Skip to content

Mobbiltà nadifa u sostenibbli

Id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport hija kruċjali biex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-UE. Ir-regoli tal-UE għandhom l-għan li jagħmlu l-mobbiltà aktar sostenibbli filwaqt li jiżguraw il-konnettività madwar l-UE.

L-għanijiet klimatiċi u s-settur tat-trasport

L-UE tappoġġa l-iżvilupp ta' sistemi tat-trasport biex trawwem is-suq uniku u żżid il-konnettività fost ir-reġjuni tal-Ewropa filwaqt li s-settur jiġi dekarbonizzat.

Taħt il-Ftehim ta' Pariġi, il-pajjiżi tal-UE huma impenjati li jagħmlu l-UE newtrali għall-klima sal-2050. Biex jintlaħaq dan l-għan, sal-2030 l-UE ser tnaqqas l-emissjonijiet netti tagħha ta' gassijiet serra fl-ekonomija kollha b'mill-inqas 55% meta mqabbla mal-livelli tal-1990, u ser tkompli tnaqqas l-emissjonijiet b'mod progressiv sal-2050.

Biex jagħti sehmu, is-settur tat-trasport jeħtieġ li jgħaddi minn trasformazzjoni li tkun teħtieġ tnaqqis ta' 90% fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra (mqabbla mal-livelli tal-1990) sal-2050.

It-trasport jammonta għal kwart tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-UE

Tabella li turi l-emissjonijiet tat-trasport fl-UE u t-tqassim tiegħu skont is-settur.

Il-progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet kien aktar kajman milli f'setturi ekonomiċi oħra. Filwaqt li l-emissjonijiet naqsu b'mod sinifikanti f'setturi oħra, l-emissjonijiet tat-trasport żdiedu f'dawn l-aħħar snin. Huwa kruċjali li t-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija fl-UE jsir aktar effiċjenti u inqas dipendenti fuq il-fjuwils fossili.

Fl-2021, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-istrateġija għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti u sostenibbli tal-Kummissjoni li ddeskrivew l-għanijiet tal-UE biex il-mobbiltà fl-UE ssir ekoloġika, intelliġenti u reżiljenti.

Il-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" huwa sett ta' inizjattivi ta' politika u liġijiet biex tintlaħaq il-mira tal-2030 li l-emissjonijiet jitnaqqsu b'mill-inqas 55% u jinkludi inizjattivi ewlenin biex jgħinu fid-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq, bl-ajru u dak marittimu.

Dawn huma xi wħud mill-inizjattivi politiċi l-aktar reċenti tal-UE għal mobbiltà aktar sostenibbli:

Trasport bit-triq

Karozzi u vannijiet: standards tal-emissjonijiet tas-CO2

It-trasport bit-triq għandu l-ogħla sehem ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra mit-trasport kollu. Il-karozzi waħedhom jammontaw għal 12% tal-emissjonijiet kollha tad-diossidu tal-karbonju tal-UE (CO2).

F'Marzu 2023, il-Kunsill adotta regoli ġodda biex ikompli jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi u vannijiet ġodda, filwaqt li rreveda r-regolament tal-UE tal-2019.

Ir-regoli riveduti jistabbilixxu miri għat-tnaqqis progressiv tal-emissjonijiet. Mill-2030 sal-2034, l-emissjonijiet ser ikollhom jitnaqqsu b'55% għall-karozzi ġodda u b'50% għall-vannijiet ġodda meta mqabbla mal-miri tal-2021.

Mill-2035, il-karozzi u l-vannijiet ġodda kollha ser ikollhom ikunu vetturi b'emissjonijiet żero.

Trakkijiet u karozzi tal-linja: standards tal-emissjonijiet tas-CO2

Il-Kunsill adotta regoli ġodda biex isaħħaħ l-istandards tal-emissjonijiet għall-vetturi heavy-duty f'Mejju 2024. Ir-regolament jaġġorna r-regoli tal-2019 biex jgħin lill-UE tilħaq l-ambizzjonijiet tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Ir-regolament għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur tat-trasport bit-triq f'konformità mal-għanijiet klimatiċi tal-UE billi jgħolli l-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 (-45%) u billi jintroduċi miri ġodda għall-2035 (-65%) u l-2040 (-90%).

