Kronoloġija - Ftehimiet ta' wara l-Brexit
Din il-kronoloġija tkopri l-avvenimenti ewlenin relatati man-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, inkluż il-ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit.
Il-kronoloġija tibda minn meta r-Renju Unit telaq uffiċjalment mill-UE fil-31 ta' Jannar 2020.
-
2026
26 ta' MejjuIl-ministri jiddiskutu s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit
Fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali, il-ministri għall-affarijiet tal-UE ddiskutew is-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit, inkluż fir-rigward ta':
- żona sanitarja u fitosanitarja komuni (Ftehim SPS)
- sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra (ftehim ETS)
- ftehim dwar skema ta' esperjenza għaż-żgħażagħ
- is-sħubija għas-sigurtà u d-difiża
- ftehim dwar il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fis-suq intern tal-elettriku tal-UE (ftehim dwar l-elettriku)
- ftehim dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tar-Renju Unit għat-tnaqqis ta' diversi disparitajiet fl-UE (ftehim ta' koeżjoni)
-
2026
1 ta' AprilL-ambaxxaturi għall-UE japprovaw ftehim dwar Ġibiltà
L-ambaxxaturi għall-UE approvaw ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit dwar Ġibiltà, Territorju Brittaniku barra mill-pajjiż li jinsab fil-Peniżola Iberika. Il-ftehim dwar Ġibiltà jikkompleta l-qafas legali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
L-objettiv ewlieni tal-ftehim dwar Ġibiltà huwa li tiġi żgurata l-prosperità futura tar-reġjun. Dan ser isir billi jitneħħew l-ostakli fiżiċi kollha għaċ-ċirkolazzjoni tal-persuni u l-merkanzija bejn Spanja u Ġibiltà, filwaqt li jiġu protetti bis-sħiħ Schengen, is-suq uniku tal-UE, u l-unjoni doganali tagħha.
Il-ftehim mistenni japplika b'mod proviżorju mill-15 ta' Lulju 2026.
-
2026
30 ta' MarzuIl-Kunsill japprova taħdidiet għal ftehimiet dwar l-elettriku u l-koeżjoni, kif ukoll il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f'Erasmus+ għall-2027
Il-Kunsill awtorizza formalment lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Renju Unit għal ftehim dwar l-elettriku u ieħor dwar il-koeżjoni.
L-għan tal-ftehim dwar l-elettriku huwa li jippermetti lir-Renju Unit jipparteċipa fis-suq intern tal-elettriku tal-UE billi jallinja r-regoli rispettivi, u b'hekk jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għas-sigurtà tal-enerġija għaż-żewġ partijiet, speċjalment fit-taqlib ġeopolitiku ta' bħalissa.
Il-ftehim dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tar-Renju Unit favur it-tnaqqis tad-disparitajiet bejn ir-reġjuni tal-UE billi tiżdied il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-blokk huwa parti minn politika konsistenti tal-UE li żżewweġ l-għoti ta' aċċess għas-suq lil pajjiż terz ma' kontribuzzjoni finanzjarja ġusta li tirrifletti l-benefiċċji miksuba b'dan l-aċċess.
Il-Kunsill qabel ukoll li jippermetti lir-Renju Unit jipparteċipa fil-programm Erasmus+ tal-UE għas-sena 2027. Id-deċiżjoni tistipula t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi, inkluż dawk finanzjarji, tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit.
-
2025
13 ta' NovembruIl-Kunsill japprova n-negozjati dwar ftehim agroalimentari u l-kollegament tas-sistemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet
Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Renju Unit dwar ftehim għal żona sanitarja u fitosanitarja (SPS) komuni u ftehim li jikkollega s-sistema tal-UE u dik tar-Renju Unit għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) ta' gassijiet serra.
