"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Finanzi diġitali

It-teknoloġiji ġodda fis-settur bankarju u tal-pagamenti qed ibiddlu l-industrija tas-servizzi finanzjarji. Billi tagħti spinta lill-innovazzjoni, l-UE qed toħloq settur finanzjarju kompetittiv filwaqt li tistabbilixxi regoli li jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-konsumaturi.

X'inhuma l-finanzi diġitali?

Il-finanzi diġitali huma l-applikazzjoni tat-teknoloġiji diġitali, b'mod partikolari t-teknoloġija ta' reġistru diġitali u t-tokenisation tal-assi, għal attivitajiet finanzjarji.

Il-konsumaturi u n-negozji qed jiddependu dejjem aktar fuq is-servizzi finanzjarji diġitali, xejra li ħaffet il-pass bil-pandemija tal-COVID-19. Minn servizzi bankarji mobbli, il-kummerċ elettroniku u l-ħlas mingħajr kuntatt sal-immaniġġar tal-assi u l-kriptovaluti, l-innovazzjoni diġitali qed issawwar mill-ġdid is-settur finanzjarju.

Din it-trasformazzjoni toħloq opportunitajiet ġodda biex il-kumpaniji jiżviluppaw u jinnovaw, u b'hekk jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi. Fl-istess ħin, tintroduċi riskji, b'mod partikolari relatati maċ-ċibersigurtà, il-finanzjament ta' attivitajiet illeċiti, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-istabbiltà finanzjarja.

L-għan tal-UE huwa li tisfrutta l-benefiċċji tal-finanzi diġitali filwaqt li timmaniġġa r-riskji tagħhom. Hija tfittex li toħloq settur finanzjarju kompetittiv u innovattiv, tiżgura l-protezzjoni tal-konsumaturi, u toħloq il-kundizzjonijiet biex atturi b'saħħithom fis-suq Ewropew ikollhom rwol ta' tmexxija f'dan is-settur.

Il-President Pierrakakis, President tal-Grupp tal-Euro, ittra lill-President tas-Summit tal-Euro, António Costa, tal-11 ta' Marzu 2026

Il-finanzi diġitali jistgħu jixprunaw it-trasformazzjoni strutturali, fil-mod kif il-kapital jiġi ġġenerat, allokat, saldat u ssorveljat. Dawn jistgħu jċekknu d-distanza bejn dawk li jfaddlu u l-innovaturi, bejn ditti żgħar u riżervi kbar ta' kapital, u bejn is-swieq nazzjonali u suq Ewropew ġenwin. Dan jista' jwassal għal effiċjenza akbar fl-allokazzjoni tal-kapital u fi spejjeż aktar baxxi tas-sistema finanzjarja, li lkoll flimkien iservu biex jiffinanzjaw aħjar l-ekonomija reali.

Il-President Pierrakakis, President tal-Grupp tal-Euro, ittra lill-President tas-Summit tal-Euro, António Costa, tal-11 ta' Marzu 2026

Il-President Pierrakakis, President tal-Grupp tal-Euro, ittra lill-President tas-Summit tal-Euro, António Costa, tal-11 ta' Marzu 2026

X'inhi t-teknoloġija ta' reġistru distribwit u t-tokenisation tal-assi?

Reġistru distribwit, definit b'mod ġenerali, huwa bażi ta' data deċentralizzata u kondiviża b'mod kunsenswali li minnha tiġi vvalidata tranżazzjoni. Dan ifisser li network ta' "nodi" bbażati fuq kompjuters jista' jissostitwixxi l-arkitettura tradizzjonali tas-suq finanzjarju msejsa fuq reġistru uniku għar-reġistrazzjoni tat-tranżazzjonijiet u s-sjieda tal-assi.