Ir-regoli jespandu l-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament preċedenti sabiex kważi l-vetturi heavy-duty ġodda kollha b'emissjonijiet iċċertifikati tas-CO₂ – inkluż trakkijiet iżgħar, karozzi tal-linja urbani, kowċis u trejlers – jiġu soġġetti għal miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet.

Skont ir-regoli l-ġodda, il-karozzi tal-linja urbani l-ġodda kollha ser ikollhom ikunu vetturi b'emissjonijiet żero sal-2035. Il-karozzi tal-linja u l-kowċis fuq distanzi twal ser jibqgħu soġġetti għall-miri ġenerali.

Il-Kunsill laħaq ftehim ("approċċ ġenerali") dwar il-proposta f'Ottubru 2023. F'Jannar 2024, in-negozjaturi tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew laħqu ftehim politiku proviżorjudwar ir-regoli. Il-Kunsill adottahom f'Mejju 2024.

Euro 7

Minbarra li stabbiliet standards tal-emissjonijiet għall-vetturi, l-UE adottat ukoll regoli biex jitnaqqsu sustanzi niġġiesa tal-arja oħra mit-trasport bit-triq.

Ir-regolament Euro 7 jistabbilixxi regoli għall-emissjonijiet li jissupplimentaw il-limiti tas-CO2 ta' hawn fuq, u jkopru wkoll elementi oħra li jniġġsu. Dawn jinkludu t-tniġġis mill-brix tat-tajers, mill-brejkijiet u mill-batteriji.

Ir-regoli jkopru karozzi, vannijiet u vetturi heavy-duty f'att legali wieħed.

Il-Kunsill adotta approċċ ġenerali dwar ir-regolament f'Settembru 2023. F'Diċembru 2023, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar il-proposta. Il-Kunsill adotta r-regolament il-ġdid f'April 2024.

Pedaġġ tat-toroq

Il-leġiżlazzjoni tal-UE tistabbilixxi regoli dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi heavy-duty għall-użu ta' ċerti infrastrutturi tat-toroq fl-istati membri.

F'Novembru 2021, il-Kunsill ta l-approvazzjoni tiegħu għal reviżjoni ta' dawn ir-regoli, li kollettivament jissejħu d-direttiva "Eurovignette". Il-liġi riveduta għandha l-għan li tiffavorixxi trasport aktar ekoloġiku u aktar effiċjenti, u tinkludi skema ġdida biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet ta' CO2 biex titnaqqas l-impronta tal-karbonju tas-settur f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Ftehim ta' Pariġi.

Id-direttiva daħlet fis-seħħ f'Marzu 2022.

Trasport ferrovjarju

It-trasport ferrovjarju, li fil-biċċa l-kbira jaħdem bl-elettriku, huwa l-aktar mezz ta' trasport sostenibbli. Skont data mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, fl-2018, 0.4% biss tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra tal-UE ġew mis-settur ferrovjarju.

Fl-2021, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-ferroviji bħala parti minn mobbiltà aktar intelliġenti u aktar sostenibbli fl-UE. Il-ministri tal-UE ssottolinjaw il-ħtieġa li jiġi żviluppat aktar it-trasport ferrovjarju kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija fl-UE.

Bħala parti mill-pakkett dwar l-ekoloġizzazzjoni tal-merkanzija, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha dwar l-użu tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja fil-11 ta' Lulju 2023. Din l-inizjattiva tinkludi miżuri mmirati lejn ġestjoni u koordinazzjoni aħjar, u b'hekk żieda fil-kapaċità tal-ferroviji. Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu dwar il-proposti f'Ġunju 2024.

Drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji

Fl-2021, l-UE rrevediet ir-regoli tagħha dwar il-passiġġieri tal-ferroviji biex tipproteġi aħjar id-drittijiet tal-passiġġieri, b'mod partikolari dawk b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa. Id-dispożizzjonijiet jappoġġaw ukoll il-mobbiltà nadifa billi jagħmluha aktar faċli li l-vjaġġaturi jtellgħu r-roti tagħhom fuq il-ferroviji.

Ir-regoli riveduti jobbligaw lill-impriżi ferrovjarji jinstallaw spazji għar-roti u jinfurmaw lill-passiġġieri dwar il-kapaċità disponibbli għar-roti. Bħala regola ġenerali, jeħtieġ li jkun hemm mill-inqas erba' postijiet għar-roti fuq kull ferrovija Ewropea.

Ir-regoli ġodda daħlu fis-seħħ f'Ġunju 2021.

