Skip to content

Bidliet staġjonali fil-ħin fl-UE

Fl-2018 ġiet ippreżentata proposta biex jintemmu l-bidliet fil-ħin darbtejn fis-sena fl-Unjoni Ewropea. Sakemm tittieħed deċiżjoni finali, tibqa' fis-seħħ is-sistema attwali.

Il-proposta dwar il-bidliet staġjonali fil-ħin

Il-Kummissjoni Ewropea ressqet l-abbozz ta' direttiva dwar il-bidliet staġjonali fil-ħin fit-12 ta' Settembru 2018. L-elementi ewlenin tal-proposta huma:

  • tmiem tal-bidliet fil-ħin ta' darbtejn fis-sena fil-pajjiżi kollha tal-UE
  • sistema ta' notifika li għandha tintuża minn pajjiż tal-UE jekk jixtieq ibiddel il-ħin standard tiegħu

Jekk tiġi adottata, id-direttiva ttemm il-bidliet biannwali fil-ħin fl-UE, li sikwit issir referenza għalihom bħala l-ħin tas-sajf.

Madankollu ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni finali dwar din il-kwistjoni u ma ġiet definita l-ebda skeda ta' żmien għal tali deċiżjoni. Is-sistema attwali b'bidliet ta' siegħa fil-ħin, li jestendu s-sigħat ta' dawl matul il-ġurnata fis-sajf, tibqa' fis-seħħ.

Fil‑Kunsill

Il-Kunsill għadu ma qabilx dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta. Sabiex tiġi ffurmata pożizzjoni tal-Kunsill, tinħtieġ maġġoranza kwalifikata ta' stati membri. Bl-istess mod, maġġoranza kwalifikata ta' stati membri jkollhom jappoġġaw it-test finali nnegozjat mal-Parlament Ewropew.

Min-naħa tiegħu, il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu f'Marzu 2019. Huwa vvota favur li jintemm il-ħin tas-sajf fl-2021.

Kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament Ewropew iridu jaqblu sabiex jgħaddu l-leġiżlazzjoni meħtieġa biex jintemmu l-bidliet staġjonali fil-ħin.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-bidliet staġjonali fil-ħin

Il-bidla fil-ħin fir-rebbiegħa u fil-ħarifa fl-Ewropa hija drawwa li tippreċedi l-Unjoni Ewropea. Ġiet introdotta għall-ewwel darba biex tiffranka l-enerġija matul l-Ewwel Gwerra Dinjija u ġiet introdotta mill-ġdid f'ħafna pajjiżi fis-snin sebgħin.

L-UE għaddiet leġiżlazzjoni għall-ewwel darba dwar arranġamenti għall-ħin tas-sajf fl-1980, permezz ta' direttiva li kkoordinat l-prattiki nazzjonali eżistenti biex tgħin tiżgura l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku.

Id-direttiva attwali daħlet fis-seħħ fl-2001. Skont id-dispożizzjonijiet tagħha, l-istati membri kollha jaqilbu għall-ħin tas-sajf fl-aħħar Ħadd ta' Marzu u lura għall-ħin standard tagħhom (''ħin tax-xitwa'') fl-aħħar Ħadd ta' Ottubru.

Ħin standard tal-istati membri

L-istati membri huma liberi li jiddeċiedu liema żona tal-ħin jixtiequ jkunu fiha. Bħalissa hemm tliet żoni tal-ħin standard fl-UE:

  • Ħin tal-Ewropa tal-Punent: Irlanda u Portugall
  • Ħin tal-Ewropa Ċentrali: 17-il stat membru f'din iż-żona ġeografika
  • Ħin tal-Ewropa tal-Lvant: Bulgarija, Ċipru, Estonja, Finlandja, Greċja, Latvja, Litwanja u Rumanija

L-aħħar reviżjoni: 27 ta' Jannar 2024