Skip to content

Kriptoassi: kif qed tirregola s-swieq l-UE

Ir-regoli tal-UE dwar is-swieq fil-kriptoassi jipproteġu aħjar lill-konsumaturi u lill-investituri, jirregolaw ir-riskji kontra l-kriminalità finanzjarja u jagħtu spinta lill-innovazzjoni.

X'inhuma l-kriptoassi?

Il-kriptoassi huma rappreżentazzjonijiet diġitali ta' valur jew drittijiet.

Jistgħu jiġu trasferiti u maħżuna elettronikament, bl-użu ta' teknoloġija ta' reġistru distribwit (DLT) jew teknoloġija simili. Il-kriptoassi huma fost l-applikazzjonijiet ewlenin tad-DLT għall-finanzi.

X'inhi t-teknoloġija ta' reġistru distribwit?

DLT hija forma ta' teknoloġija li tippermetti l-ħżin, l-aġġornament u l-validazzjoni deċentralizzati ta' data kriptata.

Il-blockchains huma eżempju wieħed ta' DLT. L-entrati huma miżjuda bħala "blokok", li jifformaw "katina" li ma tistax tinkiser. It-tranżazzjonijiet jiġu reġistrati fuq il-katina sabiex l-utenti jkunu jistgħu jivverifikawhom u jkollhom prova li saru mingħajr il-bżonn ta' parti terza.

Illustrazzjoni astratta tal-kriptoassi bis-simboli tal-Bitcoin u simboli oħra

Għal xiex jintużaw il-kriptoassi?

Il-kriptoassi jistgħu jintużaw:

bħala mezz ta' ħlas/skambju (imsejħa wkoll "kriptovaluti")

għal aċċess għal oġġetti jew servizzi (simili għal vawċers, imsejħa wkoll "tokens ta' utilità")

għal finijiet ta' investiment (eż. l-għoti ta' drittijiet ta' sjieda)

għal taħlita ta' dawn il-karatteristiċi

Sorsi: il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew

X'qed tirregola l-UE?

Ir-regolament dwar is-swieq fil-kriptoassi (MiCA) iġib lill-kriptoassi, lill-emittenti tal-kriptoassi u lill-fornituri tas-servizzi tal-kriptoassi taħt qafas regolatorju armonizzat wieħed għall-ewwel darba. Il-Kunsill approva r-regolament formalment fis-16 ta' Mejju 2023.

Ir-regolament ikopri tliet tipi ta' kriptoassi:

tokens irreferenzjati ma' assi

It-tokens irreferenzjati ma' assi jżommu valur stabbli billi jirreferenzjaw diversi muniti li huma rikonoxxuti bil-liġi bħala mezz uffiċjali ta' ħlas, jiġifieri jgawdu minn status ta' valuta legali ("muniti ta' kors legali"), prodott bażiku wieħed jew diversi, kriptoassi wieħed jew diversi, jew gruppi ta' assi bħal dawn.

Jintużaw bħala mezz ta' ħlas biex jinxtraw oġġetti u servizzi u biex jinħażenil-valur.

tokens tal-flus elettroniċi

It-tokens tal-flus elettroniċi jżommu valur stabbli billi jirreferu għall-valur ta' munita ta' kors legali waħda biss u huma surrogati elettroniċi għall-karti tal-flus u l-muniti.

Huma maħsuba primarjament bħala mezz ta' ħlas.

kriptoassi oħra bħal tokens ta' utilità.

Il-qafas ikopri l-emittenti ta' kriptoassi mhux garantiti, u l-hekk imsejħa "stablecoins", kif ukoll iċ-ċentri tan-negozjar u l-kartieri fejn jinżammu l-kriptoassi.

Ir-regoli l-ġodda jintroduċu rekwiżitigħall-emittenti u għall-fornituri ta' servizzi tal-kriptoassi dwar:

superviżjoni u awtorizzazzjoni ta' tranżazzjonijiet

trasparenza

żvelar tal-impatt ambjentali tal-kriptoassi

(Huwa stmat li xi kriptoassi jikkunsmaw enerġija fis-sena daqs xi pajjiżi ta' daqs medju.)

Skont ir-regolament, il-fornituri tas-servizzi tal-kriptoassi għandhom bżonn awtorizzazzjoni biex joperaw fl-UE. Huma għandhom jirrispettaw rekwiżiti b'saħħithom biex jipproteġu l-kartieri tal-konsumaturi u ser jinżammu responsabbli jekk jitilfu l-kriptoassi tal-investituri.

L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) ser iżżomm reġistru pubbliku ta' fornituri ta' servizzi tal-kriptoassi li ma jikkonformawx.

Il-kriptoassi li diġà huma rregolati mil-leġiżlazzjoni tal-UE ser jibqgħu soġġetti għar-regoli eżistenti.

X'inhuma l-benefiċċji tar-regoli tal-UE dwar il-kriptoassi?

ċertezza legali għall-kriptoassi li mhumiex koperti minn leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE

innovazzjoni u kompetizzjoni ġusta

protezzjoni aħjar tal-konsumaturi u l-investituri

stabbiltà finanzjarja

salvagwardji kontra kriminalità finanzjarja u manipulazzjoni tas-suq

tnaqqis tal-impronta għolja tal-karbonju tal-kriptoassi

L-aħħar reviżjoni: 1 ta' Awwissu 2024