Skip to content

Is-Semestru Ewropew fl-2020

It-tifqigħa tal-coronavirus COVID-19
    • 1 ta' Jannar

      Din il-paġna fiha kronoloġija ta' avvenimenti u dokumenti relatati mas-Semestru Ewropew fl-2020, f'ordni kronoloġiku maqlub.

  • 2020

    • 1 ta' Lulju

      Il-Kunsill approva rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-istati membri tal-UE

      Fid-19 ta' Ġunju 2020, il-Kunsill approva abbozz ta' rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet dwar il-politiki ekonomiċi u fiskali tal-istati membri għall-2020.

    • 9 ta' Ġunju

      Il-ministri għall-finanzi jiddiskutu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi

      Il-ministri għall-finanzi ddiskutew it-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għas-Semestru Ewropew ta' din is-sena.

      L-abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet ġew ippreżentati mill-Kummissjoni Ewropea fl-20 ta' Mejju. Dawn jipprovdu gwida ta' politika mfassla apposta għal kull stat membru tal-UE dwar kif tista' tingħata spinta lill-impjiegi u t-tkabbir, filwaqt li jinżammu finanzi pubbliċi sodi.

      Minħabba d-deterjorament qawwi tas-sitwazzjoni ekonomika fl-istati membri kollha minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-attivazzjoni tal-miżuri ta' flessibbiltà fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir f'Marzu 2020, ir-rakkomandazzjonijiet ta' din is-sena jiffokaw fuq ħames oqsma ta' prijorità ġenerali:

      • l-investiment fis-sistemi tal-kura tas-saħħa
      • il-preservazzjoni tal-impjiegi u l-indirizzar tal-impatt soċjali tal-kriżi
      • ir-riċerka u l-iżvilupp
      • l-iżgurar ta' provvedimenti ta' likwidità u l-istabbiltà tas-settur finanzjarju
      • il-preservazzjoni tas-suq uniku u ċ-ċirkolazzjoni ta' oġġetti u servizzi

      Il-Kunsill ser jadotta formalment ir-rakkomandazzjonijiet wara l-approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew.

    • 19 ta' Mejju

      Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rapporti tal-pajjiżi tal-2020 u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2019

      Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar ir-rapporti tal-pajjiżi tas-Semestru Ewropew 2020 u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2019.

      Il-konklużjonijiet jirriflettu s-sitwazzjoni eċċezzjonali marbuta mal-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19.

      Il-Kunsill jissottolinja li minbarra miżuri immedjati biex jiġi minimizzat it-telf ta' ħajjiet u jitnaqqsu d-danni ekonomiċi, jibqa' kruċjali li jiġu indirizzati l-isfidi strutturali u l-vulnerabbiltajiet sabiex jiġi sostnut l-irkupru mill-kriżi. L-isforzi ta' riforma u l-investiment ta' kwalità għolja huma kruċjali għal dan l-għan, b'mod partikolari biex tissaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika u tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, diġitalizzata u newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju u biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni. Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika fl-UE, kif ukoll għall-identifikazzjoni ta' sfidi emerġenti ġodda. Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2020
    • 16 ta' April

      COVID-19: il-ministri jaqblu dwar is-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta' informazzjoni għall-2020

      Il-ministri qablu dwar is-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta' informazzjoni għaċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew ta' din is-sena.

      Minħabba l-livell għoli ta' inċertezza b'riżultat tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni ppreżentat proċess simplifikat għall-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew ta' din is-sena. Dan huwa maħsub biex jippreserva l-miri ewlenin tas-Semestru Ewropew, filwaqt li jqis iż-żminijiet ta' sfida li qed jiffaċċjaw l-istati membri.

      B'mod partikolari, ikun hemm approċċ simplifikat għall-preżentazzjoni ta' riforma nazzjonali u programmi ta' stabbiltà jew konverġenza (NRPs u SCPs) mill-istati membri. Il-Kummissjoni tistenna li tippreżenta t-tbassir tar-rebbiegħa tagħha, kif ukoll abbozz ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fil-bidu ta' Mejju 2020.

    • 5 ta' Marzu

      Ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew

      Il-ministri għall-ambjent tal-UE ddiskutew id-dimensjoni ambjentali tas-Semestru Ewropew. Is-Semestru huwa opportunità biex it-tħassib ambjentali jiġi integrat f'politiki ekonomiċi u ta' investiment usa'. L-integrazzjoni tal-politiki ambjentali hija obbligu li joħroġ mit-trattati u twieġeb għall-ħtieġa dejjem aktar urġenti li tinkiseb soċjetà sostenibbli.

    • 27 ta' Frar

      Il-Kunsill jiddiskuti r-Rapport dwar il-prestazzjoni tas-suq uniku

      Abbażi ta' nota mill-presidenza, il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar is-sejbiet tar-Rapport dwar il-prestazzjoni tas-suq uniku.

      Il-ministri qablu b'mod ġenerali dwar il-ħtieġa għal approċċ olistiku għall-integrazzjoni tas-suq uniku, filwaqt li fl-istess ħin tingħata attenzjoni lil oqsma speċifiċi b'potenzjal mhux sfruttat, bħas-servizzi.

    • 20 ta' Frar

      Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ fis-Semestru Ewropew

      Il-ministri għall-edukazzjoni adottaw riżoluzzjoni li għandha l-għan li tiżgura dibattiti informati dwar ir-riformi u l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Ir-riżoluzzjoni tappella għall-involviment xieraq tal-ministri għall-edukazzjoni fis-Semestru Ewropew meta jiġu diskussi kwistjonijiet relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ.

    • 18 ta' Frar

      Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro

      Il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji approva rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro għas-sena 2020. Ir-rakkomandazzjoni ser tkun adottata formalment mill-Kunsill Ewropew f'Marzu.

  • 2019

    • 18 ta' Diċembru

      Il-Kunsill jirċievi d-dokumenti għas-Semestru Ewropew 2020

      Il-Kunsill irċieva l-pakkett ta' dokumenti tal-ħarifa tal-Kummissjoni Ewropea għas-Semestru Ewropew 2020.

      Il-pakkett tal-ħarifa jibda ċ-ċiklu annwali tal-koordinazzjoni tal-governanza ekonomika. Huwa jistabbilixxi l-prijoritajiet ekonomiċi ġenerali għall-UE u jagħti lill-pajjiżi tal-UE gwida politika għas-sena li jmiss.

    • 28 ta' Novembru

      Pjan direzzjonali tas-Semestru Ewropew 2020

      Il-Presidenza Finlandiża u l-presidenza Kroata li jmiss ippubblikaw pjan direzzjonali li jiddeskrivi l-passi ewlenin tas-Semestru Ewropew 2020.