Skip to content

L-UE u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

L-UE hija impenjata favur sistema kummerċjali multilaterali miftuħa, ġusta u bbażata fuq ir-regoli b'WTO modernizzata fil-qalba tagħha.

X'inhi d-WTO?

L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) hija l-korp dinji responsabbli għar-regoli kummerċjali internazzjonali fil-livell multilaterali. L-objettiv ġenerali tad-WTO huwa li tespandi l-kummerċ bħala mezz kif jogħlew l-istandards tal-għajxien, jinħolqu l-impjiegi u titjieb ħajjet in-nies.

Imwaqqfa fl-1995, id-WTO hija s-suċċessur tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) li rriżulta min-negozjati ta' wara t-Tieni Gwerra Dinjija dwar il-kooperazzjoni ekonomika internazzjonali.

Illum, il-ftehimiet tad-WTO jkopru diversi oqsma tal-kummerċ internazzjonali, inkluż:

  • il-kummerċ tal-merkanzija
  • il-kummerċ fis-servizzi
  • il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali

Funzjonijiet ewlenin tad-WTO

Id-WTO għandha tliet funzjonijiet ewlenin:

Taġixxi bħala forum għan-negozjati kummerċjali u tistabbilixxi r-regoli għall-kummerċ internazzjonali

Id-WTO sservi ta' forum fejn il-membri jinnegozjaw ir-regoli kummerċjali.

Issolvi t-tilwim kummerċjali

Meta jaħsbu li ġew miksura r-regoli tad-WTO, il-membri jużaw is-sistema multilaterali biex isolvu t-tilwim minflok jieħdu azzjoni unilaterali.

Tissorvelja l-politiki kummerċjali tal-membri

Id-WTO tirrieżamina l-politiki kummerċjali nazzjonali regolarment, biex ittejjeb it-trasparenza u tivvaluta l-impatt tagħhom.

Il-ftehimiet kollha tad-WTO huma bbażati fuq sett ta' prinċipji komuni li jirfdu s-sistema kummerċjali multilaterali:

  • kummerċ mingħajr diskriminazzjoni (billi jiġu segwiti l-prinċipji tat-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit u tat-trattament nazzjonali)
  • tnaqqis gradwali tal-ostakli kummerċjali permezz ta' negozjati
  • prevedibbiltà aċċertata permezz ta' rabtiet u trasparenza
  • promozzjoni tal-kompetizzjoni ġusta
  • inkoraġġiment tal-iżvilupp u r-riforma ekonomika

Id-WTO hija l-fokus ewlieni tal-UE fil-politika kummerċjali multilaterali tagħha, u r-regoli tad-WTO jiffurmaw il-bażi għar-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE. Arranġamenti kummerċjali oħra tal-UE, bħal ftehimiet ta' kummerċ ħieles, jibnu fuq ir-regoli tad-WTO.

L-UE fid-WTO

L-UE ilha membru tad-WTO mill-1 ta' Jannar 1995. Is-27 stat tal-UE huma membri għal rashom ukoll. Bħala unjoni doganali b'politika kummerċjali komuni u tariffa esterna komuni, l-UE taġixxi bħala vuċi waħda fid-WTO, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kunsill għandu rwol ewlieni fid-definizzjoni tal-politika tal-UE fid-WTO. Ir-rwol ewlieni tiegħu fir-rigward tad-WTO huwa li:

  • jiddiskuti u jikkoordina l-pożizzjonijiet kummerċjali tal-UE, fost oħrajn permezz ta' konsultazzjonijiet regolari mal-Kummissjoni fil-Kumitat tal-Politika Kummerċjali (magħruf ukoll bħala l-Kumitat tal-Artikolu 207(3) TFUE)
  • jawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja, tiffirma u (wara li l-Parlament Ewropew ikun ta l-kunsens tiegħu) tikkonkludi kwalunkwe ftehim tad-WTO li jorbot legalment u tieħu kwalunkwe pożizzjoni formali fil-korpi rilevanti tad-WTO
  • jadotta pożizzjonijiet tal-UE li għandhom jittieħdu fid-WTO
  • japprova l-eżiti tal-konferenzi ministerjali tad-WTO, l-ogħla korp li jieħu d-deċiżjonijiet fid-WTO, li normalment jiltaqa' kull sentejn

Objettivi tal-UE

L-objettivi tal-UE bħala parti mid-WTO huma li:

  • issostni u ttejjeb il-kummerċ ibbażat fuq ir-regoli permezz ta' WTO riformata u msaħħa
  • iżżomm is-sistema kummerċjali dinjija miftuħa, ġusta, prevedibbli u bbażata fuq regoli komuni
  • timmodernizza d-WTO u tagħmilha adatta għall-iskop tagħha biex il-kummerċ u l-investiment tal-UE jkunu jistgħu jkomplu jibbenefikaw minnha
  • tiżgura li membri oħra jirrispettaw ir-regoli wkoll, fost oħrajn billi tiġi restawrata sistema għas-soluzzjoni ta' tilwim li tiffunzjona sew
  • tappoġġa l-integrazzjoni ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-ekonomija dinjija
  • issaħħaħ l-appoġġ tad-WTO għal politiki kummerċjali sostenibbli madwar id-dinja

Modernizzazzjoni tad-WTO

L-UE kellha rwol ċentrali fl-iżvilupp tas-sistema kummerċjali internazzjonali mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn. Bħalissa, l-UE qed tesplora l-possibbiltà li timmodernizza d-WTO biex tagħmel l-organizzazzjoni adatta għall-iskop tagħha fil-kuntest tal-isfidi dejjem akbar għall-kummerċ dinji bbażat fuq ir-regoli.

Ara wkoll

Stampa: mappa tad-dinja u żewġ kwadri bi vleġeġ, li jirrappreżentaw il-kummerċ.
Ir-rwol tal-UE fil-kummerċ dinji

Ir-rwol tal-UE fil-kummerċ dinji

Ftehimiet kummerċjali

Ftehimiet kummerċjali

Xi jfissru t-tariffi tal-UE

Xi jfissru t-tariffi tal-UE

L-aħħar reviżjoni: 20 ta' Marzu 2026