Skip to content
  • Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Vidjokonferenza tal-ministri għat-telekomunikazzjoni, 7 ta' Diċembru 2020

Riżultati ewlenin

Att dwar il-governanza tad-data

Fil-vidjokonferenza informali tagħhom, il-ministri għat-telekomunikazzjoni kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-proposta għal att dwar il-governanza tad-data, ippreżentata mill-Kummissjoni fil-25 ta' Novembru bħala l-ewwel inizjattiva leġiżlattiva taħt l-Istrateġija Ewropea għad-Data tal-2020. Din il-proposta ewlenija għandha l-għan li tippromwovi d-disponibbiltà tad-data għall-użu mill-ġdid bejn is-setturi u l-fruntieri. Huwa mistenni li jkollha rwol ċentrali biex tiffaċilita u tiggwida l-ħolqien ta' spazji ta' data komuni u interoperabbli mal-UE kollha f'setturi strateġiċi bħall-enerġija, il-mobbiltà u s-saħħa.

Peter Altmaier, Ministru Federali tal-Ġermanja għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija u president tal-laqgħa tal-lum
Id-diskussjoni tal-lum uriet l-importanza dejjem tikber tad-data għas-soċjetà u l-ekonomija tagħna, kif ukoll il-ħtieġa vitali li din issir aktar disponibbli. Għal dan il-għan, neħtieġu strutturi u proċessi siguri u affidabbli, u dan huwa dak dwar x'inhi l-governanza tad-data.
Peter Altmaier, Ministru Federali tal-Ġermanja għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija u president tal-laqgħa tal-lum
Peter Altmaier, Ministru Federali tal-Ġermanja għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Enerġija u president tal-laqgħa tal-lum

Matul id-diskussjoni, il-ministri laqgħu b'mod ġenerali l-proposta bħala faċilitatur importanti għal ekonomija tad-data Ewropea b'saħħitha u kompetittività akbar.

Il-ministri b'mod ġenerali qiesu li huwa importanti li titħeġġeġ il-kondiviżjoni tad-data minn individwi u negozji. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozji fil-kondiviżjoni tad-data. Biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-fiduċja, huwa kruċjali li jkun hemm qafas leġiżlattiv ċar u trasparenti, li jissalvagwardja l-privatezza u s-sigurtà.

Ħafna ministri enfasizzaw il-ħtieġa li jkun hemm approċċ iċċentrat fuq il-bniedem, biċ-ċittadini li jikkontrollaw id-data tagħhom.

Għadd ta' delegazzjonijiet enfasizzaw l-importanza tal-interoperabbiltà għall-kondiviżjoni tad-data u l-evitar ta' effetti lock-in.

Diversi ministri semmew il-flussi internazzjonali tad-data u l-ħtieġa li jiġu rispettati l-impenji kummerċjali tal-UE f'dan ir-rigward u li jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni. Xi wħud minnhom indikaw il-kooperazzjoni ma' sħab kummerċjali tal-istess fehma f'dan il-qasam.

Id-dibattitu tal-lum ser jipprovdi gwida għad-diskussjonijiet li ġejjin dwar il-proposta fil-grupp ta' ħidma dwar it-telekomunikazzjoni. Il-ministru Portugiż semma li l-att dwar il-governanza tad-data jkun prijorità għolja għall-presidenza Portugiża li jmiss.

Affarijiet oħra

Taħt affarijiet oħra, il-presidenza aġġornat lill-ministri dwar dikjarazzjoni konġunta mill-istati membri dwar inizjattiva Ewropea dwar il-proċessuri u t-teknoloġiji tas-semikondutturi. Id-dikjarazzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa li tiżviluppa l-ġenerazzjoni li jmiss ta' ċipep tal-proċessuri sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-ipproċessar tad-data għal konnettività sikura tal-5G u tas-6G, superkompjuters, intelliġenza artifiċjali u ħafna applikazzjonijiet oħra. Fil-ħin tal-għeluq tal-vidjokonferenza, 17-il stat membru kienu ffirmaw id-dikjarazzjoni.

Il-presidenza tat informazzjoni dwar għadd ta' proposti leġiżlattivi attwali.

Dwar ir-regolament dwar il-Privatezza elettronika, hija meħtieġa aktar ħidma.

Dwar deroga temporanja mid-direttiva dwar il-Privatezza elettronika għall-fini tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti approva mandat għal negozjati mal-Parlament Ewropew fit-28 ta' Ottubru. Il-presidenza spjegat li kienet għadha qed timmira li tikkonkludi dan id-dossier fil-ġimgħat li ġejjin.

In-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-programm Ewropa Diġitali u l-ħolqien ta' Ċentru Ewropew ta' Kompetenza fil-Qasam taċ-Ċibersigurtà u netwerk ta' ċentri ta' koordinazzjoni jinsabu fl-istadji finali tagħhom. Id-deċiżjoni dwar is-sede taċ-Ċentru ser tittieħed mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-istati membri fil-marġini tal-laqgħa tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tad-9 ta' Diċembru.

Il-presidenza għarrfet ukoll lill-ministri dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iċ-ċibersigurtà ta' apparati konnessi, li ġew adottati fit-2 ta' Diċembru.

Id-delegazzjoni Pollakka tat informazzjoni dwar il-kwistjoni tal-qafas legali dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni (NIS).

Il-Kummissjoni għarrfet lill-ministri dwar il-programm ta' ħidma tagħha għall-2021.

Il-presidenza Portugiża li jmiss ippreżentat il-programm ta' ħidma tagħha għall-ewwel nofs tal-2021.

Dokumenti tal-laqgħat

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Jannar 2025