Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 18 ta' Jannar 2016 18:30

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani

1.       Il-Kunsill huwa mħasseb ferm li ċ-ċiklu kontinwu ta’ vjolenza wassal għal telf kbir ta’ ħajja umana f’Iżrael kif ukoll fit-territorju Palestinjan f’dawn l-aħħar xhur. L-UE tikkundanna bil-qawwa l-attakki terroristiċi u l-vjolenza min-naħat kollha u f'kull ċirkostanza, inklużi l-imwiet ta' tfal. L-UE tistieden lill-mexxejja politiċi biex jaħdmu flimkien permezz ta’ azzjonijiet viżibbli biex jikkontribwixxu għall-kalma u jindirizzaw il-kawżi sottostanti tat-tensjonijiet. L-UE tfakkar fl-importanza partikolari tas-siti mqaddsa, u titlob li jinżamm l-istatus quo stabbilit fl-1967 għall-Għolja tat-Tempju / al-Haram al-Sharif f’konformità ma’ ftehimiet preċedenti u fir-rigward tar-rwol speċjali tal-Ġordan.

2.       L-UE tħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jibqgħu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista’ taggrava s-sitwazzjoni permezz ta’ inċitament jew provokazzjoni u tistieden lill-partijiet biex jikkundannaw l-attakki meta dawn iseħħu u jaderixxu b’mod strett mal-prinċipji ta’ neċessità u proporzjonalità fl-użu tal-forza. Hija tfaħħar liż-żewġ naħat għaż-żamma tal-koordinazzjoni tas-sigurtà fid-dawl ta’ sitwazzjoni diffiċli ħafna. L-UE tilqa’ l-progress fl-investigazzjoni tad-Duma u titlob lil Iżrael biex iżomm kull awtur ta' vjolenza fl-insedjamenti responsabbli għal għemilu . L-UE tistieden ukoll liż-żewġ naħat biex b’mod konġunt u riżolut jiġġieldu l-inċitament u d-diskors ta’ mibegħda, pereżempju billi jistabbilixxu mekkaniżmu biex jikkonsultaw dwar l-inċitament skont l-impenji preċedenti tagħhom.

3.       L-UE hija konvinta li huma biss l-istabbiliment mill-ġdid ta’ orizzont politiku u t-tkomplija tad-djalogu li jistgħu jwaqqfu l-vjolenza. Il-miżuri ta’ sigurtà waħedhom ma jistgħux iwaqqfu ċ-ċiklu ta’ vjolenza. Il-kawżi sottostanti tal-konflitt jeħtieġ li jiġu indirizzati. L-UE tafferma mill-ġdid l-appoġġ tagħha għat-talbiet tal-Kwartett biex jittieħdu passi trasformattivi sinifikanti, konsistenti mat-transizzjoni prevista minn ftehimiet preċedenti, sabiex terġa’ tinkiseb u tinbena l-fiduċja. L-UE tħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jimplimentaw dawn il-miżuri mill-aktar fis possibbli. Bidla fundamentali fil-politika minn Iżrael fir-rigward tat-territorju Palestinjan okkupat, b’mod partikolari fiż-Żona C, ser iżżid b’mod sinifikanti l-opportunitajiet ekonomiċi, tagħti s-setgħa lill-istituzzjonijiet Palestinjani u ssaħħaħ l-istabbiltà u s-sigurtà kemm għall-Iżraeljani kif ukoll il-Palestinjani.

4.       L-UE hija magħquda fl-impenn tagħha biex tinkiseb soluzzjoni ta’ żewġ stati - abbażi ta' parametri stipulati fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Lulju 2014 - li tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ sigurtà Iżraeljani u Palestinjani u l-aspirazzjonijiet Palestinjani għal status ta’ stat u s-sovranità, ittemm l-okkupazzjoni li bdiet fl-1967, u ssolvi l-kwistjonijiet kollha dwar status permanenti sabiex jintemm il-konflitt. Hija topponi b’qawwa kull azzjoni li ddgħajjef il-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati u tħeġġeġ liż-żewġ naħat biex juru, permezz ta’ linji ta’ politika u azzjonijiet, impenn ġenwin lejn soluzzjoni ta’ żewġ stati sabiex terġa’ tinbena l-fiduċja u jinħoloq mezz biex ikunu jerġgħu jistgħu jsiru negozjati sinifikattivi. Għal dan l-għan, l-UE ser tkompli tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi fuq il-post u l-implikazzjonijiet aktar ġenerali tagħhom u ser tikkunsidra t-teħid ta' azzjoni ulterjuri sabiex tiġi protetta l-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati, li kontinwament qed tonqos minn fatti ġodda fuq il-post.