L-għan tal-ftehim SPS huwa li jiffaċilita l-kummerċ ta' prodotti agroalimentari bejn l-UE u r-Renju Unit billi jallinja r-regoli sanitarji u fitosanitarji taż-żewġ partijiet. Dan ikun jinvolvi t-tneħħija tal-ħtieġa għall-biċċa l-kbira taċ-ċertifikati u l-kontrolli fuq l-annimali, il-pjanti u l-prodotti relatati.
Il-ftehim ETS jagħmilha aktar faċli biex jiġu skambjati l-kwoti tal-emissjonijiet u b'hekk jikkontribwixxi għal għanijiet komuni ta' sostenibbiltà. Dan il-ftehim għandu jkopri b'mod komprensiv kif joperaw is-sistemi ETS kollegati u jiddefinixxi s-setturi milquta, bħall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana industrijali, l-industrija, l-avjazzjoni u t-trasport marittimu. Barra minn hekk, għandu jistabbilixxi proċedura għaż-żieda ta' aktar setturi fil-futur, sabiex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta.
Iż-żewġ ftehimiet ser jirriżultaw mill-fehim komuni bejn il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju Unit, maqbul fl-ewwel summit bejn l-UE u r-Renju Unit fid-19 ta' Mejju 2025. Ladarba jitlestew in-negozjati, il-Kunsill irid japprova ż-żewġ ftehimiet qabel ma jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ.
-
2025
19 ta' MejjuL-ewwel summit UE-Renju Unit
Meta ltaqgħu Londra, il-mexxejja tal-UE u tar-Renju Unit qablu dwar sħubija strateġika ġdida, affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jindirizzaw kwistjonijiet globali u stabbilew sħubija għas-sigurtà u d-difiża bejn l-UE u r-Renju Unit.
Iż-żewġ naħat reġgħu kkonfermaw ukoll li s-sħubija hija mirfuda mill-ftehim dwar il-ħruġ bejn l-UE u r-Renju Unit, inkluż il-Qafas ta' Windsor, u mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Dawn il-ftehimiet jibqgħu l-pedament, u ż-żewġ naħat ser jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa, f'waqtha u leali tagħhom.
Il-mexxejja tal-UE u tar-Renju Unit waqt is-summit -
2025
18 ta' MarzuIl-ministri jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit
Il-ministri għall-affarijiet tal-UE ddiskutew ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit bi tħejjija għall-ewwel summit bejn l-UE u r-Renju Unit fid-19 ta' Mejju 2025, b'enfasi fuq oqsma fejn tista' tissaħħaħ il-kooperazzjoni u fuq l-aħjar approċċ għall-protezzjoni kollettiva tal-interessi tal-UE.
Diversi ministri enfasizzaw l-importanza li ssir ħidma ma' sħab tal-istess fehma, bħar-Renju Unit, fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża.
-
2024
17 ta' DiċembruIl-ministri jiddiskutu kif jistgħu jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit
Il-ministri għall-affarijiet tal-UE laqgħu x-xewqa tar-Renju Unit li jsaħħaħ il-kooperazzjoni strateġika mal-UE u ssottolinjaw l-importanza li ssir ħidma mar-Renju Unit bħala sieħeb tal-istess fehma u alleat.
Huma esprimew ukoll id-disponibbiltà tagħhom li jibnu fuq il-kooperazzjoni eżistenti, u li jagħmlu dan bħala pakkett. Għal dan l-għan, enfasizzaw il-ħtieġa li jiġi żgurat bilanċ ta' drittijiet u obbligi, l-indiviżibbiltà tal-erba' libertajiet tal-UE u l-awtonomija tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha.
Filwaqt li fakkru fil-ħtieġa li jiġu implimentati l-ftehimiet eżistenti bejn l-UE u r-Renju Unit, filwaqt li jitqies ukoll il-kuntest ġeopolitiku attwali, il-ministri ddiskutew oqsma ta' prijorità differenti li jistgħu jgħinu biex javvanzaw is-sħubija mar-Renju Unit, inkluż il-politika estera u ta' sigurtà, l-iskambji taż-żgħażagħ, is-sajd u l-enerġija.
