"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Ekonomija ċirkolari

Il-firda tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi u l-bidla għal sistemi ċirkolari fil-produzzjoni u l-konsum huma kruċjali biex tinkiseb in-newtralità klimatika tal-UE sal-2050.

L-aħħar aħbarijiet

Fis-16 ta' Diċembru 2024, il-Kunsill adotta formalment ir-regolament il-ġdid dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ.

Ir-regoli ser inaqqsu b'mod sinifikanti l-ġenerazzjoni tal-iskart mill-imballaġġ billi tistabbilixxi miri vinkolanti għall-użu mill-ġdid, tillimita ċerti tipi ta' imballaġġ li jintuża darba biss u tirrikjedi li l-operaturi ekonomiċi jimminimizzaw l-imballaġġ użat. Ir-regolament ikopri ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-imballaġġ.

Tazza tal-kafè takeaway, bott tax-xorb u kartuna tal-ħalib murija taħt simbolu tar-riċiklaġġ ċirkolari, li juri li l-imballaġġ ta' kuljum jista' jiġi riċiklat.

Imballaġġ

Pjan ta' azzjoni għal ekonomija ċirkolari

F'Marzu 2020, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta' azzjoni għal ekonomija ċirkolari li jinkludi aktar minn 30 punt ta' azzjoni dwar:

  • l-iżgurar tal-iżvilupp ta' prodotti sostenibbli u ċ-ċirkolarità fil-proċessi tal-produzzjoni
  • it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-konsumaturi
  • setturi ewlenin fil-mira
  • it-tnaqqis tal-iskart

It-tfassil ta' prodotti sostenibbli

Għadd ta' miżuri għandhom l-għan li jiżguraw li l-prodotti jservu għal żmien itwal u jkunu jistgħu jissewwew, u li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-konsumaturi biex jagħmlu għażliet aktar sostenibbli.

Ekodisinn

Mill-2009, id-direttiva dwar l-ekodisinn stabbiliet rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika li jkopru diversi gruppi ta' prodotti (eż. kompjuters, friġġijiet, pompi tal-ilma).

Fis-27 ta' Mejju 2024, il-Kunsill adotta rekwiżiti ġodda tal-ekodisinn għal prodotti sostenibbli.

Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li:

  • jistabbilixxu rekwiżiti ta' sostenibbiltà ambjentali għal kważi t-tipi kollha ta' oġġetti introdotti fis-suq tal-UE
  • jistabbilixxu passaport diġitali tal-prodotti li ser jipprovdi informazzjoni dwar is-sostenibbiltà ambjentali ta' prodott
  • jipprojbixxu l-qerda ta' ċerti oġġetti tal-konsumatur mhux mibjugħa (tessuti u żraben)

"Dritt għat-tiswija"

L-UE tixtieq tiżgura li l-konsumaturi jkunu jistgħu isewwu prodott minflok jibdluh meta dan jinkiser jew ikun difettuż.

Fit-30 ta' Mejju 2024, l-UE adottat regoli ġodda biex tiġġieled ir-rimi prematur ta' oġġetti li jistgħu jissewwew. L-elementi ewlenin tagħha huma:

  • id-dritt għall-konsumaturi li jitolbu lill-manifatturi biex isewwu prodotti li teknikament jistgħu jissewwew skont id-dritt tal-UE
  • formola Ewropea ta' informazzjoni dwar it-tiswija mingħajr ħlas
  • pjattaforma ta' tiswija online biex il-konsumaturi jiġu konnessi mas-sewwejja
  • l-estensjoni sa 12-il xahar tal-perjodu ta' responsabbiltà tal-bejjiegħ wara t-tiswija

Bil-ħolqien ta' inċentivi għall-produtturi u l-konsumaturi biex itawlu ċ-ċikli tal-ħajja tal-prodotti, il-leġiżlazzjoni l-ġdida ser tnaqqas ukoll l-iskart u tippromwovi mudelli ta' negozju aktar sostenibbli.

Iċ-ċirkolarità fil-proċessi tal-produzzjoni

Id-direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali hija l-leġiżlazzjoni ewlenija tal-UE li tindirizza t-tniġġis industrijali.