Avjazzjoni

ReFuelEU Aviation: fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli

Il-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli (bijofjuwils, fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi u fjuwils tal-avjazzjoni tal-karbonju riċiklat) huma waħda mill-għodod ewlenin fuq terminu qasir u medju biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-emissjonijiet tal-inġenji tal-ajru. Madankollu, dan il-potenzjal fil-biċċa l-kbira mhuwiex sfruttat peress li l-iżvilupp ta' fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli huwa mxekkel minn livell baxx ta' provvista u prezzijiet ferm ogħla mill-prezzijiet tal-fjuwils fossili. B'riżultat ta' dan, dawn il-fjuwils jirrappreżentaw biss 0.05% tal-konsum totali tal-fjuwil fis-settur tal-avjazzjoni.

Ir-regolament ReFuelEU aviation fi ħdan il-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" għandu l-għan li jnaqqas l-impronta ambjentali tal-avjazzjoni u jgħin lill-UE tilħaq il-miri klimatiċi tagħha permezz ta' użu akbar ta' fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli, filwaqt li jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti għal settur tat-trasport bl-ajru sostenibbli. Skont ir-regoli l-ġodda, il-fornituri tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru ser ikollhom iżidu s-sehem tal-fjuwils sostenibbli sa 70% sal-2050.

Wara l-ftehim proviżorju mal-Parlament Ewropew dwar il-proposta f'April 2023, il-Kunsill adotta r-regolament f'Ottubru 2023.

L-infografika tippreżenta l-għanijiet u l-benefiċċji tar-regolamenti proposti ReFuelEU Aviation u FuelEU Maritime li għandhom l-għan li jżidu l-użu ta' fjuwils aktar sostenibbli fiż-żewġ setturi tat-trasport.
Lesti għall-mira ta' 55%: żieda fl-użu ta' fjuwils aktar ekoloġiċi fis-settur marittimu u fis-settur tal-avjazzjoni (Infografika)

Lesti għall-mira ta' 55%: żieda fl-użu ta' fjuwils aktar ekoloġiċi fis-settur marittimu u fis-settur tal-avjazzjoni (Infografika)

Sostenibbiltà tal-avjazzjoni internazzjonali

Il-pajjiżi kollha tal-UE huma membri tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO). Flimkien mal-membri l-oħra, huma qed jaħdmu biex itejbu l-prestazzjoni ambjentali tal-avjazzjoni.

Bil-ħsieb li jitnaqqsu kemm jista' jkun l-effetti negattivi tal-avjazzjoni ċivili internazzjonali fuq il-klima u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli tal-avjazzjoni internazzjonali, l-ICAO qed taħdem fuq għadd ta' miżuri li jinkludu:

  • titjib fit-teknoloġija tal-inġenji tal-ajru
  • titjib operazzjonali
  • fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli
  • CORSIA (skema ta' kumpens u tnaqqis tal-karbonju għall-avjazzjoni internazzjonali)

F'Ġunju 2020, l-UE kkonfermat il-parteċipazzjoni tagħha fil-CORSIA mill-bidu tal-fażi volontarja fl-1 ta' Jannar 2021. Barra minn hekk, il-Kunsill adotta deċiżjoni f'Diċembru 2022 biex l-istati membri jkunu jistgħu jikkonformaw ma' xi wħud mill-obbligi tagħhom ta' CORSIA.

F'Lulju 2021, fil-kuntest tal-pakkett "Lesti għall-Mira ta' 55%", il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għal reviżjoni tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS), fir-rigward tal-avjazzjoni, bil-għan li jiżdied il-kontribut tas-settur għall-politika tal-UE dwar il-klima u tiġi implimentata CORSIA fl-UE. Il-Kunsill adotta r-regoli l-ġodda f'April 2023.

Ajru Uniku Ewropew

L-istituzzjonijiet tal-UE qed jaħdmu fuq l-iżvilupp ta' regoli u objettivi komuni għall-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew taħt l-Ajru Uniku Ewropew. Il-ġestjoni effiċjenti tat-traffiku tal-ajru għandha tgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-settur, kif ukoll biex jiġu żgurati biżżejjed kapaċità u titjib fil-kosteffiċjenza.

Il-Kummissjoni ressqet proposta emendata biex tbiddel ir-regolament eżistenti fit-22 ta' Settembru 2020. F'Ġunju tal-2021, il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali rigward ir-riforma tal-Ajru Uniku Ewropew.

