"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Gwatemala

Is-sħubija bejn l-UE u l-Gwatemala hija mibnija fuq id-djalogu politiku, il-kooperazzjoni u l-kummerċ. L-UE tappoġġa l-isforzi tal-Gwatemala biex issaħħaħ id-demokrazija, tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u tavvanza l-iżvilupp sostenibbli u l-prosperità.

Relazzjonijiet politiċi u drittijiet tal-bniedem

L-UE u l-Gwatemala għandhom sħubija li ilha stabbilita, mirfuda mill-ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali u memorandum ta' qbil bilaterali ffirmat fi Frar 2024.

Il-ftehim ta' assoċjazzjoni jsaħħaħ u jikkonsolida r-relazzjonijiet bejn l-UE u s-sitt pajjiżi tal-Amerka Ċentrali (il-Costa Rica, El Salvador, il-Gwatemala, il-Honduras, in-Nikaragwa u l-Panama). Huwa magħmul minn tliet pilastri: id-djalogu politiku, il-kooperazzjoni u l-kummerċ.

Filwaqt li l-pilastru tal-kummerċ ilu japplika b'mod proviżorju mill-2013, il-ftehim kollu kemm hu daħal fis-seħħ f'Mejju 2024.

Appoġġ għad-demokrazija

L-UE tibqa' impenjata li tappoġġa d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż.

Bi tweġiba għal stedina mit-Tribunal Elettorali Suprem tal-Gwatemala, l-UE bagħtet missjoni ta' osservazzjoni elettorali (MOE tal-UE) biex timmonitorja l-elezzjonijiet ġenerali f'Ġunju u Awwissu 2023, ħaġa li turi l-impenn qawwi tal-UE biex tappoġġa d-demokrazija u l-istat tad-dritt u biex tippromwovi elezzjonijiet inklużivi u trasparenti.

Fl-2024, l-UE adottat qafas iddedikat għal sanzjonijiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Gwatemala, biex tappoġġa t-tranżizzjoni demokratika u r-rieda tal-poplu tal-Gwatemala kif espressa fl-għażla tiegħu ta' gvern elett demokratikament.

Is-sanzjonijiet huma mmirati lejn individwi u entitajiet responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt jew għat-tfixkil tat-tranżizzjoni demokratika wara l-elezzjoni ġenerali tal-2023. Dawk sanzjonati huma soġġetti għalprojbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi. Barra minn hekk,persuni u entitajiet tal-UE ma jistgħux iqiegħdu fondi għad-dispożizzjoni ta' dawk sanzjonati.

Is-sanzjonijiet ġew imġedda kull sena mill-2024 u ġew estiżi l-aħħar sat-13 ta' Jannar 2027.

Sigurtà u ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

L-UE u l-Gwatemala diġà jaħdmu mill-qrib ħafna flimkien fuq kwistjonijiet ta' sigurtà u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, fil-kuntest tal-kooperazzjoni reġjonali ma' sħab mill-Amerka Latina u l-Karibew (ALK).



L-UE qed tinvesti pereżempju biex issaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiżi ALK fil-ġlieda kontra l-użu u t-traffikar ta' drogi illeċiti permezz tal-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni UE-CELAC dwar id-drogi.

Il-Gwatemala tipparteċipa wkoll b'mod attiv f'diversi programmi appoġġati mill-UE:

  • EL PACCTO: azzjoni konġunta kontra t-theddid ewlieni marbut mal-kriminalità organizzata tranżnazzjonali
  • COPOLAD: sforzi biex jissaħħu l-osservatorji nazzjonali dwar id-drogi u biex jiġu promossi politiki dwar id-drogi bbażati fuq l-evidenza
  • Programmi ta' sigurtà reġjonali tal-EUROFRONT: sforzi biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-fruntieri fil-Gwatemala

Barra minn hekk, f'Novembru 2025, fis-summit UE-CELAC, l-UE u 18-il pajjiż ALK, inkluż il-Gwatemala, nedew l-Alleanza UE-LAC għas-Sigurtà taċ-Ċittadini, li għandha l-għan li żżid l-isforzi bireġjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni għas-sigurtà taċ-ċittadini.

Żvilupp

Il-Gwatemala u l-UE qed jaħdmu flimkien biex jippromwovu t-tkabbir sostenibbli, il-koeżjoni soċjali u l-integrazzjoni reġjonali.

L-UE allokat €193 miljun f'finanzjament bilaterali permezz ta' għotjiet għall-kooperazzjoni mal-Gwatemala għall-2021-2027, ikkomplementati minn programmi u finanzjament imħallat taħt il-Global Gateway.

Il-proġetti prijoritarji jinkludu:

  • l-avvanz tat-tranżizzjoni ekoloġika
  • it-trawwim tal-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi
  • is-sikurezza tal-ikel u n-nutrizzjoni
Tliet pannelli solari mmuntati fuq arbli tal-metall fuq sfond blu ċar b'forom ċirkolari u triangolari astratti.

Global Gateway

Kummerċ u investiment

Il-Gwatemala hija l-akbar ekonomija fl-Amerka Ċentrali, b'madwar 19-il miljun abitant. L-UE hija alleata ekonomika u ta' żvilupp ewlenija, u tikklassifika fost is-sħab kummerċjali u ta' investiment ewlenin tal-Gwatemala.

Minn mindu ġie applikat proviżorjament il-pilastru tal-kummerċ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali fl-2013, il-kummerċ bilaterali kiber b'mod sinifikanti – żdied aktar mid-doppju f'dawn l-aħħar snin – u dan jirrifletti żieda fl-aċċess għas-suq u fid-diversifikazzjoni.

Multilateraliżmu u dritt internazzjonali

L-UE u l-Gwatemala jiddefendu valuri u prinċipji kondiviżi u jikkondividu impenn qawwi għal multilateraliżmu effettiv u l-primazija tal-integrità territorjali u d-dritt internazzjonali.

F'dan il-kuntest, il-Gwatemala offriet appoġġ konsistenti għal paċi ġusta u sostenibbli fl-Ukrajna u tibqa' soda fil-kundanna tal-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja.

Barra minn hekk, l-UE u l-Gwatemala jappoġġaw bil-qawwa r-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti li tippermetti lill-organizzazzjoni tirrispondi b'mod effettiv għall-isfidi tas-seklu 21.

Ara wkoll

Mappa illustrata tal-globu. Ir-reġjun tal-Amerka Latina u l-Karibew huwa enfasizzat bl-aħdar, u r-reġjun tal-UE huwa mmarkat bil-blu. Fir-rokna t'isfel fuq ix-xellug hemm il-logo tas-CELAC u fir-rokna ta' fuq, fuq il-lemin hemm il-bandiera tal-UE.

Relazzjonijiet UE-CELAC: fatti u ċifri

The facial features of four different people form one face in a collage.

Il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem

Għaliex l-UE tadotta sanzjonijiet

L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Lulju 2026