"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Vidjokonferenza tal-ministri għat-trasport, 8 ta' Diċembru 2020
Riżultati ewlenin
Tariffi għall-użu tat-toroq (Eurovignette)
Il-ministri bdew il-vidjokonferenza informali tagħhom b'dibattitu ta' orjentazzjoni dwar proposta biex jiġu riveduti r-regoli tal-UE dwar it-tariffi għall-użu tat-toroq (id-direttiva dwar il-Eurovignette). L-għan tal-proposta huwa li jiġu indirizzati kwistjonijiet importanti bħall-emissjonijiet tal-gassijiet serra u impatti ambjentali oħra, il-konġestjoni u l-finanzjament tal-infrastruttura tat-toroq.
Fin-nota ta' spjegazzjoni tagħha, il-presidenza kienet stiednet lill-ministri biex jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar żewġ kwistjonijiet:
għażla possibbli għall-istati membri li jeżentaw vetturi b'piż massimu ta' bejn 3.5 tunnellati u 7.5 tunnellati mill-obbligu li jħallsu pedaġġi jew tariffi għall-użu tat-toroq taħt kondizzjonijiet speċifiċi;
jekk il-possibbiltà għall-istati membri li japplikaw ċerti marġni kummerċjali għat-tariffa għall-infrastruttura imposta fuq sezzjonijiet speċifiċi tat-toroq f'żoni ta' konġestjoni kbira għandhiex teħtieġ il-qbil tal-istati membri kollha affettwati (dawk li huma parti minn dak il-kuritur u li huma ġirien tal-parti tal-kuritur li għaliha jiġi applikat marġni kummerċjali).
Fi tmiem id-dibattitu, il-presidenza kkonkludiet li d-diskussjoni kienet uriet li l-presidenza kienet fit-triq it-tajba fir-rigward ta' dawn iż-żewġ kwistjonijiet, għalhekk kienet ser tipproċedi kif meħtieġ, bil-ħsieb li jitħejja abbozz ta' mandat ta' negozjar għal-laqgħa tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Kunsill fit-18 ta' Diċembru.
Regoli aġġornati dwar it-tariffi għall-użu tat-toroq ser ikollhom rwol ewlieni fl-isforzi tal-UE biex it-trasport isir aktar ekoloġiku u aktar sostenibbli, u biex jintlaħqu l-miri tat-tnaqqis tas-CO₂ għall-2030 fit-trasport bit-triq. Il-progress fuq dan id-dossier kellu prijorità għolja għall-presidenza Ġermaniża, u ninsab fiduċjuż li ser inkunu nistgħu naqblu dwar pożizzjoni tal-Kunsill sa tmiem il-mandat tagħna.
Andreas Scheuer, Ministru Federali għat-Trasport u l-Infrastruttura Diġitali tal-Ġermanja, president tal-laqgħa
Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni informali dwar il-proposti tal-Kummissjoni dwar l-Ajru Uniku Ewropew (SES), li ġew ippreżentati f'Settembru 2020. L-objettiv tal-proposti huwa li tittejjeb il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew u s-sistema tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru sabiex tiżdied il-kapaċità, titjieb il-kosteffiċjenza u tissaħħaħ il-kapaċità tas-sistema li tadatta għall-varjazzjonijiet fit-traffiku, filwaqt li tipprova wkoll tnaqqas l-impronta tas-CO₂ tal-avjazzjoni. Il-presidenza kienet ħejjiet dokument ta' diskussjoni b'mistoqsijiet għall-ministri biex jiggwidaw id-dibattitu.
Matul id-diskussjoni, l-istati membri esprimew appoġġ għall-objettivi ġenerali tal-SES, b'mod partikolari fir-rigward tal-għanijiet tal-aġenda diġitali u tal-Patt Ekoloġiku, u b'mod ġenerali laqgħu l-għan li jiġi ssimplifikat u mtejjeb il-qafas legali eżistenti. Madankollu, ħafna ministri huma tal-fehma li hemm ir-riskju li xi wħud mid-dispożizzjonijiet proposti jirriżultaw f'piż amministrattiv u spejjeż addizzjonali.
Uħud mill-istati membri qiesu li l-proposti ma rrispettawx bis-sħiħ is-sovranità u r-responsabbiltà tal-istati membri fuq l-ispazju tal-ajru tagħhom f'konformità mal-Konvenzjoni ta' Chicago u n-natura sovrana tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru. Huma saħqu fuq il-ħtieġa li r-regoli jkunu jirriflettu b'mod sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità kif ukoll id-dimensjonijiet militari, tas-sigurtà u tad-difiża.