-
2023
21 ta' DiċembruIl-Kunsill japprova l-estensjoni tar-regoli għall-vetturi elettriċi sa tmiem l-2026
Skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-UE u r-Renju Unit stabbilew regoli ta' oriġini dwar il-vetturi elettriċi u l-batteriji. Dawn ir-regoli jiddefinixxu r-rekwiżiti tal-kontenut lokali, miżura kummerċjali biex tingħata spinta lill-industriji, is-servizzi u l-prodotti domestiċi, billi l-vetturi elettriċi u l-batteriji b'livell minimu ta' kontenut manifatturat mill-UE jew mir-Renju Unit ikunu jistgħu jibbenefikaw minn kummerċ ħieles mit-tariffi.
Sabiex il-manifatturi fl-UE u fir-Renju Unit jingħataw aktar żmien biex jikkonformaw mar-regoli, il-Kunsill approva deċiżjoni mressqa għall-ewwel darba mill-Kummissjoni fis-6 ta' Diċembru 2023, li testendi r-regoli sal-31 ta' Diċembru 2026. Biex tgħin lill-industrija tadatta għar-regoli u tespandi l-produzzjoni tal-batteriji, il-Kummissjoni ser twarrab ukoll €3 biljun f'appoġġ taħt il-Fond għall-Innovazzjoni.
Meta r-regoli ġew miftiehma għall-ewwel darba fl-2020, l-għan kien li jitħeġġu l-investimenti fil-kapaċità tal-manifattura tal-batteriji fl-UE u fir-Renju Unit. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-pandemija tal-COVID-19, il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kompetizzjoni minn skemi internazzjonali ġodda ta' appoġġ għas-sussidji kellhom impatt fuq il-ktajjen tal-provvista dinjija u fuq l-industrija tal-batteriji.
-
2023
15 ta' NovembruIl-Kunsill japprova l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f'Orizzont Ewropa u Copernicus
Il-ministri għall-affarijiet tal-UE evalwaw ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit, inkluż l-implimentazzjoni tal-ftehimiet. Huma esprimew l-appoġġ tagħhom biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għall-benefiċċju reċiproku tal-UE u tar-Renju Unit.
Il-Kunsill ta wkoll l-approvazzjoni tiegħu għall-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi tal-UE Orizzont Ewropa u Copernicus, u b'hekk approva l-ftehim fil-prinċipju milħuq bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-gvern tar-Renju Unit fis-7 ta' Settembru 2023.
-
2023
8 ta' ĠunjuIl-Kunsill jawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar ftehim ta' kooperazzjoni għall-kompetizzjoni
Il-ministri għall-ġustizzja u l-affarijiet interni adottaw, mingħajr diskussjoni, deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati mar-Renju Unit dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta' kompetizzjoni.
Il-ftehim li jmiss ser jissupplimenta l-ftehim kummerċjali u ta' kooperazzjoni u ser ikopri kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE.
-
2022
30 ta' NovembruRelazzjonijiet UE - Renju Unit: ftehim proviżorju dwar miżuri awtonomi
Il-Presidenza Ċeka tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar regolament dwar miżuri awtonomi, li jrid jiġi approvat mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew qabel ma jiġi adottat formalment.
Ir-regolament jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li jippermettu lill-UE teżerċita d-dritt tagħha fl-infurzar u l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Ikopri diversi miżuri li l-UE tista' tadotta f'każ ta' bżonn, inkluż:
- miżuri ta' rimedju, ta' riekwilibriju u ta' kumpens
- is-sospensjoni temporanja tat-trattament preferenzjali rilevanti ta' ċerti prodotti
- rifjut, revoka, sospensjoni, limitazzjoni jew kondizzjonament tal-awtorizzazzjonijiet jew permessi tat-trasportaturi tal-ajru u l-operat tagħhom
- miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ u l-investiment
Il-miżuri kollha adottati jridu jkunu proporzjonati mal-objettivi segwiti u effettivi biex iwasslu għall-konformità tar-Renju Unit mal-ftehimiet rilevanti. Il-miżuri għandhom jikkonformaw ukoll mal-kriterji speċifiċi stabbiliti f'dawk il-ftehimiet.
