Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja
X'inhi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja?
Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja hija l-aktar proċedura komuni użata fil-livell tal-UE biex tiġi adottata l-leġiżlazzjoni. Din tapplika għall-maġġoranza l-kbira tal-oqsma ta' politika tal-UE.
Skont il-proċedura, il-Kunsill tal-UE u l-Parlament Ewropew jinnegozjaw u jadottaw b'mod konġunt il-liġijiet tal-UE. Huma koleġiżlaturi.
Kif minn proposti jsiru liġijiet tal-UE?
Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja pass pass
-
1
Proposta
Il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta liġi ġdida tal-UE lill-Kunsill u lill-Parlament.
-
2
Eżami (qari)
Il-Kunsill u l-Parlament, kull wieħed jeżamina l-proposta u jista' jemendaha. Dan l-eżami jissejjaħ qari. Il-proċedura tista' tieħu sa tliet stadji ta' qari.
-
3
Adozzjoni
Il-liġi tiġi adottata jekk il-Kunsill u l-Parlament jaqblu dwar l-istess test fi kwalunkwe qari. Jekk ma jintlaħaqx qbil, il-liġi ma tiġix adottata.
Aktar minn 85% tal-liġijiet li jsegwu l-proċedura leġiżlattiva ordinarja jiġu adottati fi tmiem l-ewwel qari jew fil-bidu tat-tieni qari.
Proposta leġiżlattiva
Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli biex tipproponi liġijiet ġodda tal-UE. Dan jissejjaħ id-dritt ta' inizjattiva. Il-ħidma tagħha hija ggwidata mill-prijoritajiet politiċi maqbula mill-Kunsill Ewropew u stabbiliti fil-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni tippreżenta l-proposta leġiżlattiva tagħha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.
Fl-istess ħin, hija tibgħat il-proposta lill-parlamenti nazzjonali għall-analiżi. Fejn xieraq, il-proposta tintbagħat ukoll lil istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE, bħall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, għall-opinjonijiet tagħhom.
Il-Kunsill jista' jagħmel proposti leġiżlattivi?
Filwaqt li l-Kummissjoni normalment tfassal proposti leġiżlattivi fuq inizjattiva tagħha stess, il-Kunsill, il-Parlament jew iċ-ċittadini tal-UE (permezz ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej) jistgħu wkoll jitolbu lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva. Il-Kummissjoni mbagħad tiddeċiedi jekk taġixxix jew le, u fi kwalunkwe każ trid tispjega d-deċiżjoni tagħha.
Hemm biss ftit eċċezzjonijiet għad-dritt ta' inizjattiva tal-Kummissjoni. Pereżempju, f'xi oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-istati membri tal-UE jistgħu jippreżentaw proposta leġiżlattiva jekk din tkun appoġġata minn mill-inqas kwart tal-istati membri kollha.
Eżami tal-proposta
Wara li jirċievu l-proposta, il-Kunsill u l-Parlament, kull wieħed jeżaminawha fid-dettall.
Fil-Kunsill, żewġ korpi preparatorji huma involuti f'kull qari:
- Grupp ta' ħidma ta' esperti nazzjonali jiddiskuti l-aspetti tekniċi tal-proposta
- Il-Coreper (il-kumitat tar-rappreżentanti permanenti magħmul mill-ambaxxaturi tal-istati membri għall-UE) jindirizza kwistjonijiet aktar sensittivi jew politiċi
Permezz tal-korpi preparatorji, il-Kunsill jaħdem biex jaqbel fuq pożizzjoni komuni dwar il-proposta, maqbula bejn l-istati membri kollha.
Il-Parlament Ewropew iħejji l-pożizzjoni tiegħu permezz ta' diskussjonijiet fil-kumitati rilevanti tiegħu.
L-ewwel qari
Il-Parlament Ewropew jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, filwaqt li jaċċetta jew jemenda l-proposta.
