompetizzjoni leali

Għalkemm ġeneralment tiġi deskritta bħala istituzzjoni tal-"kummerċ ħieles", id-WTO ġieli tippermetti t-tariffi u, f'ċirkostanzi limitati, forom oħra ta' protezzjoni. B'mod aktar konkret, hija tippromwovi sistema ta' regoli ddedikati għal kompetizzjoni miftuħa u leali.

L-UE u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

Ara wkoll

Illustrazzjoni tad-Dinja b'bar chart u line chart li jissuġġerixxu żieda fil-kummerċ globali.

Leġiżlazzjoni kummerċjali tal-UE

Kontejners tat-tbaħħir li jirrappreżentaw il-kummerċ.

Xi jfissru t-tariffi tal-UE

Two shipping containers are suspended by cranes inside a circle of blue stars, with a faint stock market graph in the background.

European economic security

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Diċembru 2024