-
2021
5 ta' OttubruIl-Kunsill jawtorizza l-bidu ta' negozjati dwar Ġibiltà
Il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza l-bidu ta' negozjati għal ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit dwar Ġibiltà, inkluż id-direttivi ta' negozjati. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni Ewropea tista' tibda negozjati formali mar-Renju Unit fir-rigward ta' Ġibiltà.
L-għan tan-negozjati huwa li jiġi stabbilit ftehim wiesa' u bbilanċjat bejn l-UE u r-Renju Unit fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeografika partikolari u l-ispeċifiċitajiet ta' Ġibiltà.
-
2021
24 u 25 ta' MejjuIl-Kunsill Ewropew jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit
Il-Kunsill Ewropew laqa' d-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit fl-1 ta' Mejju 2021. Il-President Michel qal li l-ftehim, flimkien mal-ftehim dwar il-ħruġ u l-protokolli tiegħu, jipprovdi l-qafas għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit, u li ż-żewġ ftehimiet għandhom jiġu implimentati b'mod sħiħ u effettiv.
F'dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet, inkluż fl-oqsma tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE, is-sajd u kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni.
-
2021
29 ta' AprilL-UE tirratifika l-ftehim mar-Renju Unit
Wara l-vot fil-Parlament Ewropew, il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit u l-ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni. Dan huwa l-aħħar pass għall-UE fir-ratifika tal-ftehim ta' wara l-Brexit. Iż-żewġ ftehimiet ser jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2021.
-
2021
26 ta' Fraril-Kunsill jitlob l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew
Il-Kunsill talab l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew għad-deċiżjoni tiegħu dwar il-konklużjoni tal-ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit u ta' ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni.
Ladarba l-Parlament Ewropew ikun ta l-approvazzjoni tiegħu u ladarba l-24 verżjoni lingwistika kollha tal-ftehimiet ikunu ġew stabbiliti bħala awtentiċi u definittivi, il-Kunsill ser ikun f’pożizzjoni li jadotta d-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-ftehimiet, li tippermetti d-dħul fis-seħħ tagħhom. Dan ser ikun l-aħħar pass għall-UE fir-ratifika tal-ftehimiet.
-
2021
23 ta' FrarL-applikazzjoni proviżorja estiża sat-30 ta' April 2021
Il-Kunsill ta' Sħubija bejn l-UE u r-Renju Unit iddeċieda, fuq talba tal-UE, li jestendi l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim sat-30 ta' April 2021 biex jingħata biżżejjed żmien biex titlesta r-reviżjoni mill-ġuristi-lingwisti tal-ftehimiet fl-24 lingwa.
-
2021
1 ta' JannarApplikazzjoni proviżorja tal-ftehim
Il-ftehim japplika b'mod proviżorju sal-aħħar ta' Frar 2021, sakemm ma jkunx hemm qbil mill-partijiet dwar data aktar tard.
-
2020
21 ta' OttubruL-UE u r-Renju Unit jaqblu dwar il-prinċipji għal negozjati ulterjuri
In-negozjaturi ewlenin jilħqu qbil dwar il-prinċipji għal negozjati ulterjuri.
-
2020
31 ta' DiċembruPubblikazzjoni tal-ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE
Il-ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
-
2020
30 ta' DiċembruL-iffirmar tal-ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni
Il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen iffirmaw il-ftehim mar-Renju Unit fi Brussell f'isem l-UE qabel ma d-dokumenti nġiebu f'Londra għall-iffirmar mill-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson aktar tard dakinhar.
