- Kunsill Affarijiet Ġenerali
Kunsill Affarijiet Ġenerali, 13 ta' Ottubru 2020
Riżultati ewlenin
Relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit
Il-kap negozjatur tal-Unjoni, Michel Barnier, informa l-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit, l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-isforzi ta' impenn tal-UE bil-ħsieb ta' tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni fil-31 ta' Diċembru 2020.
Il-ministri affermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għall-kap negozjatur u l-mandat tiegħu, u esprimew il-fiduċja tagħhom li jista' jinkiseb aktar progress. L-UE tibqa' impenjata li tikkonkludi ftehim ambizzjuż għar-relazzjonijiet futuri. Madankollu, il-ministri ssottolinjaw il-ħtieġa li n-negozji u l-pajjiżi jħejju għax-xenarji kollha.
Djalogu dwar l-istat tad-dritt
Il-presidenza żviluppat approċċ ġdid għad-djalogu annwali tal-Kunsill dwar l-istat tad-dritt. Il-ministri kellhom diskussjoni orizzontali dwar l-iżviluppi ġenerali, ibbażata fuq erba' pilastri: is-sistemi tal-ġustizzja, il-qafas kontra l-korruzzjoni, il-pluraliżmu tal-media, u kwistjonijiet istituzzjonali oħra marbuta ma' sistemi ta' kontrokontrolli.
L-aspetti speċifiċi għall-pajjiż ser jiġu diskussi fil-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-10 ta' Novembru. Hemmhekk, id-diskussjoni ser tiffoka fuq l-iżviluppi ewlenin f'ħames stati membri, skont l-ordni tal-protokoll tal-UE: Belġju, Bulgarija, Repubblika Ċeka, Danimarka u Estonja.
L-istat tad-dritt huwa valur fundamentali li l-UE hija msejsa fuqu. Id-djalogu l-ġdid tagħna huwa strument ieħor fis-sett ta' għodod li l-UE għandha l-UE biex issaħħaħ u tipproteġi l-istat tad-dritt. Għandu l-għan li jistabbilixxi dibattitu miftuħ u kostruttiv dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-istati membri kollha: it-trattament ugwali tal-istati membri kollha, in-nondiskriminazzjoni u l-kriterji oġġettivi huma ta' importanza kbira. L-għan ewlieni tagħna huwa li niksbu fehim ċar u reċiproku ta' dak li jgħaqqadna flimkien. Michael Roth, il-Ministru tal-Istat għall-Ewropa tal-Ġermanja
Kunsill Ewropew
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-abbozz ta' konklużjonijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li għandha ssir fil-15 u s-16 ta' Ottubru.
Fil-laqgħa tagħhom, il-mexxejja tal-UE ser jiddiskutu s-sitwazzjoni attwali fin-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit.
Huma ser ikollhom ukoll dibattitu ta' orjentazzjoni dwar it-tibdil fil-klima u ser jiddiskutu l-koordinazzjoni fir-rigward tal-COVID-19 u l-affarijiet barranin, inkluż ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika.
Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa
Kien hemm punt ta' informazzjoni mill-presidenza dwar il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa.
L-istati membri jixtiequ li l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa tinvolvi liċ-ċittadini f'dibattitu wiesa' dwar il-ġejjieni tal-Ewropa fl-għaxar snin li ġejjin u lil hinn, inkluż fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19.
Il-presidenza spjegat li għadhom għaddejjin kuntatti mal-istituzzjonijiet l-oħra bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar dikjarazzjoni konġunta biex titwitta t-triq għat-tnedija tal-Konferenza.
Il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss u l-pakkett għall-irkupru
Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar it-taħditiet li għaddejjin fil-livell politiku mal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni bil-ħsieb li jiġi żgurat l-approvazzjoni tal-Parlament għar-regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021-2027.
L-istituzzjonijiet tal-UE ħadmu sabiex jilħqu qbil komuni dwar għadd ta' kwistjonijiet, inkluż il-governanza tal-finanzjament taħt Next Generation EU u kwistjonijiet orizzontali bħall-protezzjoni tal-klima u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. Bdew ukoll laqgħat ta' trilogu mal-Parlament dwar il-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità l-ġdid.
Il-presidenza qieset bħala possibbli qbil rapidu dwar il-pakkett ġenerali u enfasizzat l-urġenza li l-proċess jiġi konkluż malajr kemm jista' jkun.
Covid-19 - koordinazzjoni tal-UE
Illum il-Kunsill adotta mingħajr diskussjoni rakkomandazzjoni dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Din ir-rakkomandazzjoni għandha l-għan li tevita l-frammentazzjoni u t-tfixkil u li żżid it-trasparenza u l-prevedibbiltà għaċ-ċittadini u n-negozji.
Il-pandemija tal-COVID-19 fixklet il-ħajja tagħna ta' kuljum b'ħafna modi. Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għamluha diffiċli għal xi wħud miċ-ċittadini tagħna biex imorru jaħdmu, imorru l-università jew iżuru l-għeżież tagħhom. Huwa d-dmir tagħna lkoll li niżguraw koordinazzjoni dwar kwalunkwe miżura li taffettwa l-moviment liberu u li nagħtu liċ-ċittadini tagħna l-informazzjoni kollha li jeħtieġu meta jiddeċiedu dwar l-ivvjaġġar tagħhom. Michael Roth, il-Ministru tal-Istat għall-Ewropa tal-Ġermanja
Approċċ komuni dwar il-miżuri b'rabta mal-COVID-19 għall-ivvjaġġar fl-UE (sat-13 ta’ Ġunju 2021) (Infografika)
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Dokumenti ta' eżitu
Stqarrijiet għall-istampa
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Dimosthenis Mammonas Press officer
- +32 477 61 20 77
- +32 2 281 2504
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
- Hashtag fuq X: #GAC
Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali
Laqgħat li seħħew
L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025