- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 18 ta' Jannar 2016 11:00
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Libja
1. L-UE tappoġġa bis-sħiħ il-Ftehim Politiku Libjan li kien iffirmat fis-17 ta' Diċembru 2015. Hija tilqa' l-formazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill, ippreseduta minn Fayyez al-Sarraj. L-UE tfakkar fl-approvazzjoni tal-Komunikat ta' Ruma tat-13 ta' Diċembru 2015 mill-Kunsill tas-Sigurtà permezz tar-Riżoluzzjoni 2259, adottata unanimament fit-23 ta' Diċembru 2015. L-UE u l-Istati Membri tagħha ser jappoġġaw il-Gvern b'Kunsens Nazzjonali (GNA) bħala l-uniku gvern leġittimu tal-Libja u jħeġġu lill-istituzzjonijiet Libjani kollha, inklużi dawk finanzjarji u ekonomiċi, jaċċettaw l-awtorità tal-GNA. L-UE tfakkar li r-Riżoluzzjoni 2259 tappella lill-Istati Membri kollha tan-NU biex iwaqqfu l-appoġġ u l-kuntatt uffiċjali ma' istituzzjonijiet paralleli li jipproklamaw li huma l-awtorità leġittima iżda huma barra l-Ftehim kif speċifikat minnu.
2. L-UE tissottolinja r-responsabbiltà Libjana tal-proċess politiku u l-importanza tal-inklużività kontinwa tiegħu, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni kontinwa tan-nisa, is-soċjetà ċivili u ta' atturi politiċi u lokali. L-UE tħeġġeġ bis-sħiħ lill-partijiet kollha fil-Libja sabiex jaħtfu din l-opportunità biex japprovaw il-Ftehim u jipparteċipaw fil-proċess. Dawk li jxekklu l-implimentazzjoni tal-ftehim politiku għandhom jinżammu responsabbli ta' għemilhom.
3. L-UE tfaħħar il-ħidma u tafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tagħha għall-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) u r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU.
4. L-UE tappella għall-adozzjoni f'waqtha tal-emenda tad-dikjarazzjoni kostituzzjonali tal-2011 u tħeġġeġ lill-Presidenza tal-Kunsill biex tifforma l-GNA, li jrid jiġi approvat mill-Kamra tar-Rappreżentanti kif previst fil-Ftehim Politiku Libjan. L-UE tilqa' d-deċiżjoni li jiġi stabbilit Kumitat tas-Sigurta Temporanju biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta' sigurtà deskritti fil-Ftehim Politiku Libjan u tappella lill-atturi Libjani kollha biex jappoġġaw u jikkollaboraw mal-Kumitat. Hija tissottolinja l-ħtieġa urġenti li jiġu ffinalizzati l-arranġamenti ta' sigurtà għal Tripli.
5. L-UE tikkundanna bil-qawwi l-attakki terroristiċi li saru dan l-aħħar fi Zliten u kontra l-installazzjonijiet taż-żejt fil-Libja, u t-tentattivi kollha biex tiġi sfrattata l-istabbilizzazzjoni tal-pajjiż. Dawn l-attakki u l-preżenza dejjem ikbar tad-Daesh u gruppi estremisti oħra jenfasizzaw il-ħtieġa urġenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim Politiku Libjan u b'mod partikulari għall-formazzjoni tal-GNA bħala l-uniku mod għal-Libja biex taqbad it-triq tal-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità, u biex tindirizza b'mod effettiv it-theddid u l-isfidi għal-Libja, inkluż it-terroriżmu u t-traffikar tal-bnedmin, filwaqt li tippreserva l-unità tagħha. L-UE tinsab lesta tappoġġa lil-Libja fil-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti.
6. L-UE u l-Istati Membri tagħha jtennu l-impenn sħiħ tagħhom li jappoġġaw lil-Libja u li jkunu magħha fl-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim, billi jaħdmu fi sħubija mill-qrib mal-GNA ladarba dan jiġi ffurmat. L-UE għandha pakkett ta' appoġġ immedjat u sostanzjali li jammonta għal total ta' €100 miljun f'għadd ta' oqsma differenti. L-implimentazzjoni u l-andament ta' azzjonijiet individwali ser jingħataw prijorità f'koordinazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Libjani kif diskuss mir-Rappreżentant Għoli flimkien mal-Presidenza tal-Kunsill fil-laqgħa tagħhom tat-8 ta' Jannar 2016. L-UE ser tkompli tipprovdi għajnuna permezz ta' organizzazzjonijiet umanitarji abbażi ta' sett ta' prinċipji kif ukoll assistenza fuq żmien qasir għall-benefiċċju dirett tal-poplu Libjan fil-bżonn; kundizzjonijiet imtejba tas-sigurtà fil-post jiffaċilitaw il-forniment tagħhom. L-UE hija lesta wkoll li tikkunsidra l-appoġġ għall-awtoritajiet Libjani, jekk dawn jitolbuh, fir-riforma tas-settur tas-sigurtà, b'mod partikolari permezz ta' taħriġ u konsulenza.
7. L-UE tappella lill-partijiet kollha fil-Libja biex jiżguraw aċċess umanitarju mingħajr xkiel u s-sigurtà ta' ħaddiema li jagħtu għajnuna umanitarja sabiex jiffaċilitaw l-assistenza u l-protezzjoni għall-popolazzjoni ċivili fil-bżonn. L-UE tappella għal aktar sforzi biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar. F'dan ir-rigward l-UE tilqa' l-pjan ta' rispons umanitarju tan-NU.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024