F'Marzu 2024, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar ir-riforma, li jeħtieġ li jiġi approvat miż-żewġ istituzzjonijiet. Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar ir-riforma f'Settembru 2024.

Trasport marittimu

FuelEU Maritime: fjuwils dekarbonizzati

Parti mill-pakkett"Lesti għall-mira ta' 55%", l-inizjattiva FuelEU maritime ser tavvanza l-użu ta' fjuwils rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu.

L-għan huwa li titnaqqas l-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord il-bastimenti sa 80% sal-2050, billi jiġi promoss l-użu ta' fjuwils aktar sostenibbli mill-bastimenti li jużaw il-portijiet tal-UE, filwaqt li tiġi żgurata l-operazzjoni bla xkiel tat-traffiku marittimu u jiġu evitati distorsjonijiet fis-suq intern.

Ir-regoli l-ġodda ġew adottati mill-Kunsill f'Lulju 2023.

L-UE taħdem ukoll fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) biex tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-bastimenti. F'Lulju 2023 ġiet adottata strateġija riveduta tal-IMO għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, bl-ambizzjoni li jintlaħqu emissjonijiet żero netti madwar l-2050. Qed jiġu diskussi miżuri għall-implimentazzjoni tal-istrateġija riveduta tal-IMO.

Il-Presidenza tal-Kunsill u stati membri oħra tal-UE jattendu l-laqgħat tal-IMO u jikkontribwixxu b'mod attiv għall-iżvilupp ta' miżuri ambjentali u oħrajn. L-istati membri kollha tal-UE huma membri tal-organizzazzjoni.

Ibħra aktar nodfa

Biex jiġi żgurat trasport marittimu aktar nadif fl-UE, il-Kunsill qed jaħdem fuq sett ta' liġijiet, magħruf bħala l-"pakkett dwar is-sikurezza marittima". Is-sett jinkludi miżuri dwar:

  • kontroll mill-istat tal-port
  • tniġġis b'sors minn bastimenti
  • konformità mar-rekwiżiti marbuta mal-istat tal-bandiera
  • investigazzjoni tal-aċċidenti
  • reviżjoni tal-mandat għall-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA)

L-għan huwa li jiġu mmodernizzati r-regoli tal-UE dwar is-sikurezza marittima u li jitnaqqas it-tniġġis tal-ilma mill-vapuri.

Multimodali

Network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T)

In-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), imniedi fl-1996, tfassal bl-għan li jiġu stabbiliti kriterji għal proġetti transfruntiera li jwasslu għall-konnettività trans-Ewropea.

Il-linji gwida attwali tat-TEN-T, li jmorru lura għall-2013, ilhom soġġetti għal reviżjoni ambizzjuża minn Diċembru 2021.

F'Diċembru 2023, il-presidenza tal-Kunsill u n-negozjaturi tal-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar ir-regolament rivedut rigward il-linji gwida tal-UE għall-iżvilupp tan-network TEN-T. Il-Kunsill adotta r-regolament f'Ġunju 2024.

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida għandha l-għan li tibni network tat-trasport affidabbli, effiċjenti u ta' kwalità għolja li jiżgura konnettività sostenibbli madwar l-Ewropa mingħajr interruzzjonijiet fiżiċi, konġestjoni, u konnessjonijiet neqsin. In-network ser jiġi żviluppat jew aġġornat pass pass mar-regolament il-ġdid li jistabbilixxi skadenzi ċari għat-tlestija tan-network TEN-T bi 3 saffi:

  • in-network ewlieni għandu jitlesta sal-2030
  • in-network ewlieni estiż il-ġdid għandu jitlesta sal-2040
  • in-network komprensiv għandu jitlesta sal-2050

Infrastruttura ta' fjuwils alternattivi

Ir-regolament dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (AFIR) għandu l-għan li jiżgura l-installazzjoni madwar l-UE ta' infrastruttura pubblikament aċċessibbli tal-iċċarġjar elettriku u ta' riforniment tal-fjuwils alternattivi fis-setturi tat-trasport bit-triq, l-avjazzjoni u t-trasport fuq l-ilma.

Ir-regoli jistabbilixxu miri għall-varar tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar u tar-riforniment. Dan jinkludi l-iżgurar li jkun hemm stazzjonijiet tal-iċċarġjar mill-inqas kull 60 kilometru fit-toroq ewlenin.

Il-Kunsill adotta r-regolament f'Lulju 2023.