L-UE aġġornat dan l-aħħar id-direttiva biex tappoġġa lill-industriji fl-isforzi tagħhom lejn l-ambizzjoni tal-UE għal tniġġis żero sal-2050, b'mod partikolari billi tappoġġa tekniki u investimenti tal-ekonomija ċirkolari.

F'Novembru 2023, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju fit-trilogi dwar ir-reviżjoni tad-direttiva. Ir-regoli l-ġodda ġew adottati mill-Kunsill f'April 2024.

Fabbriki li jarmu duħħan fl-arja.

Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali: ċifri ewlenin (Infografika)

It-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-konsumaturi

L-UE trid tipprevjeni lill-kumpaniji milli jagħmlu asserzjonijiet qarrieqa dwar il-merti ambjentali tal-prodotti u s-servizzi tagħhom.

Fl-20 ta' Frar 2024, il-Kunsill adotta direttiva biex isaħħaħ il-pożizzjoni tal-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika.

Bis-saħħa tal-miżuri l-ġodda, il-konsumaturi tal-UE ser:

  • ikollhom aċċess għal informazzjoni affidabbli biex jagħmlu l-għażliet ekoloġiċi t-tajba, inkluż b'rabta mal-obsolexxenza bikrija
  • ikunu protetti aħjar kontra asserzjonijiet ekoloġiċi żleali
  • ikunu nfurmati aħjar dwar il-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti qabel jixtruhom

Id-direttiva tintroduċi wkoll tikketta armonizzata b'informazzjoni dwar il-garanzija kummerċjali ta' durabbiltà offruta mill-produtturi.

Asserzjonijiet ambjentali

Il-Kunsill laħaq qbil ("approċċ ġenerali") dwar id-direttiva dwar l-asserzjonijiet ekoloġiċi, li għandha l-għan li tiddefinixxi kriterji dwar is-sostanzjar ta' asserzjonijiet ambjentali magħmula minn kumpaniji biex ibigħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom.

Ir-regoli jindirizzaw il-greenwashing u jgħinu lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet verament aktar ekoloġiċi meta jixtru prodott jew jużaw servizz.

Eżempji ta' asserzjonijiet ambjentali li jeħtieġ li jiġu appoġġati bi prova:

  • "Żraben magħmula minn 50% ta' plastik riċiklat"
  • "Konsenja newtrali għall-klima"
  • "Prodott għall-kura tal-ġilda li ma jagħmilx ħsara lin-naħal"

Setturi ewlenin fil-mira

Il-pjan ta' azzjoni jiffoka fuq setturi speċifiċi li jużaw il-biċċa l-kbira tar-riżorsi u fejn hemm potenzjal għoli għaċ-ċirkolarità.

L-elettronika u l-ICT

It-tagħmir elettriku u elettroniku huwa wieħed mill-flussi ta' skart li qed jikbru l-aktar malajr fl-UE. Huwa għalhekk li l-pjan ta' azzjoni għal ekonomija ċirkolari jinkludi miżuri biex it-tagħmir elettriku u elettroniku jservi għal żmien itwal u jitjieb ir-riċiklaġġ tiegħu.

F'Novembru 2022, l-UE adottat id-direttiva dwar iċ-ċarġers komuni, li ser tagħmel il-port tal-iċċarġjar USB-C obbligatorju għal firxa ta' apparat elettroniku (mobiles, consoles tal-logħob vidjo, tastieri mingħajr fili, laptops).

Regoli ġodda tal-UE ser jippermettu lill-konsumaturi jixtru mobiles u tablets aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, li jservu għal żmien itwal u li jissewwew aktar faċilment fis-suq tal-UE, billi:

  • ir-regolament dwar l-ekodisinn jistabbilixxi rekwiżiti minimi rigward id-durabbiltà tal-batteriji, id-disponibbiltà tal-ispare parts u l-aġġornamenti għas-sistemi operattivi
  • ir-regolament dwar it-tikkettar tal-enerġija jagħmilha obbligatorja li tintwera informazzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika u l-lonġevità tal-batteriji, kif ukoll punteġġ għat-tiswija

L-istituzzjonijiet tal-UE jinsabu fil-proċess li jaġġornaw ir-regoli dwar l-iskart minn tagħmir elettriku u elettroniku, inkluż firxa ta' prodotti bħal kompjuters, friġġijiet u pannelli fotovoltajċi. L-emendi għandhom l-għan li jallinjaw id-direttiva dwar l-iskart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) ma' sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE dwar l-applikazzjoni retroattiva mhux ġustifikata tar-responsabbiltà estiża tal-produttur għall-iskart minn pannelli fotovoltajċi introdotti fis-suq bejn it-13 ta' Awwissu 2005 u t-13 ta' Awwissu 2012.

