"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Serbja

Is-Serbja applikat għas-sħubija fl-UE f'Diċembru 2009 u ngħatat l-istatus ta' kandidat tal-UE f'Marzu 2012. In-negozjati tal-adeżjoni bejn l-UE u s-Serbja bdew f'Jannar 2014. Sa issa nfetħu 22 kapitolu.

It-triq lejn sħubija fl-UE

Applikazzjoni għas-sħubija fl-UE

L-applikazzjoni tas-Serbja għas-sħubija fl-UE ġiet ippreżentata fit-22 ta' Diċembru 2009.

Fil-laqgħa tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2010, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tas-Serbja.

Fit-12 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni tat opinjoni pożittiva u rrakkomandat li s-Serbja tingħata l-istatus ta' pajjiż kandidat.

Fl-1 ta' Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew ta lis-Serbja l-istatus ta' pajjiż kandidat.

Negozjati tal-adeżjoni

Fis-27 u t-28 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill Ewropew qabel li jibda negozjati tal-adeżjoni mas-Serbja mhux aktar tard minn Jannar 2014.

Il-Kunsill qabel dwar qafas għan-negozjati mas-Serbja fis-17 ta' Diċembru 2013.

Laqgħat tal-konferenza dwar l-adeżjoni

In-negozjati tal-adeżjoni jsiru f'konferenzi intergovernattivi (li spiss jissejħu "konferenzi dwar l-adeżjoni") bejn il-ministri u l-ambaxxaturi tal-istati membri tal-UE u l-pajjiż kandidat. In-negozjati jkopru l-korp ta' drittijiet u liġi komuni (l-"acquis tal-UE") u huma maqsuma f'kapitoli differenti, jew ġabriet ta' kapitoli, li jkopru oqsma ta' politika differenti. Il-konferenzi dwar l-adeżjoni jistgħu jsiru jew fil-livell ministerjali jew tad-deputati.

Fil-21 ta' Jannar 2014, l-ewwel laqgħa tal-konferenza dwar l-adeżjoni fil-livell ministerjali mas-Serbja fetħet in-negozjati tal-adeżjoni. Minn dakinhar, saru 13-il laqgħa tal-konferenza dwar l-adeżjoni fil-livell ministerjali. S'issa nfetħu 22 kapitolu għan-negozjati li minnhom żewġ kapitoli diġà ngħalqu proviżorjament.

F'Mejju 2021, il-Kunsill qabel dwar l-applikazzjoni tal-metodoloġija riveduta tat-tkabbir għan-negozjati tal-adeżjoni mal-Montenegro u s-Serbja, bl-għan li jissaħħaħ il-proċess tal-adeżjoni, issir enfasi aktar qawwija fuq ir-riformi fundamentali u tingħata aktar direzzjoni politika. Din tiġbor ukoll il-35 kapitolu ta' negozjar f'sitt raggruppamenti.

It-13-il laqgħa tal-konferenza dwar l-adeżjoni fil-livell ministerjali mas-Serbja, li saret fl-14 ta' Diċembru 2021, kienet it-tieni konferenza intergovernattiva minn meta l-Kunsill approva l-metodoloġija riveduta tat-tkabbir. Din irriżultat ukoll fil-ftuħ tal-"Ġabra Erbgħa" fuq l-aġenda ekoloġika u l-konnettività sostenibbli.

Proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni

Is-sħab kollha tal-Balkani tal-Punent għandhom "ftehim ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni" li jistabbilixxi l-qafas ġenerali għar-relazzjoni tagħhom mal-UE. Dan jimxi b'mod parallel man-negozjati tal-adeżjoni mal-UE u jappoġġa dawn in-negozjati.

Il-ftehim ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni tas-Serbja ġie ratifikat, u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013.

Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni UE-Serbja

Sabiex jiġi rrieżaminat il-progress tar-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Serbja taħt il-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni, rappreżentanti mill-UE u s-Serbja jiltaqgħu fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni UE-Serbja.

Minn Jannar 2022, kien hemm sitt laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni UE-Serbja. Fl-aħħar laqgħa, il-parteċipanti ddiskutew ir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Serbja, inkluż il-pandemija tal-COVID-19 u l-assistenza tal-UE, il-kriterji politiċi, il-kriterji ekonomiċi, id-dritt tal-UE u l-assistenza ta' qabel l-adeżjoni.

Rieżami annwali tal-progress

Kull sena, il-Kunsill jevalwa l-progress li jkun sar f'kull wieħed mill-kandidati u s-sħab tal-UE, inkluż is-Serbja, fil-perkors Ewropew tagħhom.

Fis-16 ta' Diċembru 2025, il-presidenza Daniża tal-Kunsill ħarġet konklużjonijiet li kienu appoġġati politikament minn 26 stat membru tal-UE.

Kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri

Biex iġestixxu l-flussi migratorji, jiġġieldu l-immigrazzjoni illegali u jindirizzaw il-kriminalità transfruntiera, l-UE u s-Serbja għandhom ftehim pendenti dwar kooperazzjoni usa' dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex). Il-ftehim jippermetti lill-Frontex u lis-Serbja jwettqu operazzjonijiet konġunti u lill-persunal tal-Frontex iwettaq verifika fuq il-fruntiera u jirreġistra l-persuni.

Il-ftehim mas-Serbja ġie konkluż fil-21 ta' Frar 2025 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2025.

Faċilità Ewropea għall-Paċi

Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi hija strument li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tipprevjeni l-kunflitti, tibni u tippreserva l-paċi u ssaħħaħ is-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali. Taħt il-faċilità, il-Kunsill adotta żewġ miżuri ta' assistenza, f'Ġunju 2022 u f'Ottubru 2026, biex jappoġġa t-Task Force Medika tal-Balkani, inizjattiva reġjonali li tlaqqa' flimkien lis-sħab tal-Balkani tal-Punent, inkluż is-Serbja, biex tipprovdi appoġġ mediku militari għal operazzjonijiet internazzjonali. Il-miżuri, li jammontaw għal €16-il miljun, isaħħu l-kapaċitajiet operazzjonali u l-istat ta' tħejjija tat-task force, inkluż il-kapaċità tagħha li tassisti liċ-ċivili f'każ ta' diżastri.

L-aħħar reviżjoni: 2 ta' Ottubru 2026