Abbażi tat-teknoloġija ta' reġistru distribwit (DLT), it-"tokenisation" tal-assi finanzjarji, jiġifieri l-ħruġ, il-ħżin u ċ-ċirkolazzjoni tal-assi fil-forma ta' blokok ta' kodiċi li jkun fihom il-karatteristiċi u l-algoritmi/ir-regoli kollha tal-assi biex jitwettqu tranżazzjonijiet fihom, kisbet prominenza, l-ewwel bil-kriptoassi u, aktar ma jgħaddi żmien, b'assi finanzjarji "tradizzjonali" bħal bonds, fondi ta' investiment, ishma jew komoditajiet.

Euro diġitali

Hekk kif il-finanzi diġitali jevolvu, l-UE qed taħdem biex tintroduċi euro diġitali, forma diġitali ta' flus tal-bank ċentrali, li jinħareġ mill-Bank Ċentrali Ewropew biex jintuża fil-livell tal-konsumaturi flimkien ma' flus kontanti fiżiċi.

L-euro diġitali jikkomplementa, mhux jissostitwixxi, il-karti tal-flus u l-muniti. Dan joffri lin-nies u lin-negozji għażla oħra meta jiġu biex iħallsu, filwaqt li jżomm il-flus kontanti bħala mezz ta' ħlas.

L-euro diġitali jista' jappoġġa l-finanzi diġitali tal-UE bis-saħħa tal-potenzjal tiegħu bħala mezz ta' ħlas addizzjonali, innovattiv u sikur.

Fl-istess ħin, jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Ewropa billi jnaqqas id-dipendenza fuq soluzzjonijiet ta' ħlas mhux Ewropej u jsaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema ta' ħlas tal-UE.

B'mod parallel, il-Bank Ċentrali Ewropew qed jaħdem biex jintroduċi euro diġitali bl-ingrossa, biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet interbankarji jew tal-kambju, pereżempju, ikunu jistgħu jiġu ffinalizzati fi flus tal-bank ċentrali. Dan ser isaħħaħ is-swieq finanzjarji tal-UE kif ukoll ir-rwol internazzjonali tal-euro.

Xi jfisser l-euro diġitali

Regolament Ewropew dwar il-kriptoassi

Ir-regolament dwar is-swieq fil-kriptoassi jlaqqa' lill-kriptoassi, lill-emittenti tal-kriptoassi u lill-fornituri tas-servizzi tal-kriptoassi taħt qafas regolatorju wieħed tal-UE għall-ewwel darba.

Il-qafas ikopri l-emittenti tal-kriptoassi msejħa "mhux garantiti", jiġifieri l-maġġoranza l-kbira tal-kriptoassi, bħall-bitcoin, li ma għandhom l-ebda riżerva ta' assi finanzjarji biex il-valur tas-suq tagħhom jiġi ankrat, u l-hekk imsejħa "stablecoins", kif ukoll iċ-ċentri tan-negozjar u l-kartieri li fihom jinżammu l-kriptoassi.

Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li:

  • jipproteġu aħjar lill-konsumaturi u lill-investituri
  • jirregolaw aħjar ir-riskji relatati mal-kriptoassi
  • jagħtu spinta lill-innovazzjoni u jsaħħu r-rwol tal-UE bħala l-korp li jistabbilixxi l-istandards għall-politika diġitali

Il-fornituri tas-servizzi tal-kriptoassi jistgħu jibbenefikaw minn regoli ċari u armonizzati u ser ikollhom bżonn awtorizzazzjoni waħda biss biex joperaw fl-UE. Madankollu, ser ikollhom jirrispettaw rekwiżiti stretti biex jipproteġu l-kartieri tal-konsumaturi u ser jinżammu responsabbli jekk jitilfu l-kriptoassi tal-investituri. L-Awtorità Bankarja Ewropea ser iżżomm reġistru pubbliku ta' fornituri tas-servizzi tal-kriptoassi li ma jikkonformawx.

