Ir-rispons tal-UE għaIl-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
L-UE u l-istati membri tagħha huma magħqudin fl-appoġġ sod tagħhom għall-Ukrajna u l-poplu tagħha, u jikkundannaw bil-qawwa l-aggressjoni militari tar-Russja.
L-aħħar aħbarijiet
L-UE tadotta l-15-il pakkett ta' sanzjonijiet kontra r-Russja
Fis-16 ta' Diċembru 2024, il-Kunsill adotta l-15-il pakkett ta' sanzjonijiet kontra r-Russja. Il-miżuri l-ġodda jdgħajfu l-kumpless militari u industrijali tar-Russja u jindirizzaw iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet billi huma mmirati lejn il-flotta mistura ta' Putin.
L-UE ssanzjonat ukoll 54 individwu u 30 entità responsabbli għal azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.
Xi tgħid l-UE dwar l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja?
L-UE u l-istati membri tagħha jikkundannaw bil-qawwa l-gwerra brutali ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-annessjoni illegali tar-reġjuni Ukreni ta' Donetsk, Luhansk, Zaporizhzhia u Kherson. Jikkundannaw ukoll l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni militari tar-Russja.
Minn Frar 2022, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qed jiltaqgħu regolarment biex jiddiskutu s-sitwazzjoni fl-Ukrajna minn perspettivi differenti.
Il-Kunsill Ewropew itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li tikkostitwixxi ksur ċar tal-Karta tan-NU, u jafferma mill-ġdid li għadu jappoġġa l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.
Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 19 ta' Diċembru 2024
Il-mexxejja tal-UE talbu ripetutament lir-Russja biex twaqqaf immedjatament l-azzjonijiet militari tagħha, tirtira mingħajr kondizzjonijiet il-forzi armati u t-tagħmir militari kollu mill-Ukrajna u tirrispetta bis-sħiħ l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.
Huma enfasizzaw id-dritt tal-Ukrajna li tagħżel id-destin tagħha stess u faħħru lill-poplu tal-Ukrajna għall-kuraġġ tiegħu fid-difiża ta' pajjiżu.
B'rispons għall-aggressjoni militari, l-UE espandiet b'mod massiv is-sanzjonijiet kontra r-Russja, billi żiedet għadd sinifikanti ta' persuni u entitajiet mal-lista tas-sanzjonijiet, u billi adottat miżuri restrittivi mingħajr preċedent.
L-UE wriet għaqda u saħħa u pprovdiet appoġġ umanitarju, politiku, finanzjarju u militari lill-Ukrajna.
Il-Kunsill Ewropew jikkonferma mill-ġdid l-impenn sod tal-Unjoni Ewropea li tkompli tipprovdi appoġġ politiku, finanzjarju, ekonomiku, umanitarju, militari u diplomatiku lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha sakemm ikun hemm bżonn u bl-intensità meħtieġa. Ir-Russja ma għandhiex tipprevali.
Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 19 ta' Diċembru 2024
L-UE ħadet l-impenn li tkompli turi solidarjetà u tipprovdi appoġġ lir-refuġjati li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna u lill-pajjiżi li jospitawhom. Qed tikkoordina wkoll mas-sħab u l-alleati, fin-NU, l-OSKE, in-NATO u l-G7.
F'diversi okkażjonijiet, il-Kunsill Ewropew ikkundanna l-attakki indiskriminati tar-Russja kontra persuni ċivili u l-infrastruttura ċivili, u ħeġġeġ lir-Russja biex twaqqaf l-attakki sistematiċi bil-missili kontra l-infrastruttura tal-enerġija tal-Ukrajna.
Il-mexxejja tal-UE enfasizzaw li r-Russja, il-Belarussja u dawk kollha responsabbli għad-delitti tal-gwerra u d-delitti l-oħra l-aktar serji ser ikollhom iwieġbu għall-azzjonijiet tagħhom, f'konformità mad-dritt internazzjonali.
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew l-aktar reċenti:
X'miżuri ħadet l-UE kontra r-Russja?
Sanzjonijiet individwali u ekonomiċi
L-UE adottat sanzjonijiet massivi u mingħajr preċedent bħala rispons għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-annessjoni illegali tar-reġjuni tal-Ukrajna ta' Donetsk, Luhansk, Zaporizhzhia u Kherson.
