- Kunsill Affarijiet Ġenerali
Kunsill Affarijiet Ġenerali, 15 ta' Novembru 2023
Riżultati ewlenin
Kunsill Ewropew ta' Diċembru
Il-ministri bdew it-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta' Diċembru 2023 billi ddiskutew abbozz ta' aġenda annotata.
Fil-laqgħa tagħhom ta' Diċembru, il-mexxejja tal-UE ser jindirizzaw:
- il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
- is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani
- passi li jmiss fit-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni
- il-proposta għal reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027
- kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża
Stat tad-dritt fil-Polonja
Bħala parti mill-proċedura tal-artikolu 7(1) TUE, il-Kunsill iddiskuta s-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Polonja.
Il-proċedura li tikkonċerna l-Polonja tnediet mill-Kummissjoni fl-2017 u tkopri firxa ta' kwistjonijiet relatati mal-indipendenza tal-ġudikatura Pollakka. L-aħħar seduta ta' smigħ tal-Polonja saret f'Mejju 2023.
Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar l-iżviluppi mis-seduta ta' smigħ 'l hawn, filwaqt li spjegat it-tħassib li fadal rigward il-Qorti Suprema, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u r-rwol u l-ġurisprudenza tat-Tribunal Kostituzzjonali. Hija fakkret ukoll li r-riforma tas-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin Pollakki mwettqa mill-awtoritajiet Pollakki kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ.
Il-ministri enfasizzaw l-importanza li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha rigward l-indipendenza ġudizzjarja u l-istat tad-dritt fil-Polonja u esprimew l-appoġġ tagħhom lill-Kummissjoni dwar it-tħassib imqajjem, filwaqt li esprimew it-tama li l-Polonja dalwaqt tindirizzahom. Il-Polonja kellha l-opportunità li tippreżenta l-kummenti tagħha.
Il-presidenza kkonkludiet li l-Kunsill ser jibqa' jsegwi l-kwistjoni.
Rispett għall-valuri tal-UE fl-Ungerija
Bħala parti mill-proċedura tal-Artikolu 7(1) TUE, il-Kunsill iddiskuta wkoll is-sitwazzjoni attwali rigward ir-rispett għall-valuri tal-UE fl-Ungerija.
Il-proċedura li tikkonċerna l-Ungerija tnediet mill-Parlament Ewropew fl-2018 u tkopri diversi kwistjonijiet li jvarjaw mill-indipendenza ġudizzjarja u l-korruzzjoni għal-libertà tal-espressjoni, il-libertà akkademika u d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi. L-aħħar seduta ta' smigħ tal-Ungerija saret f'Mejju 2023.
Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar il-progress fl-oqsma tal-indipendenza ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni mill-aħħar seduta ta' smigħ tal-Ungerija 'l hawn, filwaqt li indikat il-passi li għad għandhom jittieħdu f'dan ir-rigward. Hija ddeskriviet ukoll it-tħassib serju li fadal relatat ma' oqsma oħra, bħall-indipendenza u l-pluraliżmu tal-media, id-drittijiet tal-migranti u l-persuni li jappartjenu għal minoranzi, inkluż persuni LGBTI, il-pressjoni fuq is-soċjetà ċivili u l-użu estensiv ta' setgħat ta' emerġenza mill-gvern.
Il-ministri tennew it-tħassib tal-Kummissjoni u ħeġġew lill-Ungerija tkompli tindirizza l-kwistjonijiet kollha mqajma. L-Ungerija ppreżentat il-kummenti tagħha.
Il-presidenza kkonkludiet li l-Kunsill ser jibqa' jsegwi l-kwistjoni.
Il-liġi elettorali Ewropea
Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-proposta tal-Parlament Ewropew għar-reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar l-elezzjonijiet tal-PE. Dan kien it-tielet dibattitu fil-Kunsill dwar din il-proposta.
Il-ministri ġew mistiedna jindikaw jekk jistgħux jaqblu mal-idea bażika ta' listi transnazzjonali u l-kostitwenza Ewropea, u kif jistgħu jipprevedu aktar ħidma fuq il-proposta tal-Parlament.
Id-dibattitu kkonferma li għadd ta' stati membri kellhom riżervi ċari dwar il-kunċett ta' listi transnazzjonali, u proċess ta' kandidati prinċipali u kostitwenza fil-livell tal-UE bbażata fuq listi bħal dawn. Madankollu, maġġoranza kbira tal-istati membri kienu lesti jkomplu l-ħidma fil-livell tekniku fuq dan il-fajl, billi jibdew minn dawk l-elementi tal-proposta tal-Parlament li kellhom l-akbar appoġġ skont l-istħarriġ imwettaq mill-presidenza Żvediża.