Il-fornituri tas-servizzi tal-kriptoassi jeħtieġ ukoll li jiddikjaraw informazzjoni dwar l-impronta ambjentali u klimatika tagħhom.

Ir-regolament dwar is-swieq fil-kriptoassi daħal fis-seħħ f'Ġunju 2023 u ilu japplika b'mod sħiħ minn Diċembru 2024. Il-Kunsill adotta r-regoli formalment f'Mejju 2023.

Kriptoassi: kif qed tirregola s-swieq l-UE

X'inhuma l-kriptoassi?

Il-kriptoassi huma rappreżentazzjonijiet diġitali ta' valur jew drittijiet. Il-kriptoassi huma waħda mill-applikazzjonijiet ewlenin tat-teknoloġija ta' reġistru distribwit għall-finanzi.

X'inhuma l-"istablecoins"?

Għall-kuntrarju ta' kriptoassi "mhux garantiti" bħall-bitcoin, li huma inevitabbilment soġġetti għall-volatilità tas-suq fil-valutazzjonijiet tagħhom, l-"istablecoins" huma kriptovaluti li jippruvaw jorbtu l-valur tas-suq tagħhom ma' xi referenza esterna, bħal munita tradizzjonali. L-emittenti tal-istablecoins tipikament jistabbilixxu riżerva ta' titoli ta' dejn sovran, assi oħra ta' likwidità għolja u flus kontanti biex isostnu l-valur tal-istablecoin u jipproteġu dik ir-rabta.

Att dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali

Hekk kif is-settur finanzjarju jsir aktar dipendenti fuq il-proċessi diġitali u s-software, hemm riskji akbar assoċjati mat-tfixkil u t-theddid għas-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT).

L-att dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali (DORA) ser jiżgura li s-settur finanzjarju Ewropew ikun jista' jlaħħaq ma' tfixkil operazzjonali serju. Id-DORA jistabbilixxi rekwiżiti uniformi għas-sigurtà tan-networks u s-sistemi tal-informazzjoni ta' kumpaniji u organizzazzjonijiet li joperaw fis-settur finanzjarju kif ukoll partijiet terzi kritiċi li jipprovdulhom servizzi relatati mal-ICT, bħal pjattaformi tal-cloud jew servizzi analitiċi tad-data. Jeħtieġ li d-ditti kollha jiżguraw li jkunu jistgħu jifilħu u jirrispondu għal tfixkil u theddid relatati mal-ICT u jirkupraw minnu.

In-negozjaturi tal-Kunsill u tal-Parlament laħqu ftehim proviżorju dwar id-DORA f'Mejju 2022. Il-Kunsill adotta r-regoli formalment f'Novembru 2022.

Teknoloġija ta' reġistru distribwit

Bħala parti mill-istrateġija tagħha għall-finanzi diġitali, l-UE qed taħdem biex tneħħi l-ostakli relatati mal-użu tat-teknoloġija ta' reġistru distribwit fis-swieq finanzjarji.

Il-pakkett dwar l-integrazzjoni tas-suq u s-superviżjoni (MISP), propost mill-Kummissjoni Ewropea f'Diċembru 2025, jinkludi miżuri li jappoġġaw l-użu aktar mifrux tat-teknoloġija ta' reġistru distribwit (DLT) u jtejbu l-operat tas-swieq finanzjarji fl-UE.

Il-pakkett jibni fuq l-esperjenza tar-reġim pilota eżistenti tad-DLT u l-għan tiegħu hu li jagħmilha aktar faċli biex il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jużaw id-DLT għan-negozjar u s-saldu ta' strumenti finanzjarji u jespandu n-negozju tagħhom.

Ifittex ukoll li jtejjeb l-integrazzjoni u l-effiċjenza tas-swieq kapitali tal-UE billi jadatta r-regoli eżistenti għal teknoloġiji ġodda, filwaqt li jżomm salvagwardji għall-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-investituri.

L-aħħar reviżjoni: 21 ta' April 2026