- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 26 ta' Mejju 2016 14:50
Portabbiltà tal-kontenut diġitali: Qbil fil-Kunsill dwar il-prinċipji ewlenin
Il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali rigward abbozz ta’ regolament maħsub biex jiżgura l-portabbiltà transfruntiera tas-servizzi ta’ kontenut online fis-suq intern.
Il-qbil jippermetti lill-Kunsill jibda negozjati mal-Parlament Ewropew, ladarba l-Parlament ikun stabbilixxa l-pożizzjoni ta’ negozjar tiegħu, skont il-proċedura leġislattiva ordinarja.
Il-president tal-Kunsill u ministru għall-affarijiet ekonomiċi tan-Netherlands, Henk Kamp, għamel il-kummenti li ġejjin: “Din l-inizjattiva ser tagħmel il-ħajja aktar faċli għaċ-ċittadini Ewropej meta jivvjaġġaw, billi tippermettilhom ikomplu jaċċessaw kontenut online li jkunu kisbu b’mod legali jew abbonaw għalih fl-istat membru tagħhom stess meta jkunu b’mod temporanju fi stat membru ieħor. Dan ifisser li ċ-ċittadini li jinsabu fi stat membru ieħor għal għanijiet bħal vaganzi jew vjaġġar fuq xogħol jistgħu jgawdu pereżempju minn mużika, films, logħob jew avvenimenti sportivi bħal meta jkunu f'pajjiżhom”.
L-ivjaġġar bl-abbonamenti għal servizzi ta’ kontenut online
L-użu li qed jiżdied ta’ tagħmir portabbli bħal tablets u smartphones jiffaċilita l-aċċess għall-użu ta’ servizzi ta’ kontenut online irrispettivament minn fejn jinsabu l-konsumaturi.
Hemm domanda li dejjem qed tikber mill-konsumaturi għall-aċċess għal kontenut u għal servizzi online innovattivi, mhux biss f'pajjiżhom iżda wkoll meta jkunu temporanjament imsefrin. Għalhekk, l-ostakli li jfixklu l-aċċess u l-użu ta' tali servizzi ta’ kontenut online fi ħdan is-suq uniku ser jiġu eliminati.
L-ostakli attwali għall-portabbiltà transfruntiera tas-servizzi ta’ kontenut online jirriżultaw mill-fatt li d-drittijiet għat-trasmissjoni tal-kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur u/jew drittijiet relatati bħax-xogħlijiet awdjoviżivi kif ukoll bħad-drittijiet għal avvenimenti sportivi premium spiss jngħataw liċenzja fuq bażi territorjali.
Skont l-approċċ ġenerali, ir-regolament ikun japplika għas-servizzi tal-kontenut online li jiġu pprovduti bi ħlas ta' flus. Is-servizzi ta’ xandir fuq bażi bla ħlas, bħax-xandara pubbliċi, ikunu jistgħu jibbenefikaw mir-regolament sakemm jivverifikaw il-pajjiż tar-residenza tal-abbonati tagħhom.
Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta oriġinali f'Diċembru 2015. Din hija waħda mill-ewwel inizjattivi tal-istrateġija tas-suq uniku diġitali mressqa bl-għan li toħloq suq intern għal kontenut u servizzi diġitali.
Kuntatti għall-istampa
-
Ferran Tarradellas Espuny Press officer
- +32 473 95 45 74
- +32 2 281 6291
- @TarradellasEU
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024