Filwaqt li l-istati membri esprimew appoġġ qawwi għat-tisħiħ tal-perspettiva tan-network u r-rwol tal-Eurocontrol, xi ministri indikaw il-ħtieġa għal aktar kjarifiki dwar il-funzjonijiet u l-kompiti tal-Maniġer tan-Network.
Ir-riforma għandha tieħu kont ukoll tal-ispeċifiċitajiet kollha tal-istati membri differenti. F'dan ir-rigward, ħafna ministri esprimew tħassib dwar l-adegwatezza tal-miri għall-Unjoni kollha għas-servizzi terminali u r-rwol limitat tal-istati membri fl-ippjanar tal-prestazzjoni u l-istabbiliment tar-rati unitarji.
L-istati membri jqisu wkoll li hemm bżonn li jiġu ċċarati l-benefiċċji tal-proposta li jiġi stabbilit regolatur Ewropew indipendenti, il-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni (PRB), fi ħdan l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA).
Il-ministri rrikonoxxew l-effiċjenzi li d-diġitalizzazzjoni u l-approċċ tas-suq jistgħu jġibu għall-għoti ta' servizzi ta' data ta' appoġġ. Madankollu, il-possibbiltà li l-istati jżommu ġestjoni integrata tat-traffiku tal-ajru għall-avjazzjoni ċivili u militari għandha tibqa'.
Għadd ta' ministri indikaw li r-regoli l-ġodda għandhom jieħdu kont tal-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati kollha u jimmiraw li jsegwu l-objettivi mingħajr ma joħolqu kwalunkwe piż amministrattiv u spejjeż mhux meħtieġa. F'dan ir-rigward, xi ministri ddispjaċihom li l-proposta ma tqisx l-impatt drammatiku tal-COVID-19 fuq l-industrija u tintroduċi bidliet strutturali bil-potenzjal li tinħoloq aktar frammentazzjoni u kumplessità akbar fi żmien meta l-industrija teħtieġ stabbiltà biex tirkupra.
L-istati membri qiesu li kien meħtieġ li l-industrija tal-avjazzjoni tnaqqas l-emissjonijiet ta' CO₂ tagħha. Madankollu, diversi delegazzjonijiet semmew li ċerti miżuri, bħall-modulazzjoni obbligatorja tal-imposti fil-livell Ewropew jew rata unitarja komuni, ikunu jeħtieġu analiżi ulterjuri tal-ispejjeż u l-benefiċċji.
Id-dibattitu ta' orjentazzjoni tal-lum ser jipprovdi gwida importanti għal aktar ħidma dwar il-proposti leġiżlattivi tal-Ajru Uniku Ewropew.
Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar id-diskussjonijiet rigward approċċ ġdid għall-mobbiltà li ser jikkomplementa l-istrateġija ta' mobbiltà sostenibbli u intelliġenti li għandha tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea fid-9 ta' Diċembru. Il-presidenza aġġornat ukoll lill-ministri dwar l-istat tal-ħidma rigward il-proposti attwali dwar it-trasport ferrovjarju u l-impatt tal-COVID-19 fuq id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru.
Id-delegazzjoni Lussemburgiża tenniet it-talba tagħha għal investiment miftiehem fl-estensjoni tan-network ferrovjarju Ewropew, u d-delegazzjoni Finlandiża infurmat lill-ministri dwar laqgħa ta' livell għoli dwar is-sewqan konness u awtomatizzat. Id-delegazzjoni Awstrijaka ppreżentat dikjarazzjoni konġunta ppreżentata flimkien mal-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Lussemburgu, in-Netherlands u l-Portugall li tappella lill-Kummissjoni u lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jaħdmu lejn irkupru soċjalment responsabbli tal-industrija tal-avjazzjoni. Id-delegazzjoni Pollakka aġġornat lill-ministri dwar dikjarazzjoni konġunta tal-Grupp ta' Visegrad dwar ir-reviżjoni li jmiss tan-networks trans-Ewropej tat-trasport (TEN-T).
Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar il-kriżi tal-bidla tal-ekwipaġġ fis-settur tat-trasport marittimu kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. Hija pprovdiet ukoll aġġornament dwar il-pjattaforma ta' skambju għall-formoli għal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri tal-ajru li jgħinu lill-istati membri jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju tal-wasliet u jippermettu t-traċċar tal-kuntatti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u ħeġġet lill-istati membri jipparteċipaw fil-proġett pilota mmexxi mill-EASA.
Il-presidenza Portugiża li jmiss ippreżentat il-programm ta' ħidma tagħha għall-ewwel nofs tal-2021.
Il-punti kollha fl-aġenda ta' din il-vidjokonferenza ġew diskussi f'seduta pubblika.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.