5.       Ser ikun meħtieġ sforz internazzjonali komuni akbar sabiex tiġi żgurata paċi ġusta u dejjiema, li ttemm il-pretensjonijiet kollha. L-UE, inkluż permezz tal-azzjoni tar-Rappreżentant Speċjali tagħha, ser taħdem b’mod attiv mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-imsieħba tal-Kwartett, partikolarment l-Istati Uniti, fir-reġjun u fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, għal approċċ multilaterali mġedda għall-proċess ta’ paċi. Filwaqt li tfakkar fl-ispirtu ta’ djalogu u ta’ kooperazzjoni li ddomina l-Konferenza ta’ Madrid 25 sena ilu, l-istabbiliment ta’ Grupp ta’ Appoġġ Internazzjonali u konferenza internazzjonali oħra huma t-tnejn modi possibbli li jikkontribwixxu għal dan l-għan. L-UE tfakkar fir-rieda tagħha li taħdem aktar mal-imsieħba reġjonali abbażi tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi li tipprovdi elementi ewlenin għar-riżoluzzjoni tal-konflitt bejn l-Għarab u l-Iżraeljani kif ukoll l-opportunità biex jinbena qafas ta’ sigurtà reġjonali.

6.       L-UE tfakkar li l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem mill-istati u l-atturi mhux statali, inkluż l-obbligu ta’ rendikont, huwa pedament għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun. L-UE tappella għall-protezzjoni tat-tfal, inkluż l-iżgurar tad-dritt għall-edukazzjoni f’ambjent ta’ skola sikur u sigur. Il-Kunsill jenfasizza l-importanza ta’ ħidma mingħajr xkiel tas-soċjetà ċivili kemm f'Iżrael kif ukoll fit-territorju Palestinjan okkupat u jsegwi l-iżviluppi reċenti f’dan ir-rigward bi tħassib.

7.       Filwaqt li tfakkar li l-insedjamenti huma illegali skont id-dritt internazzjonali, jikkostitwixxu ostaklu għall-paċi u jheddu li jrendu s-soluzzjoni ta’ żewġ stati impossibbli, l-UE ttenni l-oppożizzjoni qawwija tagħha għall-politika tal-insedjamenti ta' Iżrael u l-azzjonijiet meħuda f’dan il-kuntest, bħall-bini tal-ħajt ta' separazzjoni lil hinn mil-linja tal-1967, it-twaqqigħ u l-konfiska - inkluż ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE - l-iżgumbrar, it-trasferimenti sfurzati inkluż ta' Bedwini, pjattaformi illegali u restrizzjonijiet fuq il-moviment u l-aċċess. Hija tħeġġeġ lil Iżrael biex itemm kull attività ta’ insedjament u jżarma l-pjattaformi mibnija minn Marzu 2001 'l hawn, skont l-obbligi preċedenti. L-attività marbuta mal-insedjamenti f'Ġerusalemm tal-Lvant tipperikola serjament il-possibbiltà li Ġerusalemm isservi ta' belt kapitali futura għaż-żewġ Stati.

8.      L-UE u l-Istati Membri huma impenjati li jiżguraw implimentazzjoni kontinwa, sħiħa u effettiva tal-leġislazzjoni eżistenti tal-UE u l-arranġamenti bilaterali applikabbli għall-prodotti tal-insedjamenti. L-UE tesprimi l-impenn tagħha li tiżgura li - f’konformità mal-liġi internazzjonali - il-ftehimiet kollha bejn l-Istat t' Iżrael u l-UE jkollhom jindikaw b’mod inekwivoku u espliċitu li ma japplikawx għat-territorji okkupati minn Iżrael fl-1967. Dan ma jikkostitwixxix bojkott ta' Iżrael li l-UE topponi bis-saħħa.