L-infografika tippreżenta data u ċifri dwar ir-regolament dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi li ser jiżgura biżżejjed stazzjonijiet tar-riforniment u tal-irriċarġjar tal-fjuwils alternattivi madwar l-UE sal-2030.
Lesti għall-mira ta' 55%: lejn trasport aktar sostenibbli (Infografika)

Lesti għall-mira ta' 55%: lejn trasport aktar sostenibbli (Infografika)

Sistemi ta' trasport intelliġenti

Il-Kunsill adotta qafas ġdid għall-introduzzjoni ta' sistemi tat-trasport intelliġenti biex titħaffef it-tranżizzjoni diġitali u l-mobbiltà aktar intelliġenti fl-UE. Ir-regoli l-ġodda huma parti mill-istrateġija tal-Kummissjoni għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti.

Sistemi ta' trasport intelliġenti (ITS), bħall-pjanifikaturi tal-vjaġġi, l-eCall u l-karozzi awtomatizzati, jirrevoluzzjonaw il-mod kif in-nies jiċċaqalqu minn post għall-ieħor billi jiffrankaw il-ħin, inaqqsu l-emissjonijiet u l-konġestjonijiet, u jissimplifikaw l-ippjanar tal-vjaġġi.

Id-direttiva ITS riveduta, adottata mill-Kunsill f'Ottubru 2023, għandha l-għan li tħaffef id-disponibbiltà u ttejjeb l-interoperabbiltà tad-data diġitali li talimenta s-servizzi, bħall-pjanifikaturi tal-vjaġġi multimodali u servizzi ta' navigazzjoni. Dan ser jippermetti lill-vetturi u lill-infrastruttura tat-toroq jikkomunikaw ma' xulxin, pereżempju biex iwissu dwar avvenimenti mhux mistennija, bħal konġestjonijiet tat-traffiku.

Ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija

Il-merkanzija tammonta għal aktar minn 30% tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport, u l-volumi tal-merkanzija huma mbassra li jiżdiedu.

Il-pakkett dwar l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija, ippreżentat mill-Kummissjoni f'Lulju 2023, għandu l-għan li jtejjeb il-prestazzjoni tat-trasport tal-merkanzija billi:

  • jintroduċi miżuri biex tiżdied l-effiċjenza u s-sostenibbiltà ġenerali tiegħu
  • jippromwovi għażliet tat-trasport aktar sostenibbli, bħall-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni

F'Diċembru 2023, il-Kunsill adotta pożizzjoni dwar regolament dwar il-kontabbiltà tal-emissjonijiet ta' gassijiet serramis-servizzi tat-trasport. Il-proposta għandha l-għan li ttejjeb il-kalkolu tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mis-servizzi tat-trasport u l-għoti ta' informazzjoni dwarhom sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jagħżlu l-aktar għażliet ta' trasport sostenibbli. Il-Kunsill ħa nota wkoll ta' rapport ta' progress fuq proposta tal-Kummissjoni dwar il-piżijiet u d-dimensjonijiet massimi awtorizzatigħal vetturi heavy-duty, li tressaq ukoll bħala parti integrali mill-pakkett tal-ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija.

F'Ġunju 2024, bħala parti mill-pakkett, il-Kunsill qabel dwari l-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu (approċċ ġenerali) dwar regolament ġdid dwar l-użu tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja fiż-żona ferrovjarja unika Ewropea. Il-liġi għandha l-għan li żżid id-disponibbiltà tal-infrastruttura permezz ta' proċessi aħjar ta' ppjanar u allokazzjoni, kif ukoll koordinazzjoni transfruntiera mtejba u hija mistennija li tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għal ġestjoni aktar effiċjenti tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja u tat-traffiku.

Finanzjament

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021-2027

Il-promozzjoni tas-sostenibbiltà hija waħda mill-għanijiet ewlenin tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE). Bħala l-mekkaniżmu ewlieni ta' finanzjament għall-investimenti fis-sistemi tat-trasport tal-UE, il-FNE tikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-mobbiltà u b'hekk biex jintlaħaq l-għan tan-newtralità klimatika sal-2050. Ir-regolament japplika b'mod retroattiv mill-1 ta' Jannar 2021.

Is-settur tat-trasport ser jirċievi l-biċċa l-kbira tal-finanzjament (madwar €25 biljun minn €33 biljun), li minnhom l-akbar sehem ser ikun iddedikat għall-ferroviji.