Il-miżuri huma mfassla biex idgħajfu l-bażi ekonomika tar-Russja, iċaħħduha minn teknoloġiji u swieq kritiċi u jnaqqsu b'mod sinifikanti l-kapaċità tagħha li tagħmel gwerra.
L-UE qed tikkoordina l-azzjonijiet tagħha mill-qrib mas-sħab u l-alleati tagħha, inkluż in-NATO, il-G7, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Kanada, in-Norveġja, il-Korea t'Isfel u l-Awstralja.
- Kronoloġija - Pakketti ta' sanzjonijiet kontra r-Russja minn Frar 2022
- Sanzjonijiet kontra r-Russja
- Xi jfissru s-sanzjonijiet kontra r-Russja
F'dan il-kuntest, l-UE adottat ukoll sanzjonijiet kontra l-Belarussja, l-Iran u l-Korea ta' Fuq b'rispons għall-involviment tagħhom fl-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Il-ksur ta' sanzjonijiet miżjud mal-lista tal-UE ta' reati kriminali
Attwalment, l-istati membri għandhom definizzjonijiet differenti ta' x'jikkostitwixxi ksur ta' miżuri restrittivi u liema pieni għandhom jiġu applikati f'każ ta' tali ksur. Dan jista' jwassal għal:
- gradi differenti ta' infurzar tas-sanzjonijiet
- riskju ta' ċirkomvenzjoni ta' dawn il-miżuri
Huwa għalhekk li fit-28 ta' Novembru 2022, il-Kunsill adotta deċiżjoni biex il-ksur ta' miżuri restrittivi jiżdied mal-lista ta' "reati tal-UE" inkluża fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.
Fit-12 ta' April 2024, il-Kunsill adotta regoli ġodda biex jiżgura li l-ksur ta' miżuri restrittivi jiġi kriminalizzat.
Il-liġi jiddefinixxi liema kondotta tikkostitwixxi reat kriminali u l-pieni xierqa.
- reati kriminali jinkludu: għajnuna lin-nies biex jevitaw projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar fl-UE, kummerċ f'oġġetti sanzjonati jew twettiq ta' tranżazzjonijiet ma' dawk milquta minn miżuri restrittivi tal-UE
- pieni dissważivi: il-pieni għandhom ivarjaw skont ir-reat imma għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi
- infurzar aktar strett: l-istati membri ser jintalbu jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li s-sanzjonijiet tal-UE jiġu rrispettati
- Il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali biex jiġu introdotti reati kriminali u pieni għall-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE (stqarrija għall-istampa, 12 ta' April 2024)
- Sanzjonijiet: il-Kunsill iżid il-ksur ta' miżuri restrittivi mal-lista ta' reati kriminali tal-UE (stqarrija għall-istampa, 28 ta' Novembru 2022)
Sospensjoni tal-faċilitazzjoni tal-viża
Il-Kunsill adotta deċiżjoni li tissospendi kompletament il-ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viża bejn l-UE u r-Russja. B'konsegwenza ta' dan, ir-regoli ġenerali tal-kodiċi tal-viża ser japplikaw għaċ-ċittadini Russi. Dan ser jirriżulta:
- f'żieda fit-tariffa tal-applikazzjoni għal viża minn €35 għal €80
- fil-ħtieġa li tiġi ppreżentata evidenza dokumentarja addizzjonali
- f'żieda fil-ħinijiet tal-ipproċessar tal-viżi
- f'regoli aktar restrittivi għall-ħruġ ta' viżi għal dħul multiplu
Id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha u tapplika mit-12 ta' Settembru 2022.
Nuqqas ta' aċċettazzjoni ta' dokumenti tal-ivvjaġġar Russi maħruġa fl-Ukrajna
Fit-8 ta' Diċembru 2022, il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar in-nuqqas ta' aċċettazzjoni ta' dokumenti tal-ivvjaġġar Russi maħruġa fl-Ukrajna u l-Georgia.
Din id-deċiżjoni hija tweġiba għall-prattika tar-Russja li toħroġ passaporti internazzjonali Russi lir-residenti tar-reġjuni okkupati. Din issegwi wkoll id-deċiżjoni unilaterali tar-Russja li tirrikonoxxi l-indipendenza tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar fl-2008.