In-negozjaturi tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew waslu għal ftehim politiku proviżorju dwar il-bidliet proposti f'Novembru 2023.

L-infografika hija dwar il-bidliet u l-benefiċċji li ġġib magħha l-introduzzjoni ta' ċarġer komuni għal kull tip ta' tagħmir

Ċarġer komuni għat-tagħmir elettroniku kollu tiegħek (Infografika)

Il-batteriji u l-iskart ta' batteriji

L-UE adottat regolament dwar il-batteriji biex toħloq ekonomija ċirkolari għas-settur billi jiġu indirizzati l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-batteriji, mid-disinn sat-trattament tal-iskart. Din l-inizjattiva hija ta' importanza kbira, b'mod partikolari minħabba l-iżvilupp massiv tal-mobbiltà elettrika.

Bis-saħħa ta' rekwiżiti ġodda ta' sikurezza, sostenibbiltà u tikkettar, ir-regoli l-ġodda adottati fl-2023 għandhom l-għan li:

  • jippromwovu ekonomija ċirkolari
  • itejbu l-funzjonament tas-suq intern għall-batteriji, filwaqt li jiżguraw kompetizzjoni aktar ġusta
Illustrazzjoni tal-katina tal-provvista tal-batteriji

Lejn katina ta' provvista sostenibbli, ċirkolari u Ewropea għall-batteriji (Infografika)

Imballaġġ

Il-Kunsill adotta regolament ġdid dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ f'Diċembru 2024. Ir-regoli ser jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-pjan ta' azzjoni tiegħu għal ekonomija ċirkolari.

Xi miżuri ewlenin jinkludu:

  • miri għat-tnaqqis tal-iskart mill-imballaġġ fil-livell tal-istati membri
  • restrizzjoni tal-imballaġġ żejjed
  • appoġġ għas-sistemi ta' użu mill-ġdid u rikarika
  • sistemi obbligatorji ta' rifużjoni tad-depożitu għal ċerti kontenituri li jintużaw darba biss
Tazza tal-kafè takeaway, bott tax-xorb u kartuna tal-ħalib murija taħt simbolu tar-riċiklaġġ ċirkolari, li juri li l-imballaġġ ta' kuljum jista' jiġi riċiklat.

Imballaġġ

Plastik

Mill-2018, l-istrateġija Ewropea għall-plastiks f'ekonomija ċirkolari għandha l-għan li ttejjeb ir-riċiklabbiltà tal-imballaġġ tal-plastik u tinkludi reazzjoni qawwija għall-mikroplastiċi.

Skont il-pjan ta' azzjoni tal-2020 għal ekonomija ċirkolari, il-Kummissjoni qed taħdem fuq:

  • rekwiżiti obbligatorji għall-kontenut riċiklat u t-tnaqqis tal-iskart għall-prodotti ewlenin
  • qafas tal-politika ġdid dwar il-plastik b'bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli biex jiġi ċċarat fejn dawn il-plastiks jista' jkollhom benefiċċji ambjentali ġenwini
  • miżuri biex tiġi indirizzata l-preżenza ta' mikroplastiċi rilaxxati b'mod mhux intenzjonat fl-ambjent, bl-għan li jitnaqqas l-iskart tal-plastik

Tessuti

L-istrateġija tal-UE għal tessuti sostenibbli u ċirkolari tal-Kummissjoni għandha l-għan li, sal-2030, twassal biex it-tessuti jservu għal żmien itwal, u jkunu jistgħu jissewwew, jerġgħu jintużaw u jiġu riċiklati aktar.