-
2020
29 ta' DiċembruFtehim bejn l-UE u r-Renju Unit: il-Kunsill jadotta d-deċiżjoni dwar l-iffirmar
Il-Kunsill adotta, bi proċedura bil-miktub, id-deċiżjoni dwar l-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit u l-applikazzjoni proviżorja tiegħu mill-1 ta' Jannar 2021, sakemm tingħata l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-konklużjoni bid-deċiżjoni tal-Kunsill is-sena d-dieħla.
-
2020
24 ta' DiċembruL-UE u r-Renju Unit jaqblu rigward ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni
In-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit fi Brussell laħqu ftehim, li huwa pass kbir 'il quddiem biex jitħarsu l-interessi Ewropej, tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib f'oqsma ta' interess reċiproku.
-
2020
19 ta' OttubruIr-raba' laqgħa tal-Kumitat Konġunt tal-UE u r-Renju Unit
Ir-raba' laqgħa tal-Kumitat Konġunt tal-UE u r-Renju Unit saret f'Londra bejn Maroš Šefčovič, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u Michael Gove, Kanċillier tad-Dukat ta' Lancaster.
-
2020
15 ta' OttubruIl-Kunsill Ewropew jappella lir-Renju Unit biex jagħmel “passi meħtieġa” lejn ftehim
Il-Kunsill Ewropew iddiskuta r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit. Il-mexxejja stiednu lin-negozjatur ewlieni tal-Unjoni biex ikompli n-negozjati fil-ġimgħat li ġejjin, u jappella lir-Renju Unit biex jieħu l-passi meħtieġa u jagħmilha possibbli li jintlaħaq qbil.
-
2020
13 ta' OttubruKunsill Affarijiet Ġenerali
Il-kap negozjatur tal-Unjoni, Michel Barnier, informa l-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit, l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ u l-isforzi ta' impenn tal-UE bil-ħsieb ta' tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni fil-31 ta' Diċembru 2020.
-
2020
2 ta' OttubruIl-Kunsill Ewropew jieħu kont tan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit
Fi tmiem il-laqgħa, ġie pprovdut aġġornament qasir dwar in-negozjati mar-Renju Unit.
-
2020
1 ta' OttubruIl-Kummissjoni Ewropea tiftaħ proċedura ta' ksur kontra r-Renju Unit
Il-Kummissjoni Ewropea tibgħat ittra ta' intimazzjoni lir-Renju Unit talli kiser l-obbligi tiegħu skont il-ftehim dwar il-ħruġ.
-
2020
29 ta' Settembru - 2 ta' OttubruId-disa' ċiklu ta' negozjati dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit
In-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit jiltaqgħu fi Brussell biex jiddiskutu s-sħubija futura bejn iż-żewġ partijiet.
-
2020
28 ta' SettembruIt-tielet laqgħa tal-Kumitat Konġunt tal-UE u r-Renju Unit
It-tielet laqgħa tal-Kumitat Konġunt tal-UE u r-Renju Unit saret fi Brussell bejn Maroš Šefčovič, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u Michael Gove, Kanċillier tad-Dukat ta' Lancaster.
-
2020
22 ta' SettembruKunsill Affarijiet Ġenerali
Il-kap negozjatur tal-UE Michel Barnier informa lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit u l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ.
-
2020
10 ta' SettembruLaqgħa straordinarja tal-Kumitat Konġunt UE-Renju Unit
Wara l-pubblikazzjoni mill-gvern tar-Renju Unit tal-abbozz ta' Liġi dwar is-Suq Intern tar-Renju Unit (''United Kingdom Internal Market Bill'') fid-9 ta' Settembru 2020, Maroš Šefčovič, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, appella għal laqgħa straordinarja tal-Kumitat Konġunt UE-Renju Unit biex il-gvern tar-Renju Unit jintalab jelabora dwar l-intenzjonijiet tiegħu u jwieġeb għat-tħassib serju tal-UE. L-għada saret laqgħa f'Londra bejn il-Viċi President Šefčovič u Michael Gove, Kanċillier tad-Dukat ta' Lancaster.