Dokumenti tal-ivvjaġġar Russi maħruġa f'reġjuni okkupati mir-Russja fl-Ukrajna jew f'territorji separatisti fil-Georgia, jew lil persuni residenti fihom, mhux ser jiġu aċċettati bħala dokumenti tal-ivvjaġġar validi għall-kisba ta' viża jew għall-qsim tal-fruntieri taż-żona Schengen.
L-UE kif qed tappoġġa lill-Ukrajna u l-poplu Ukren?
L-UE u ċ-ċittadini tagħha jinsabu f'solidarjetà sħiħa mal-Ukrajna u l-poplu tagħha. L-UE ħadet miżuri mingħajr preċedent biex tappoġġa lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha. Il-miżuri jinkludu:
- assistenza ekonomika u finanzjarja
- għajnuna umanitarja
- appoġġ għall-protezzjoni ċivili
- appoġġ militari
- akkoljenza ta' refuġjati permezz tal-mekkaniżmu ta' protezzjoni temporanja tal-UE
- appoġġ fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' delitti tal-gwerra
- appoġġ fir-rikostruzzjoni ta' Ukrajna demokratika
L-UE kif irreaġixxiet għall-impatt tal-gwerra fuq is-suq?
L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja kellha effett ta' tfixkil fuq is-swieq globali. Il-prezzijiet madwar id-dinja għal prodotti bażiċi bħall-fjuwils u l-fertilizzanti żdiedu b'mod qawwi ħafna fl-2022.
Il-gwerra kkawżat inċertezza dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-UE. L-attakki tar-Russja fuq l-għelejjel u l-infrastruttura tat-trasport fixklu l-kapaċità tal-Ukrajna li tesporta l-produzzjoni agroalimentari tagħha, li kompliet taggrava l-kriżi globali tal-ikel.
Kriżi tal-enerġija
Il-pajjiżi tal-UE kienu magħqudin fir-rispons tagħhom għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u t-theddid għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE. Il-miżuri ta' emerġenza adottati mill-Kunsill biex tiġi żgurata provvista tal-enerġija suffiċjenti u affordabbli għenu biex jikkalmaw is-swieq. Il-prezz tal-gass, li laħaq quċċata mingħajr preċedent f'Awwissu 2022, issa huwa relattivament stabbli.
Il-miżuri kkoordinati tal-UE ffukaw fuq:
- id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija u r-rotot tagħhom
- l-iżgurar tal-gass fir-riżervi nazzjonali
- it-tnaqqis fil-kontijiet tal-enerġija għaċ-ċittadini u n-negozji
- it-tisħiħ tas-solidarjetà fost il-pajjiżi tal-UE
- il-prevenzjoni ta' xokkijiet fil-prezzijiet
- bidla aktar malajr għal enerġija aktar nadifa
Il-pajjiżi tal-UE qed jitbiegħdu mill-fjuwils fossili Russi hekk kif l-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja niżlu minn 40% tal-importazzjonijiet totali fl-2021 għal 15% fl-2023. L-UE qed timxi b'pass mgħaġġel lejn enerġija aktar nadifa u lejn l-awtonomija.
Minn fejn jiġi l-gass tal-UE? (Infografika)
Sigurtà tal-ikel
Il-pajjiżi tal-UE wieġbu għall-kriżi globali tal-ikel billi:
- ipprovdew sokkors ta' emerġenza lil dawk l-aktar fil-bżonn
- għenu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jagħmlu l-produzzjoni tal-ikel tagħhom aktar sostenibbli
- appoġġaw kummerċ ħieles u mingħajr ostakli
- ikkollaboraw mill-qrib mas-sħab globali
Bis-saħħa tal-hekk imsejħa korsiji ta' solidarjetà ffaċilitati mill-UE, minn Mejju 2022 ġew esportati mill-Ukrajna miljuni ta' tunnellati ta' qamħ u żerriegħa taż-żejt. L-ikel qed jasal għand pajjiżi fil-bżonn fl-Afrika, fil-Lvant Nofsani u fl-Asja.
Kif l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja kompliet taggrava l-kriżi dinjija tal-ikel (Infografika)