Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 6 ta' Diċembru 2016 16:10

Kooperazzjoni UE-NATO: il-Kunsill jadotta konklużjonijiet biex jimplimenta d-Dikjarazzjoni Konġunta

Infografika dwar dikjarazzjoni konġunta UE-NATO
Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO: implimentazzjoni (Infografika)

Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO: implimentazzjoni (Infografika)

1. Il-Kunsill ifakkar fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2016 li jappellaw għal tisħiħ ulterjuri tar-relazzjoni bejn l-UE u n-NATO permezz tal-ħidma mal-Istati Membri kollha u għall-benefiċċju tagħhom, fid-dawl ta' dawk l-għanijiet u l-valuri komuni li nħaddnu u fid-dawl tal-isfidi mingħajr preċedent li qed jiffaċċaw iż-żewġ organizzazzjonijiet. Is-sigurtà tagħna hija interkonnessa: flimkien, nistgħu nimmobilizzaw firxa wiesgħa ta' għodod u nużaw bl-aktar mod effiċjenti r-riżorsi biex nindirizzaw dawk l-isfidi u nżidu s-sigurtà taċ-ċittadini tagħna. F'dan ir-rigward, neħtieġu modi ġodda u mtejba ta' kif naħdmu flimkien b'mod ambizzjuż u pragmatiku bl-objettiv ġenerali li nibnu relazzjoni vera bejn organizzazzjoni u oħra.

2. Il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO ser tkompli fi spirtu miftuħ u trasparenti għalkollox u b'rispett sħiħ lejn l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-proċeduri taż-żewġ organizzazzjonijiet. Din ser tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-inklużività u r-reċiproċità mingħajr ma tippreġudika n-natura speċifika tal-politika ta' sigurtà u difiża ta' xi Stat Membru.

3. Il-Kunsill jilqa' d-Dikjarazzjoni Konġunta ffirmata mill-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana f'Varsavja fit-8 ta' Lulju 2016. Din ser tagħti spinta u sustanza ġodda lill-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fl-oqsma tal-ġlieda kontra theddid ibridu; kooperazzjoni operattiva inkluż fuq il-baħar u, skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Novembru 2016, f'dak li jirrigwarda l-migrazzjoni irregolari; iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża; il-kapaċitajiet tad-difiża; l-industrija tad-difiża u r-riċerka dwarha; l-eżerċizzji; l-appoġġ għall-isforzi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sħab fil-Balkani tal-Punent, il-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar u t-tisħiħ tar-reżiljenza tagħhom.

4. L-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta hi prijorità politika ewlenija għall-UE. Hija element essenzjali ta' sforzi aktar komprensivi mmirati lejn it-tisħiħ tal-abbiltà tal-Unjoni li taġixxi bħala fornitur tas-sigurtà, skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE fil-qasam tas-Sigurtà u d-Difiża u Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża.

5. Il-Kunsill jilqa' l-progress li sar fit-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-UE u n-NATO, b'mod partikolari mill-iffirmar tad-Dikjarazzjoni Konġunta, anke fl-implimentazzjoni u t-twettiq ta' proċeduri paralleli u sett ta' strateġiji għall-interazzjoni fil-ġlieda kontra theddid ibridu; fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni operattiva u l-koordinazzjoni fi kwistjonijiet marittimi inkluż bejn EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA u l-operazzjoni Sea Guardian fil-Mediterran fl-implimentazzjoni tal-mandati tagħhom, billi jibnu fuq il-kooperazzjoni b'suċċess bejn l-UE u n-NATO fl-Eġew; fl-iżvilupp ta' eżerċizzji paralleli u koordinati inkluż fil-qasam tal-komunikazzjoni strateġika bl-għan li tinbena r-reżiljenza. Il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fil-qasam tal-eżerċizzji ser isseħħ b'rispett sħiħ tal-Qafas ta' Politika tal-Eżerċizzji tal-UE.

6. Bl-għan li jikkonsolida dan il-progress u jiggarantixxi aktar progress fl-oqsma kollha mniżżla fid-Dikjarazzjoni Konġunta, il-Kunsill japprova is-sett komuni ta' proposti mehmuża fl-anness. Dawn jiffurmaw azzjonijiet konkreti għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta żviluppati b'mod konġunt mill-UE (is-SEAE u s-servizzi tal-Kummissjoni, flimkien mal-EDA) u n-NATO. Is-sett komuni ta' proposti mhuwiex dokument awtonomu u għandu jinqara flimkien ma' dawn il-Konklużjonijiet tal-Kunsill li t-tnejn ser jiġu implimentati skont il-prinċipji msemmija iktar 'il fuq.

7. Is-sett komuni ta' proposti qed jiġi approvat fi proċess parallel min-NATO permezz tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana.

8. Il-Kunsill jenfasizza li l-Istati Membri għandhom 'sett uniku ta' forzi' li jistgħu jużaw f'oqfsa differenti. L-iżvilupp koerenti tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri permezz tal-proċessi rispettivi tal-UE u n-NATO għaldaqstant ser jgħin biex jissaħħu l-kapaċitajiet li ż-żewġ organizzazzjonijiet potenzjalment għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, filwaqt li jiġu rikonoxxuti n-natura u r-responsabbiltà differenti tagħhom. F'dan ir-rigward, il-Kunsill jilqa' l-kooperazzjoni kontinwa mill-qrib u ta' tisħiħ reċiproku man-NATO f'oqsma ta' interess komuni, kemm b'mod strateġiku kif ukoll operazzjonali, fil-maniġġar ta' kriżijiet b'appoġġ għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kif ukoll fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża fejn il-ħtiġijiet ikunu l-istess.

9. Il-Kunsill jistieden lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President/Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża biex, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tniedi minnufih il-ħidma fuq l-implimentazzjoni tas-sett komuni ta' proposti, biex b'hekk tiżgura l-involviment u t-trasparenza sħaħ tagħhom. Darbtejn fis-sena, b'bidu mill-aħħar ta' Ġunju 2017, għandhom jiġu pprovduti rapporti dwar l-implimentazzjoni, li jinkludu suġġerimenti possibbli għal kooperazzjoni futura.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024