-
2020
8-10 ta' SettembruIt-tmien ċiklu ta' negozjati dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit
In-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit jiltaqgħu f'Londra biex jiddiskutu s-sħubija futura bejn iż-żewġ partijiet.
-
2020
18-21 ta' AwwissuIs-seba' ċiklu ta' negozjati dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit
In-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit iltaqgħu fi Brussell biex jiddiskutu s-sħubija futura bejn iż-żewġ partijiet.
-
2020
21-23 ta' LuljuIs-sitt ċiklu ta' negozjati dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit
In-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit iltaqgħu f'Londra biex jiddiskutu s-sħubija bejn l-UE u r-Renju Unit.
-
2020
9 ta' LuljuIl-Kummissjoni Ewropea tadotta komunikazzjoni dwar l-istat ta' tħejjija
Il-Kummissjoni Ewropea adottat komunikazzjoni biex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali, in-negozji u ċ-ċittadini jħejju għall-bidliet li ser jitfaċċaw fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni. Il-bidliet ser iseħħu fi skambji transkonfinali bejn l-UE u r-Renju Unit mill-1 ta' Jannar 2021 – irrispettivament minn jekk ftehim dwar sħubija futura jkunx ġie konkluż jew le.
-
2020
27 ta' ĠunjuTaħdidiet intensifikati bejn l-UE u r-Renju Unit
L-UE u r-Renju Unit intensifikaw it-taħditiet tagħhom dwar is-sħubija futura biex jikkonkludu ftehim qabel tmiem l-2020. In-negozjaturi ewlenin miż-żewġ naħat u t-timijiet tagħhom iltaqgħu f'format ristrett biex jiżguraw il-progress fin-negozjati, qabel il-bidu tal-ħames ċiklu ta' taħditiet fl-20 ta' Lulju.
-
2020
25 ta' ĠunjuIl-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit
Il-konklużjonijiet ġew adottati bi proċedura bil-miktub.
-
2020
15 ta' ĠunjuVidjokonferenza ta' livell għoli bejn l-UE u r-Renju Unit
Il-mexxejja tal-UE u tar-Renju Unit ltaqgħu permezz ta' vidjokonferenza biex jiddiskutu r-relazzjonijiet reċiproċi. Huma qablu li jintensifikaw in-negozjati dwar is-sħubija futura, bil-ħsieb li jiġi konkluż u rratifikat ftehim sal-aħħar tal-2020.
-
2020
12 ta' ĠunjuL-UE u r-Renju Unit ser jintensifikaw it-taħditiet
L-UE u r-Renju Unit qablu li jintensifikaw in-negozjati bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim qabel tmiem l-2020. F'Lulju, f'Awwissu u f'Settembru ser isiru sessjonijiet ta' negozjati. In-negozjaturi ewlenin miż-żewġ naħat u t-timijiet tagħhom ser jiltaqgħu kif meħtieġ f'format aktar ristrett biex jiġi żgurat il-progress fin-negozjati.
-
2020
2-5 ta' ĠunjuIr-raba' ċiklu ta' negozjati dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit
Minħabba l-kriżi tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa, in-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit qablu li jaħdmu permezz ta' vidjokonferenza.
-
2020
11-15 ta' MejjuIt-tielet ċiklu ta' negozjati dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit
Minħabba l-kriżi tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa, in-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit qablu li jaħdmu permezz ta' vidjokonferenza.
-
2020
20-24 ta' AprilIt-tieni ċiklu ta' negozjati dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit
Minħabba l-kriżi tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa, in-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit qablu li jaħdmu permezz ta' vidjokonferenza.