9.       L-UE tħeġġeġ lill-fazzjonijiet Palestinjani kollha biex jimpenjaw ruħhom in bona fide fil-proċess ta’ rikonċiljazzjoni li huwa element importanti biex tinstab soluzzjoni ta’ żewġ stati.  L-UE ser tkompli tagħti l-appoġġ tagħha lill-aspirazzjonijiet Palestinjani għal status ta’ stat. Huwa importanti ferm li r-riżultati pożittivi tal-passat ma jintilfux u l-istituzzjonijiet Palestinjani għandhom ikomplu jsiru aktar b’saħħithom, aktar trasparenti, aktar responsabbli u aktar demokratiċi. L-UE tappella lill-gvern biex jaħdem għal elezzjonijiet ġenwini u demokratiċi għall-Palestinjani kollha. Istituzzjonijiet b’saħħithom, inklussivi u demokratiċi, ibbażati fuq l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, huma kruċjali fid-dawl tal-istabbiliment ta’ Stat Palestinjan vijabbli u sovran. Għal dan l-għan, l-UE tappella lill-fazzjonijiet Palestinjani kollha biex isibu bażi komuni u biex jaħdmu flimkien biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni Palestinjana.

10.     L-UE tappella lill-partijiet kollha biex jieħdu passi b'mod rapidu sabiex issir bidla fundamentali fis-sitwazzjoni politika, ekonomika u ta' sigurtà fl-Istrixxa ta' Gaża, inkluż it-tmiem tal-għeluq u l-ftuħ sħiħ tal-punti ta' qsim, filwaqt li jiġi indirizzat it-tħassib leġittimu ta' Iżrael dwar is-sigurtà. L-isparar reċenti ta' rokits minn gruppi militanti mhuwiex aċċettabbli u jindika għal darba oħra l-periklu li s-sitwazzjoni tmur għall-agħar. Il-partijiet ikkonċernati kollha għandhom jimpenjaw ruħhom għan-nonvjolenza u l-paċi. L-UE tħeġġeġ lin-naħat Palestinjani biex jagħmlu r-rikostruzzjoni ta’ Gaża prijorità nazzjonali ġenerali, speċjalment fir-rigward tas-saħħa, l-enerġija u l-aċċess għall-ilma. L-Awtorità Palestinjana għandha terġa’ tibda bis-sħiħ il-funzjonijiet governattivi tagħha f' Gaża, peress li hija parti integrali minn Stat Palestinjan futur. L-UE tilqa’ l-passi li ħa Iżrael biex jittaffew xi restrizzjonijiet fuq Gaża. Madankollu t-tneħħija tar-restrizzjoni fuq il-moviment ta’ persuni, servizzi u prodotti - b' mod partikolari dawk indikati bħala 'oġġetti b’użu doppju' - hija meħtieġa biex tippermetti l-isforzi ta’ rikostruzzjoni u t-twassil ta’ servizzi bażiċi. L-UE tappella lill-partijiet, l-atturi statali u mhux statali kollha biex jiggarantixxu aċċess umanitarju mingħajr xkiel lejn Gaża, kif previst mid-dritt umanitarju internazzjonali, għal organizzazzjonijiet umanitarji nazzjonali, lokali u internazzjonali, inklużi l-korpi u l-Istati Membri tal-UE. L-UE tibqa’ lesta li timpenja ruħha mal-partijiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti sabiex tiġi riżolta s-sitwazzjoni u tistieden lill-komunità internazzjonali biex tonora l-wegħdiet tagħha b'mod rapidu.

11.     L-UE ttenni l-offerta tagħha liż-żewġ partijiet ta’ pakkett ta' appoġġ Ewropew politiku, ekonomiku u ta' sigurtà, u ta' Sħubija Privileġġjata Speċjali mal-UE, li toffri benefiċċji sostanzjali għaż-żewġ partijiet, fil-każ ta’ ftehim ta’ paċi finali. L-UE tissottolinja li l-iżvilupp futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE kemm mas-sħab Iżraeljani kif ukoll ma' dawk Palestinjani ser jiddependi wkoll fuq l-impenn tagħhom lejn paċi dejjiema abbażi ta' soluzzjoni ta' żewġ stati.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024