- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 21 ta' Ġunju 2016 00:30
Evitar tat‑taxxa korporattiva: Il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar regoli kontra l-evitar tat-taxxa
Fil-21 ta' Ġunju 2016, il-Kunsill qabel dwar abbozz ta' direttiva li tindirizza prattiki ta' evitar tat-taxxa komunement użati minn kumpaniji kbar.
Id-direttiva hija parti mill-pakkett ta' proposti mill-Kummissjoni maħruġ f'Jannar 2016 biex jissaħħu r-regoli kontra l-evitar tat-taxxa korporattiva. Il-pakkett jibbaża fuq rakkomandazzjonijiet tal‑OECD tal-2015 li jindirizzaw l‑erożjoni tal‑bażi tat‑taxxa u t‑trasferiment tal‑profitt (BEPS).
Id-direttiva tindirizza sitwazzjonijiet fejn gruppi korporattivi jieħdu vantaġġ minn differenzi bejn sistemi nazzjonali tat-taxxa sabiex inaqqsu l-obbligazzjoni ta' taxxa kumplessiva tagħhom. Kontribwenti korporattivi jistgħu jibbenefikaw minn rati baxxi tat-taxxa jew tnaqqis tat-taxxa doppja. Inkella jistgħu jiżguraw li kategoriji ta' dħul jibqa' ma jiġix intaxxat billi jkun deduċibbli f'ġurisdizzjoni waħda filwaqt li ma jkunx inkluż fil-bażi tat-taxxa fl-oħra. Ir-riżultat iwassal għal distorsjoni fid-deċiżjonijiet kummerċjali u jirriskja li joħloq sitwazzjonijiet ta' kompetizzjoni tat-taxxa inġusta.
Dispożizzjonijiet ġodda f'ħames oqsma
L-abbozz ta' direttiva jkopri l-kontribwenti kollha li huma soġġetti għal taxxa korporattiva fi stat membru, inklużi sussidjarji ta' kumpaniji bbażati f'pajjiżi terzi. Huwa jistabbilixxi regoli kontra l-evitar tat-taxxa f'ħames oqsma speċifiċi:
- Regoli dwar il-limitazzjoni tal-imgħax. Gruppi multinazzjonali jistgħu jiffinanzjaw entitajiet ta' gruppi f'ġurisdizzjonijiet b'rata għolja ta' taxxa permezz ta' dejn, u jagħmlu arranġament biex iħallsu lura mgħax esaġerat lil sussidjarji residenti f'ġurisdizzjonijiet b'rata baxxa ta' taxxa. L-eżitu huwa obbligazzjoni ta' taxxa mnaqqsa għall-grupp kollu kemm hu. L-abbozz ta' direttiva għandu l-għan li jiskoraġġixxi din il-prattika billi jillimita l-ammont ta' mgħax li l-kontribwent huwa intitolat li jnaqqas f'sena fiskali.
- Regoli dwar it-tassazzjoni tal-ħruġ. Il-kontribwenti korporattivi jistgħu jippruvaw inaqqsu l-kont tat-taxxa tagħhom billi jċaqalqu r-residenza tat-taxxa u/jew l-assi tagħhom lejn ġurisdizzjoni b'rata baxxa ta' taxxa. It-tassazzjoni tal-ħruġ tipprevjeni erożjoni tal-bażi tat-taxxa fl-istat ta' oriġini meta assi li jinkorporaw gwadanji sottostanti mhux irrealizzati jiġu ttrasferiti, mingħajr bidla fis-sjieda, 'il barra mill-ġurisdizzjoni li qed tintaxxa ta' dak l-istat.
- Regola ġenerali kontra l-abbuż. Din ir-regola għandha l-għan li tkopri lakuni li jistgħu jeżistu fir-regoli speċifiċi ta' pajjiż kontra l-abbuż. Skemi ta' ppjanar tat-taxxa korporattiva jistgħu jkunu elaborati ħafna u leġislazzjoni tat-taxxa normalment ma tevolvix malajr biżżejjed biex tinkludi d-difiżi kollha neċessarji. Għaldaqstant, permezz ta' regola ġenerali kontra l-abbuż l-awtoritajiet tat-taxxa jkunu jistgħu jċaħħdu lill-kontribwenti mill-benefiċċju ta' arranġamenti tat-taxxa abbużivi.
- Regoli għall-kumpaniji kkontrollati minn barra l-pajjiż (CFC). Sabiex titnaqqas l-obbligazzjoni kumplessiva ta' taxxa tagħhom, gruppi korporattivi jistgħu jċaqalqu ammonti kbar ta' profitti lejn sussidjarji kkontrollati lejn ġurisdizzjonijiet b'rata baxxa ta' taxxa. Skema komuni tikkonsisti, l-ewwel, minn trasferiment tas-sjieda ta' assi intanġibbli, bħall-proprjetà intellettwali, lil CFC imbagħad billi jiġu mċaqalqa l-pagamenti ta' royalties. Regoli dwar is-CFC jirriattribwixxu d-dħul ta' sussidjarja kkontrollata minn barra l-pajjiż b'rata baxxa ta' taxxa lejn il-kumpanija omm li normalment tkun intaxxata b'rata għolja.