-
2020
15 ta' AprilVidjokonferenza tan-negozjaturi ewlenin
Michel Barnier, in-Negozjatur Ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea, u David Frost, in-Negozjatur Ewlieni tar-Renju Unit, qiesu l-ħidma teknika mwettqa mill-ewwel ċiklu ta' negozjati 'l hawn abbażi tat-testi legali skambjati miż-żewġ naħat. Huma qablu dwar il-ħtieġa li jiġu organizzati aktar ċikli ta' negozjati.
Minħabba l-kriżi tal-coronavirus, dawn iċ-ċikli ta' negozjati ser isiru permezz ta' vidjokonferenza, u jibdew fid-dati li ġejjin: l-20 ta' April, il-11 ta' Mejju, l-1 ta' Ġunju.
-
2020
30 ta' MarzuL-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt bejn l-UE u r-Renju Unit
L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, b'telekonferenza, kellhom l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt tagħhom dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ. Il-Kumitat Konġunt huwa kopresedut mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Maroš Šefčovič u mill-Kanċillier tad-Dukat ta' Lancaster Michael Gove.
-
2020
18 ta' MarzuIl-Kummissjoni Ewropea tippubblika abbozz ta' ftehim dwar is-sħubija futura bejn l-UE u r-Renju Unit
Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat abbozz ta' ftehim legali li jkopri s-sħubija futura bejn l-UE u r-Renju Unit. Dan jikkonverti d-direttivi ta' negozjati approvati mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali fil-25 ta' Frar 2020 f'test legali konformi mad-dikjarazzjoni politika maqbula bejn l-UE u r-Renju Unit f'Ottubru 2019.
Il-kriżi tal-COVID-19 wasslet għall-posponiment tat-tieni ċiklu ta' negozjati skedat għal bejn it-18 u l-20 ta' Marzu 2020 f'Londra.
-
2020
2 ta' MarzuNegozjati dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit jibdew fi Brussell
Bdiet l-ewwel sessjoni tan-negozjati dwar is-sħubija futura bejn l-UE u r-Renju Unit. Sessjonijiet sħaħ ta' negozjati ser isiru kull ġimagħtejn jew tliet ġimgħat u ser jalternaw bejn Brussell u Londra. Iż-żewġ partijiet ser jiltaqgħu biex jevalwaw il-progress fil-laqgħa ta' livell għoli ppjanata għal Ġunju 2020.
-
2020
25 ta' FrarIl-Kunsill jadotta mandat għal negozjati
Il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit. Il-Kunsill innomina wkoll lill-Kummissjoni bħala n-negozjatur tal-UE u adotta d-direttivi ta’ negozjati li stabbilew l-ambitu tas-sħubija futura. Dan il-mandat ikopri oqsma bħall-kummerċ, is-sajd, il-politika barranija, is-sigurtà u d-difiża, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. Bħala l-pass li jmiss, il-Kummissjoni ser tiftiehem mar-Renju Unit dwar id-dati għall-ewwel sessjonijiet ta' negozjati.
-
2020
3 ta' FrarIl-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda l-ftuħ ta' negozjati mar-Renju Unit
Il-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jinfetħu negozjati dwar sħubija ġdida mar-Renju Unit. Din ir-rakkomandazzjoni hija bbażata fuq il-linji gwida u l-konklużjonijiet eżistenti tal-Kunsill Ewropew, kif ukoll fuq id-dikjarazzjoni politika maqbula bejn l-UE u r-Renju Unit f'Ottubru 2019. Hija tinkludi proposta komprensiva għal direttivi ta' negozjati, fejn huma ddefiniti l-ambitu u t-termini tar-relazzjoni futura mar-Renju Unit li qed tipprevedi l-UE.
-
2020
1 ta' FrarIl-bidu ta' perjodu ta' transizzjoni
-
2020
31 ta' JannarIr-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea
L-aħħar reviżjoni: 1 ta' April 2026