Il-presidenza kkonkludiet li l-ħidma fuq dan il-fajl ser tkompli fil-livell tekniku.
Relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit
Il-Kunsill ħa nota tal-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit.
Il-Kummissjoni aġġornat lill-ministri dwar l-iżviluppi fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit f'dawn l-aħħar xhur u l-ħidma futura ppjanata.
Il-ministri laqgħu l-fatt li l-ftehim dwar il-Qafas ta' Windsor ippermetta lill-UE u lir-Renju Unit idawru l-paġna fir-relazzjonijiet tagħhom u jiffokaw fuq l-iżvilupp ta' sħubija pożittiva u stabbli bbażata fuq valuri kondiviżi, filwaqt li jiżguraw li l-interessi tal-UE jiġu rispettati.
Huma enfasizzaw l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet kollha bejn l-UE u r-Renju Unit, inkluż fir-rigward tad-drittijiet taċ-ċittadini, u ssottolinjaw l-unità kontinwa tal-UE. Il-ministri esprimew ukoll l-appoġġ tagħhom għall-isfruttament tal-potenzjal sħiħ tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għall-benefiċċju reċiproku tal-UE u r-Renju Unit, b'kont meħud tal-limiti li jirriżultaw mill-ftehimiet attwali.
Mingħajr diskussjoni, il-Kunsill ta wkoll l-approvazzjoni tiegħu għall-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi tal-UE Orizzont Ewropa u Copernicus, u approva l-ftehim fil-prinċipju milħuq bejn il-Kummissjoni u l-gvern tar-Renju Unit fis-7 ta' Settembru 2023.
Futur tal-Ewropa
Il-ministri ddiskutew ukoll it-tħejjijiet interni tal-UE għat-tkabbir, jiġifieri kif l-UE tista' tintegra stati membri ġodda filwaqt li żżomm u tapprofondixxi l-iżvilupp tagħha stess fir-rigward tal-politiki, il-baġit u l-kapaċità tagħha li taġixxi. Id-dibattitu ffoka fuq l-organizzazzjoni tal-proċess ta' riflessjoni u riforma relatat.
Il-ministri għall-affarijiet Ewropej iddiskutew it-tħejjijiet interni tal-UE għat-tkabbir f'diversi okkażjonijiet din is-sena, inkluż fil-laqgħat informali tagħhom fi Stokkolma fil-21 u t-22 ta' Ġunju u f'Murcia fit-28 u d-29 ta' Settembru, u waqt ikliet ministerjali fil-marġini tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali fid-19 ta' Settembru u l-24 ta' Ottubru.
Il-mexxejja tal-UE indirizzaw ukoll il-kwistjoni fil-laqgħa informali tagħhom fi Granada fis-6 ta' Ottubru. Fid-dikjarazzjoni ta' Granada, huma affermaw li t-tkabbir huwa investiment ġeostrateġiku fil-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità, u ddikjaraw li b'mod parallel mal-isforzi ta' riforma tal-membri aspiranti, jeħtieġ li l-UE tistabbilixxi l-pedamenti interni u r-riformi meħtieġa.
Regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament nru 1/1958
Il-presidenza aġġornat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tat-talba ta' Spanja biex jiġi emendat ir-regolament nru 1/1958 biex jinkludi l-Katalan, il-Bask u l-Galizjan.
Il-presidenza infurmat lill-ministri li kienet tressqet proposta adattata minn Spanja fit-13 ta' Novembru, abbażi ta' diskussjonijiet f'laqgħat preċedenti tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali.
Il-presidenza fakkret ukoll li l-Kummissjoni Ewropea qed tħejji valutazzjoni tal-ispejjeż tal-emendar tar-regolament nru 1/1958.
Ħidma leġiżlattiva
Il-Kummissjoni ppreżentat il-programm ta' ħidma tagħha għall-2024, li jidentifika 15-il inizjattiva ġdida u 154 fajl ta' prijorità li għaddejjin bħalissa, u jqiegħed enfasi qawwija fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għan-negozji, l-amministrazzjonijiet u ċ-ċittadini.
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Dokumenti ta' eżitu
Stqarrijiet għall-istampa
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Dimosthenis Mammonas Press officer
- +32 477 61 20 77
- +32 2 281 2504
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
- Hashtag fuq X: #GAC
Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali
Ara laqgħat oħrajnL-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025