Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 8 ta' Diċembru 2016 10:20

Il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu rigward ir-riforma tal-leġislazzjoni dwar is-sustanzi psikoattivi ġodda

Fit-8 ta' Diċembru, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu rigward pakkett li jirriforma l-leġislazzjoni dwar sustanzi psikoattivi ġodda (SPĠ) kif ukoll itejjeb l-iskambju ta' informazzjoni, is-sistema ta' twissija bikrija u l-proċedura ta' valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-UE. Il-Kunsill issa jinsab lest biex jibda n-negozjati mal-Parlament biex jaqblu dwar ir-riforma.

Il-pakkett ser jippermetti rispons tal-UE aktar effettiv u effiċjenti għas-sustanzi psikoattivi ġodda li qed jitfaċċaw fis-suq tal-UE b'rata ogħla minn qatt qabel, li tippreżenta riskju għas-saħħa u s-sikurezza pubblika. B'mod partikolari, huwa ser jissimplifika l-proċedura segwita fil-livell tal-UE biex jiġu vvalutati l-effetti negattivi potenzjali ta' sustanza psikoattiva ġdida u tiġi deċiża l-possibbiltà ta' projbizzjoni. Barra minn hekk, il-pakkett jipprevedi tnaqqis, minn 12-il xahar għal sitt xhur, bħala ż-żmien mogħti lill-istati membri biex jimplimentaw id-deċiżjoni dwar il-projbizzjoni ta' sustanzi psikoattivi ġodda.

Lucia Žitňanská, ministru għall-Ġustizzja tas-Slovakkja qalet: "B'dan il-pakkett ġdid, jekk jiġi maqbul mal-Parlament, inkunu nistgħu naqtgħu kważi bin-nofs iż-żmien meħtieġ biex tiġi vvalutata u possibbilment deċiża projbizzjoni Ewropea ta' sustanzi psikoattivi ġodda f'każ li jirrappreżentaw periklu serju għas-saħħa pubblika".

Il-pakkett huwa magħmul minn emenda għar-regolament li stabbilixxa ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) rigward l-iskambju ta' informazzjoni, is-sistema ta' twissija bikrija u l-proċedura ta' valutazzjoni tar-riskju fuq sustanzi psikoattivi u direttiva li temenda d-deċiżjoni qafas tal-Kunsill tal-2004 rigward dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta' atti kriminali u pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta' drogi.

Il-passi li jmiss

Bl-adozzjoni ta' dan l-approċċ ġenerali fuq il-pakkett, il-Kunsill issa jinsab lest biex jibda n-negozjati mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb li jkun hemm qbil finali.

Kuntest

Il-ħtieġa ta' emenda għal-leġislazzjoni dwar sustanzi psikoattivi hija riżultat taż-żieda rapida u massiva ta' sustanzi psikoattivi ġodda, fil-livell globali u fl-Ewropa. Fl-2015, għall-ewwel darba ġew irrappurtati 98 sustanza psikoattiva ġdida fis-Sistema ta' Twissija Bikrija (STB) tal-UE, u b'hekk l-għadd totali ta' sustanzi ġodda mmonitorjati tela' għal aktar minn 560 - b'iktar minn 400 (70 %) minnhom ikunu identifikati f'dawn l-aħħar ħames snin biss.

Il-proċedura attwali fil-livell tal-UE, kif definita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI, tipprevedi li l-EMCDDA u l-Europol iħejju rapporti dwar SPĠ li huma ta' tħassib serju. Jekk dawn ir-rapporti jikkonfermaw il-periklu tas-sustanzi, il-Kummissjoni Ewropea tista' tipproponi projbizzjoni fil-livell tal-UE. Il-projbizzjoni tiġi deċiża mill-Kunsill wara konsultazzjoni mal-Parlament.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024