F'Lulju 2023, il-Kummissjoni pproponiet li:

  • il-produtturi jsiru responsabbli għaċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodotti tat-tessuti, permezz tar-responsabbiltà estiża tal-produttur
  • jiġi aċċellerat l-iżvilupp ta' settur tal-ġbir, is-separazzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tat-tessuti, billi l-istati membri huma meħtieġa jistabbilixxu ġbir separat tat-tessuti mill-unitajiet domestiċi sal-1 ta' Jannar 2025
  • tiġi indirizzata l-problema tal-esportazzjoni illegali tal-iskart tat-tessuti

F'Ġunju 2024, il-Kunsill laħaq qbil ("approċċ ġenerali") dwar reviżjoni tad-direttiva qafas dwar l-iskart, inkluż dwar miżuri biex jitnaqqas l-iskart tat-tessuti. Il-marki tal-moda u l-produtturi tat-tessuti jkollhom iħallsu tariffi sabiex jgħinu jiffinanzjaw l-ispejjeż tal-ġbir u t-trattament tal-iskart tat-tessuti. It-tariffi jkunu bbażati fuq iċ-ċirkolarità u l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti tat-tessuti.

Huwa mistenni li r-regolament dwar l-ekodisinn għal prodotti sostenibbli u r-regolament dwar vjeġġi ta' skart jgħinu wkoll biex jiġu stabbiliti rekwiżiti ta' sostenibbiltà għall-prodotti tat-tessuti u jirrestrinġu l-esportazzjoni tal-iskart tat-tessuti.

Kostruzzjoni u bini

Il-bini huwa responsabbli għal:

F'Novembru 2024, il-Kunsill adotta r-reviżjoni tar-regolament dwar il-prodotti għall-bini propost mill-Kummissjoni.

Ir-regoli l-ġodda jistabbilixxu rekwiżiti ġodda biex jiġi żgurat li permezz tad-disinn u l-produzzjoni tal-prodotti għall-bini dawn iservu għal żmien itwal, ikunu jistgħu jissewwew, isiru riċiklabbli u jkun aktar faċli li jiġu mmanifatturati mill-ġdid.

Il-manifatturi ser ikollhom:

  • jipprovdu informazzjoni ambjentali dwar iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti
  • ifasslu u jimmanifatturaw prodotti b'mod li jiffaċilita l-użu mill-ġdid, il-manifattura mill-ġdid u r-riċiklaġġ
  • jagħtu preferenza lill-materjali riċiklabbli
  • jagħmlu disponibbli struzzjonijiet dwar kif tuża u ssewwi l-prodotti

It-tnaqqis tal-iskart

L-UE qed taħdem fuq sensiela ta' miżuri biex tkompli ssaħħaħ u timplimenta aħjar il-liġijiet tal-UE dwar l-iskart.

Miri għat-tnaqqis tal-iskart

Id-direttiva qafas dwar l-iskart, fis-seħħ minn Lulju 2020, tistabbilixxi regoli għall-istati membri biex:

  • iżidu l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali b'55% sal-2025
  • sal-1 ta' Jannar 2025 jistabbilixxu ġbir separat tat-tessuti u l-iskart perikoluż mill-unitajiet domestiċi
  • jiżguraw li l-bijoskart jew jinġabar separatament jew jiġi riċiklat fis-sors sal-31 ta' Diċembru 2023
  • jilħqu l-miri tar-riċiklaġġ speċifiċi għall-materjal sal-2025 u sal-2030 għall-imballaġġ

F'Ġunju 2024, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu ("approċċ ġenerali") dwar reviżjoni mmirata tad-direttiva qafas dwar l-iskart, b'enfasi fuq l-iskart tal-ikel u tat-tessuti.

Għall-ikel, il-pajjiżi tal-UE jkollhom inaqqsu l-iskart tal-ikel permezz ta':

Fir-rigward tal-iskart tat-tessuti, ir-regoli l-ġodda jsaħħu l-iskemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur billi jitolbu lill-kumpaniji fis-settur tat-tessuti jħallsu tariffi għall-ġbir u l-immaniġġjar tal-iskart.

Barra minn hekk, fis-26 ta' Ġunju 2023 daħlu fis-seħħ regoli ġodda tal-UE biex iħeġġu u jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid tal-ilma fl-UE.

