- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 8 ta' Marzu 2016 15:15
Evitar tat‑taxxa korporattiva: il‑Kunsill jilħaq qbil dwar il‑pożizzjoni tiegħu rigward l‑iskambju ta' informazzjoni relatata mat‑taxxa dwar kumpaniji multinazzjonali
Fit‑8 ta' Marzu 2016, il‑Kunsill laħaq qbil dwar il‑pożizzjoni tiegħu, fi stennija tal‑opinjoni tal‑Parlament Ewropew, rigward abbozz ta' direttiva dwar l‑iskambju ta' informazzjoni relatata mat‑taxxa dwar l‑attivitajiet ta' kumpaniji multinazzjonali.
Ir‑Renju Unit appoġġa bis‑sħiħ din il‑pożizzjoni sakemm titwettaq konsultazzjoni mal‑parlament tiegħu.
Id‑direttiva se timplimenta, fil‑livell tal‑UE, rakkomandazzjoni tal‑OECD li tirrikjedi li l‑kumpaniji multinazzjonali jirrappurtaw informazzjoni relatata mat‑taxxa, dettaljata skont il‑pajjiż, u li tirrikjedi li l‑awtoritajiet tat‑taxxa nazzjonali jiskambjaw dik l‑informazzjoni awtomatikament.
Pakkett kontra l‑evitar tat‑taxxa
Dan huwa l‑ewwel element ta' pakkett ta' proposti maħruġ mill‑Kummissjoni f'Jannar 2016 biex jissaħħu r‑regoli tal‑UE li jipprevjenu l‑evitar tat‑taxxa korporattiva. Il‑pakkett huwa msejjes fuq rakkomandazzjonijiet approvati mill‑OECD fil‑ħarifa tal‑2015 biex jiġu indirizzati l‑erożjoni tal‑bażi tat‑taxxa korporattiva u t‑trasferiment tal‑profitt (BEPS).
Il‑qbil tal‑Kunsill juri l‑ambizzjoni tal‑presidenza Netherlandiża li tagħmel progress rapidu fir‑rigward tal‑pakkett kontra l‑evitar tat‑taxxa.
Kumpaniji multinazzjonali kbar
Id‑direttiva se tittrasponi r‑rakkomandazzjoni tal‑OECD dwar ir‑rappurtar għal kull pajjiż (azzjoni BEPS 13) fi strument tal‑UE li jorbot legalment. Hija tkopri kumpaniji multinazzjonali b'total ta' dħul konsolidat tal‑grupp ta' mill‑anqas €750 miljun.
Filwaqt li dan ikopri biss 10‑15% tal‑gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi, dawn il‑gruppi għandhom 90% tad‑dħul korporattiv.
L‑ippjanar tat‑taxxa mill‑kumpaniji multinazzjonali sar aktar elaborat fl‑aħħar snin, hekk kif qegħdin jittrasferixxu profitti taxxabbli lejn stati li għandhom sistemi tat‑taxxa favorevoli. L‑ippjanar aggressiv tat‑taxxa jista' jieħu vantaġġ mit‑teknikalitajiet ta' sistema fiskali jew minn diskrepanzi bejn żewġ sistemi fiskali jew aktar bl‑iskop li jitnaqqsu jew jiġu evitati l‑obbligazzjonijiet tat‑taxxa.
Informazzjoni li għandha tiġi rrapportata
Permezz tat‑tisħiħ tat‑trasparenza, l‑abbozz ta' direttiva għandu l‑għan li jħeġġeġ lill‑kumpaniji multinazzjonali jħallsu t‑taxxi tagħhom fil‑pajjiż fejn ikunu saru l‑profitti. L‑informazzjoni li għandha tiġi rrappurtata, skont il‑kunċett ta' pajjiż b'pajjiż, tinkludi dħul, profitti, taxxi mħallsa, kapital, qligħ, assi tanġibbli u l-għadd ta' impjegati.
Skont id‑direttiva, kumpanija multinazzjonali se tkun obbligata tippreżenta r-rapport tagħha għal kull pajjiż lill‑awtoritajiet tat‑taxxa tal‑istat membru fejn tkun resident fiskali, diġà għas‑sena fiskali 2016.
Jekk il-kumpanija omm tal-grupp ma tkunx resident fiskali tal-UE u ma tippreżentax rapport, hija għandha tagħmel dan permezz tas-sussidjarji tagħha fl-UE. "Rappurtar sekondarju" bħal dan se jkun mandatorju mis‑sena fiskali 2017; se jkun fakultattiv fl‑2016.
Skambju ta’ informazzjoni
L‑awtoritajiet fiskali se jkollhom jiskambjaw ir‑rapporti awtomatikament, sabiex ikun jista' jiġi vvalutati kwalunkwe riskju ta' evitar tat‑taxxa relatat mal‑ipprezzar ta' trasferiment(1). Għal dan il‑għan, id‑direttiva se tibni fuq il‑qafas eżistenti tal‑UE għal skambju awtomatiku bejn l‑awtoritajiet tat‑taxxa, stabbilit mid‑direttiva 2011/16/UE. Se jintuża netwerk komuni ta' komunikazzjoni eżistenti, u b'hekk se jiġu ffrankati spejjeż ta' implimentazzjoni.
Id‑direttiva se tistabbilixxi skadenzi ta' 12‑il xahar wara s‑sena fiskali għall‑preżentazzjoni, u tliet xhur oħra għal skambju awtomatiku.
Approċċ komuni tal‑UE
Id‑direttiva se tiżgura implimentazzjoni armonizzata tar‑rakkomandazzjoni tal‑OECD dwar ir‑rappurtar għal kull pajjiż, inkluż minn 7 stati membri li mhumiex membri tal‑OECD.
Il‑Kunsill se jadotta d‑direttiva ladarba l‑Parlament Ewropew ikun ta l‑opinjoni tiegħu u r‑riżervi parlamentari nazzjonali jkunu tneħħew, u ladarba t‑test jkun ġie ffinalizzat bil‑lingwi kollha.
Skeda ambizzjuża
Rigward il‑ħidma fuq il‑bqija tal‑pakkett kontra l‑evitar tat‑taxxa, il‑presidenza ffissat skeda ambizzjuża. Fit‑12 ta' Frar 2016, il‑Kunsill kellu l‑ewwel skambju ta' fehmiet. Il‑presidenza qiegħda tippjana biex isir qbil fil‑25 ta' Mejju 2016 dwar proposta biex jiġu indirizzati wħud mill‑prattiki l‑aktar prevalenti tal‑evitar tat‑taxxa.
______________________________________
(1) L-ipprezzar ta' trasferiment huwa l-prezz imħallas għal prodotti u servizzi skambjati bejn entitajiet li jikkostitwixxu grupp korporattiv.
Kuntatti għall-istampa
-
Patrick McCullough Press officer
- +32 471 33 38 46
- +32 2 281 91 19
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024