- Regoli dwar diskrepanzi ibridi. Kontribwenti korporattivi jistgħu jieħdu vantaġġ minn differenzi bejn sistemi nazzjonali tat-taxxa sabiex inaqqsu l-obbligazzjoni ta' taxxa kumplessiva tagħhom. Tali diskrepanzi ta' spiss iwasslu għal tnaqqis doppju (jiġifieri, tnaqqis fit-taxxa fiż-żewġ pajjiżi) jew tnaqqis tad-dħul f'pajjiż wieħed mingħajr l-inklużjoni tiegħu f'ieħor.
Approċċ komuni tal‑UE
Id-direttiva ser tiżgura li l-miżuri tal-OECD kontra l-BEPS ikunu implimentati b'mod koordinat fl-UE, inkluż mis-seba' stati membri li mhumiex membri fl-OECD. Minbarra dan, sakemm tiġi ppreżentata proposta riveduta mill-Kummissjoni għal bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK), tieħu kont tad-diskussjonijiet mill-2011 'il hawn dwar proposta eżistenti dwar il-BKKTK fi ħdan il-Kunsill.
Tlieta minn ħames oqsma koperti mid-direttiva jimplimentaw l-aħjar prattika tal-OECD, partikolarment fir-regoli dwar il-limitazzjoni tal-imgħax, ir-regoli dwar is-CFC u r-regoli dwar diskrepanzi ibridi. It-tnejn l-oħra, jiġifieri r-regoli ġenerali kontra l-abbuż u r-regoli ta' tassazzjoni tal-ħruġ, jittrattaw aspetti relatati mal-BEPS tal-proposta dwar il-BKKTK.
Approvazzjoni u implimentazzjoni
Il-qbil intlaħaq wara diskussjoni tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji. Fis-17 ta' Ġunju 2016, il-Kunsill laħaq qbil ġenerali, soġġett għal proċedura ta' silenzju.
Billi l-proċedura skadiet mingħajr ma tqajmu oġġezzjonijiet, id-direttiva ser tiġi ppreżentata lil waħda mil-laqgħat tal-Kunsill li jmiss għall-adozzjoni.
L-istati membri ser ikollhom sal-31 ta' Diċembru 2018 biex jittrasponu d-direttiva fil-liġijiet u regoli nazzjonali tagħhom, għajr ir-regoli dwar it-tassazzjoni tal-ħruġ, li għalihom għandhom sal-31 ta' Diċembru 2019. L-istati membri li għandhom regoli mmirati li huma effettivi daqs ir-regoli dwar il-limitazzjoni tal-imgħax jistgħu japplikawhom sakemm l-OECD tilħaq qbil dwar standard minimu jew sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2024.
Inizjattivi oħra
Rigward il‑bqija tal‑pakkett ta' Jannar 2016 kontra l‑evitar tat‑taxxa, il‑presidenza ffissat skeda ambizzjuża. Fl-25 ta' Mejju, il-Kunsill approva:
- direttiva dwar l‑iskambju ta' informazzjoni relatata mat‑taxxa ta' kumpaniji multinazzjonali;
- konklużjonijiet dwar aspetti marbuta ma' pajjiżi terzi tat-trasparenza tat-taxxa.
Il-pakkett kontra l-evitar tat-taxxa isegwi għadd ta' inizjattivi tal-UE fl-2015. Dawn jinkludu direttiva, adottata f'Diċembru 2015, dwar deċiżjonijiet transfruntiera dwar it-taxxa.
F'Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew semma “ħtieġa urġenti li jiġu avvanzati l-isforzi fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, kemm fil-livell dinji kif ukoll f'dak tal-UE”.
- Abbozz ta’ direttiva ta' Ġunju 2016 li tindirizza l-prattiki komuni tal-evitar tat-taxxa korporattiva
- Stqarrija għall-istampa rigward id-direttiva ta’ Mejju 2016 dwar l‑iskambju ta' informazzjoni relatata mat‑taxxa ta' kumpaniji multinazzjonali
- Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Mejju 2016 rigward l-aspetti tal-pajjiżi terzi dwar it-trasparenza fiskali
- Anti-tax-avoidance proposals by the European Commission
- Press release on December 2015 adoption of the directive on cross-border tax rulings
Kuntatti għall-istampa
-
Patrick McCullough Press officer
- +32 471 33 38 46
- +32 2 281 91 19
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024