Il-Kunsill jeżamina l-pożizzjoni tal-Parlament u jista':
- japprovaha, imbagħad il-liġi tiġi adottata
- jipproponi emendi, imbagħad it-test emendat jerġa' lura għand il-Parlament għat-tieni qari
Limitu ta' żmien: l-ewwel qari ma għandu l-ebda limitu ta' żmien.
Il-Kunsill jista' jadotta wkoll approċċ ġenerali billi jieħu linja politika, li jippermetti lill-Parlament jara d-direzzjoni li d-diskussjonijiet fil-Kunsill qed jieħdu u jista' jgħin biex imexxi n-negozjati 'l quddiem. Normalment dan iseħħ qabel ma l-Parlament Ewropew jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari. Madankollu, l-approċċ ġenerali ma jissostitwixxix il-pożizzjoni formali tal-Kunsill fl-ewwel qari.
Id-dokumenti ta' approċċ ġenerali, meta jsiru pubbliċi, jistgħu jinstabu fir-reġistru tad-dokumenti uffiċjali tal-Kunsill.
It-tieni qari
Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim fl-ewwel qari, kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill ikomplu jirrieżaminaw il-pożizzjonijiet ta' xulxin.
L-ewwel nett, il-Parlament jeżamina l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari u jista':
- japprovaha: l-att jiġi adottat
- jirrifjutaha: il-proposta ma tiġix adottata u l-proċedura tintemm
- jipproponi emendi: it-test emendat jirritorna għand il-Kunsill
Il-Kunsill jeżamina l-emendi tal-Parlament u jista':
- japprova l-emendi kollha: il-liġi tiġi adottata
- ma japprovax l-emendi kollha: jitlaqqa' Kumitat ta' Konċiljazzjoni
Limitu ta' żmien: tliet xhur għal kull istituzzjoni, li jista' jiġi estiż b'xahar.
Negozjar ta' kompromessi permezz ta' trilogi
Fi kwalunkwe stadju matul il-proċedura, il-Kunsill u l-Parlament jistgħu jorganizzaw laqgħat informali, magħrufa bħala trilogi, biex jippruvaw iqarrbu l-pożizzjonijiet tagħhom lejn xulxin.
Il-laqgħat tat-trilogi jinvolvu rappreżentanti tal-Kunsill, tal-Parlament u tal-Kummissjoni. Dawn jistgħu jvarjaw minn diskussjonijiet tekniċi bejn l-esperti għal negozjati politiċi bejn ambaxxaturi jew ministri u membri tal-Parlament Ewropew. Għall-Kunsill, ir-rappreżentanti tal-pajjiż li jkollu l-presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill imexxu n-negozjati.
Kwalunkwe qbil informali milħuq fi trilogu jrid jiġi approvat formalment minn kull istituzzjoni.
L-istorja tal-proċedura
L-adozzjoni konġunta tal-liġijiet tal-UE mill-Kunsill u l-Parlament ġiet introdotta mit-Trattat ta' Maastricht (1993) bl-isem proċedura ta' kodeċiżjoni. Inizjalment, din kienet tapplika biss f'għadd limitat ta' oqsma, bħas-suq uniku, l-immigrazzjoni, il-politika soċjali u l-ambjent.
L-ambitu tagħha mbagħad ġie estiż permezz ta':
- it-Trattat ta' Amsterdam (1999) u t-Trattat ta' Nizza (2003), li estendewha għal oqsma ta' politika addizzjonali
- it-Trattat ta' Lisbona (2009), li għamilha l-proċedura ewlenija tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-biċċa l-kbira tal-liġijiet tal-UE, u bidlilha isimha għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja
Bażi legali
Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja hija definita fl-Artikoli 289 u 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Ara wkoll
Ir-rwol tal-Kunsill fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE
Reġistru uffiċjali tad-dokumenti tal-Kunsill
Kif inhi organizzata l-ħidma tal-Kunsill Ewropew
L-aħħar reviżjoni: 17 ta' Ġunju 2026