Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 28 ta' Frar 2017 19:30

Rieżami tal-iskema għan-negozjar ta' emissjonijiet: il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu

Fit-28 ta' Frar, il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni ta' negozjar (approċċ ġenerali) tiegħu għar-rieżami tal-iskema għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS). L-ETS hija waħda mill-għodod ewlenin tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra. Ir-rieżami ser jikkontribwixxi għall-mira tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b'tal-inqas 40% sal-2030, skont l-impenn fil-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.

Issa li l-Kunsill laħaq qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu, jistgħu jibdew in-negozjati mal-Parlament Ewropew bil-għan li jintlaħaq qbil dwar it-test finali.

“Dan huwa importanti għalina, għall-pjaneta tagħna u għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-Ftehim ta' Pariġi kien kisba storika, iżda għandna bżonn ngħaddu mill-kliem għall-azzjoni. Funzjonament aħjar tal-ETS ser ikompli jnaqqas aktar l-emissjonijiet. L-UE qiegħda twettaq il-wegħdiet tagħha, għax jinteressaha li lkoll ikollna ġejjieni aħjar.”

Jose A. Herrera, Ministru għall-Ambjent ta' Malta u President tal-Kunsill

L-EU ETS

L-iskema għan-negozjar tal-emissjonijiet, imnedija fl-2005, taħdem billi tqiegħed limitu fuq l-emissjonijiet totali minn setturi tal-industrija u impjanti tal-enerġija b'emissjonijiet għoljin. Fi ħdan il-limitu, li jitnaqqas kull sena, il-kumpaniji jistgħu jixtru u jbiegħu kwoti tal-emissjonijiet. Kull kwota tagħtihom id-dritt li jemettu tunnellata ta' CO2, il-gass b'effett ta' serra ewlieni, jew l-ammont ekwivalenti ta' gass b'effett ta' serra ieħor. Dan jgħin biex jinħolqu inċentivi għall-kumpaniji biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom b'mod kosteffikaċi.

Għalkemm l-irkantar huwa l-metodu standard għall-allokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet lill-kumpaniji, xi setturi tal-industrija jirċievu sehem ta' kwoti bla ħlas. Allokazzjoni bla ħlas titwettaq abbażi ta' parametri referenzjarji tal-prestazzjoni, li jippremjaw l-aħjar prattika tal-produzzjoni b'emissjonijiet baxxi.

Il-kronoloġija u l-passi li jmiss

Fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa l-elementi ewlenin tar-rieżami tal-EU ETS. Abbażi ta' dawn il-linji gwida maqbula, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għal direttiva f'Lulju 2015.

Billi l-proposta hija soġġetta għal proċedura leġislattiva ordinarja, jeħtieġ li tiġi diskussa mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew biex jintlaħaq qbil dwar test finali. Il-Parlament Ewropew qabel dwar l-emendi tiegħu fil-plenarja fil-15 ta' Frar 2017. Issa li l-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali, jistgħu jibdew in-negozjati.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024