Sanzjonijiet tal-UE kontra l-Korea ta' Fuq
L-UE imponiet sanzjonijiet kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea b'reazzjoni għall-attivitajiet tagħha marbuta mal-qasam nukleari u l-missili ballistiċi u l-appoġġ militari tagħha għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Attivitajiet tal-Korea ta' Fuq b'rabta mal-armi ta' qerda massiva
Mill-2006, l-UE imponiet progressivament miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) b'reazzjoni għall-attivitajiet tagħha ta' żvilupp ta' armi nukleari u missili ballistiċi, li jirrappreżentaw theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.
Għalfejn is-sanzjonijiet?
Il-programmi tar-RDPK relatati ma' armi nukleari, missili ballistiċi u armi oħra ta' qerda massiva jipperikolaw ir-reġim globali tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm, li l-UE ilha sostenitur sod tiegħu għal għexieren ta' snin.
L-UE tikkundanna l-attivitajiet nukleari u dawk relatati mal-missili ballistiċi tal-Korea ta' Fuq u tappella lir-RDPK biex tikkonforma minnufih mal-obbligi tagħha skont ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU billi tabbanduna l-armi nukleari, l-armi l-oħra ta' qerda massiva, il-programmi ta' missili ballistiċi u l-programmi nukleari eżistenti kollha tagħha b'mod sħiħ, verifikabbli u irreversibbli, u twaqqaf l-attivitajiet kollha relatati.
Il-miżuri restrittivi għandhom l-għan li jagħmlu pressjoni fuq il-Korea ta' Fuq biex twaqqaf l-azzjonijiet destabbilizzanti tagħha u tikkonforma mal-obbligi internazzjonali.
- RDPK/il-Korea ta' Fuq: Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-illanċjar ta' missila ballistika interkontinentali (stqarrija għall-istampa, 19 ta' Diċembru 2023)
- Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (stqarrija għall-istampa, 17 ta' Lulju 2017)
X'inhuma s-sanzjonijiet?
L-UE mhux biss tittrasponi s-sanzjonijiet imposti min-NU, iżda għandha wkoll ir-reġim awtonomu ta' sanzjonijiet tagħha kontra l-Korea ta' Fuq, li jikkomplementa u jsaħħaħ is-sanzjonijiet tan-NU.
Ir-reġim ta' sanzjonijiet tal-UE għar-RDPK bħalissa hu wieħed fost l-aktar restrittivi fis-seħħ.
Sanzjonijiet tan-NU
L-ewwel sett ta' miżuri restrittivi ġie introdott wara r-Riżoluzzjoni 1718 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, adottata ftit wara l-ewwel test nukleari tar-RDPK fid-9 ta' Ottubru 2006. Sadattant il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ripetutament adotta miżuri ġodda u estenda dawk eżistenti.
Ir-riżoluzzjonijiet tan-NU jappellaw ukoll lill-Korea ta' Fuq biex terġa' tissieħeb fit-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni Nukleari (TNP), li kienet ingħaqdet miegħu fl-1985 iżda rtirat minnu fl-2003.
L-UE timplimenta s-sanzjonijiet tan-NU permezz tal-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-UE.
Sanzjonijiet tal-UE
Fl-2016, il-Kunsill tal-UE adotta miżuri restrittivi awtonomi addizzjonali kontra r-RDPK, li jikkomplementaw is-sanzjonijiet tan-NU, għar-raġuni li l-azzjonijiet tar-RDPK jikkostitwixxu theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali fir-reġjun u lil hinn minnu.
Is-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea jinkludu projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għal individwi, iffriżar tal-assi għal individwi u entitajiet u projbizzjoni tat-tqegħid ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni ta' dawk elenkati.
Is-sanzjonijiet ikopru wkoll il-kummerċ, l-oġġetti u t-teknoloġija li jistgħu jgħinu lill-programm tal-armi tar-RDPK:
- projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-importazzjoni (eż. ta' armi, metalli prezzjużi, ħelikopters u bastimenti ġodda)
- restrizzjonijiet fuq sostenn finanzjarju għall-kummerċ
- restrizzjonijiet fuq l-investiment
- projbizzjoni fuq l-assistenza finanzjarja
- spezzjonijiet obbligatorji tal-merkanzija kollha li tmur lejn ir-RDPK jew tiġi minnha bl-art, bil-baħar jew bl-ajru
- sospensjoni tal-kooperazzjoni xjentifika u teknika
- restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni u r-residenza
L-individwi u l-entitajiet sanzjonati jinkludu:
- persuni li kellhom pożizzjonijiet ta' tmexxija f'istituzzjonijiet involuti fl-iżvilupp tal-programmi ta' armi illegali
- persuni responsabbli għall-appoġġ għall-programmi illeċiti jew għall-promozzjoni tagħhom
- individwi u entitajiet li kienu involuti f'attivitajiet ta' evażjoni tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġġeneraw fondi għall-programmi illegali
L-appoġġ militari tal-Korea ta' Fuq għar-Russja
L-Unjoni Ewropea tħeġġeġ lir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u lir-Russja biex iżommu lura minn kwalunkwe skambju ta' tagħmir militari, teknoloġija jew munizzjon relatati mal-missili u jirrispettaw ir-riżoluzzjonijiet suċċessivi tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jipprojbixxu b'mod ċar kwalunkwe esportazzjoni jew importazzjoni ta' armi li jinvolvu r-RDPK.
L-UE tikkundanna kwalunkwe appoġġ militari għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna pprovdut mir-RDPK.
F'dak il-kuntest, il-miżuri tal-UE b'rispons għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna jinkludu sanzjonijiet kontra:
- persuni u entitajiet involuti fil-provvista tal-armi tar-RDPK lir-Russja
- il-Ministru għad-Difiża tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, Kang Sun-nam
Ara wkoll
Għaliex l-UE tadotta sanzjonijiet
Tipi ta' sanzjonijiet li tadotta l-UE
Kif l-UE tadotta u tirrieżamina s-sanzjonijiet
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Diċembru 2024