L-UE qed taġġorna r-regoli dwar it-trattament tal-ilma urban mormi. L-għan tar-reviżjoni huwa li testendi l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva eżistenti u li tallinjaha mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Objettivi ewlenin tar-reviżjoni:

  • estensjoni tar-regoli għal bliet iżgħar
  • titjib ulterjuri tal-operazzjonijiet ta' trattament
  • tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tas-settur
  • iġġiegħel lil dawk li jniġġsu jħallsu
  • tgħin fil-monitoraġġ u l-prevenzjoni tal-pandemiji
  • titjib tas-sanità, b'mod partikolari għall-persuni l-aktar vulnerabbli

Il-Kunsill laħaq ftehim proviżorju mal-Parlament Ewropew dwar ir-regoli aġġornati f'Jannar 2024. Il-ftehim ser ikollu jiġi adottat formalment miż-żewġ istituzzjonijiet qabel ma jsir liġi tal-UE.

Ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi

Mill-2020, l-istrateġija tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà għandha l-għan li tgħin biex jiġi żgurat li s-sustanzi kimiċi jkunu sikuri kemm għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll għall-ambjent.

Fl-24 ta' Ottubru 2022, skont il-pjan ta' azzjoni għal ekonomija ċirkolari, l-UE adottat reviżjoni tar-regolament dwar pollutanti organiċi persistenti (PoPs), sustanzi kimiċi dannużi li jistgħu jinsabu fl-iskart minn prodotti għall-konsumatur (eż. tessuti reżistenti għall-ilma, plastik u tagħmir elettroniku).

Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jnaqqsu l-valuri ta' limitu tal-konċentrazzjoni għall-preżenza tal-PoPs fl-iskart, li huwa kruċjali għall-ekonomija ċirkolari, fejn l-iskart ser jintuża dejjem aktar bħala materja prima sekondarja.

F'Ottubru 2024, il-Kunsill adotta regolament dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi kimiċi.

Il-miżuri jinkludu rekwiżiti speċifiċi għal prodotti kimiċi li jistgħu jerġgħu jimtlew li ser jgħinu fit-tnaqqis tal-iskart mill-imballaġġ.

Illustrazzjoni - strateġija tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi għal ambjent aktar sostenibbli u ħieles mis-sustanzi tossiċi

Strateġija tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi għal ambjent aktar sostenibbli u ħieles mis-sustanzi tossiċi (Infografika)

Materja prima sekondarja

L-UE tixtieq toħloq suq li jiffunzjona sew għall-materja prima sekondarja.

F'Marzu 2024, il-Kunsill adotta l-att dwar il-materja prima kritika li għandu l-għan li jsaħħaħ l-istadji kollha tal-katina tal-valur tal-materja prima kritika Ewropea, inkluż billi jtejjeb iċ-ċirkolarità u r-riċiklaġġ.

Ir-regoli l-ġodda jistabbilixxu objettiv li mill-inqas 25% tal-konsum annwali tal-materja prima kritika tal-UE jiġi mir-riċiklaġġ domestiku.

Illustrazzjoni li turi turbina eolika, dar bil-pannelli solari u ajruplan, kull wieħed ittikkettat b'elementi kimiċi bħall-boron, il-gallju, il-manjeżju u l-iskandju.

Spjegazzjoni tal-materja prima kritika (Infografika)

Vjeġġi tal-iskart

Dan l-aħħar l-UE aġġornat ir-regoli biex jiġi regolat aħjar il-kummerċ tal-iskart fl-UE u ma' pajjiżi mhux tal-UE, biex:

  • jiġi żgurat li l-esportazzjoni tal-iskart ma tagħmilx ħsara lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem
  • jiġu indirizzati l-vjeġġi illegali

Ir-reviżjoni tar-regoli għandha l-għan li tnaqqas il-vjeġġi ta' skart problematiku 'l barra mill-UE, taġġorna l-proċeduri tal-vjeġġi biex jirriflettu l-objettivi tal-ekonomija ċirkolari u ttejjeb l-infurzar. Tippromwovi l-użu tal-iskart bħala riżorsa fl-UE.

In-negozjaturi tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew laħqu ftehim politiku proviżorju biex jaġġornaw ir-regolament dwar vjeġġi ta' skart f'Novembru 2023. Ir-regoli ġew adottati formalment mill-Kunsill f'Marzu 2024.