Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 7 ta' Novembru 2018 17:10

Allinjament tar-rappurtar ambjentali: il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu

L-UE qed tfittex li tallinja r-rekwiżiti ta' rappurtar fuq firxa ta' leġislazzjoni ambjentali. Illum il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar regolament li ser jiżgura approċċ aktar koerenti u konsistenti għar-rappurtar ambjentali. Dan il-ftehim iwitti t-triq biex il-Presidenza Awstrijaka tibda n-negozjati mal-Parlament Ewropew.

Ir-regolament propost jaffettwa għaxar atti leġislattivi. Billi jissimplifika l-obbligi ta' rappurtar eżistenti, ser jgħin inaqqas l-ispejjeż amministrattivi, itejjeb il-kwalità tad-data disponibbli għal evalwazzjonijiet futuri u jżid it-trasparenza.

Ilkoll naqblu dwar il-ħtieġa li tiġi simplifikata l-leġislazzjoni. Illum mhux biss qed intejbu l-leġislazzjoni ambjentali, iżda qed nagħmluha aktar faċli wkoll biex l-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħna jibagħtu d-data lil Brussell. Ninsab kuntenta nirrapporta li hemm appoġġ ġenerali fost l-istati membri biex tittieħed din l-opportunità biex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi relatati ma' total ta' għaxar liġijiet ambjentali tal-UE. Elisabeth Köstinger, ministru federali għas-sostenibbiltà u t-turiżmu tal-Awstrija

Ir-regolament jiġbor flimkien fi proposta waħda emendi li ser japplikaw għall-għaxar atti leġislattivi li ġejjin:

  • id-direttiva dwar il-ħama tad-drenaġġ 86/278/KEE;
  • id-direttiva dwar l-istorbju 2002/49/KE;
  • id-direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali 2004/35/KE;
  • id-direttiva dwar l-infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika fl-Ewropa (INSPIRE) 2007/2/KE;
  • id-direttiva dwar l-għasafar 2009/147/KE;
  • ir-regolament dwar ir-reġistru Ewropew dwar ir-rilaxx u t-trasferiment ta' inkwinanti (PRTR Ewropew) (KE) Nru 166/2006;
  • id-direttiva dwar l-ittestjar tal-annimali 2010/63/KE;
  • ir-regolament dwar l-injam tal-UE (UE) Nru 995/2010;
  • ir-regolament dwar l-infurzar tal-liġi, tmexxija u kummerċ fis-settur forestali (FLEGT) (KE) Nru 2173/2005;
  • ir-regolament dwar il-konvenzjoni dwar il-kummerċ internazzjonali fl-ispeċijiet ta' fawna u flora selvaġġi fil-periklu (CITES) (KE) 338/97.

Fil-pożizzjoni tiegħu, il-Kunsill kien aktar speċifiku mill-Kummissjoni dwar xi wħud mill-iskadenzi u l-intervalli ta' rappurtar, kif ukoll dwar il-kontenut ta' informazzjoni ambjentali li l-istati membri jinħtieġu li jiġbru u jirrappurtaw lill-Kummissjoni. Dawn il-bidliet ser ikomplu jgħinu biex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi.

L-istati membri ma appoġġawx il-bidliet proposti għad-direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali. Dan huwa minħabba li dawn il-bidliet imorru lil hinn mill-ambitu tar-rappurtar, jikkawżaw piż amministrattiv addizzjonali u barra minn hekk minħabba li ma hemmx valutazzjoni komprensiva dwar l-impatt. Għalhekk, it-test relatat tħassar.

Informazzjoni ġenerali u passi li jmiss

Ir-regolament ġie ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea fil-31 ta' Mejju 2018. Huwa bbażat fuq is-sejbiet tal-evalwazzjoni ta' Kontroll tal-Idoneità dwar ir-rappurtar u l-monitoraġġ tal-politika tal-UE dwar l-ambjent, li l-Kummissjoni ffinalizzat f'Ġunju 2017. Il-ftehim tal-lum isegwi diskussjonijiet intensivi fil-livell ta' ħidma fil-Kunsill.

Il-Presidenza Awstrijaka issa tista' tibda n-negozjati mal-Parlament Ewropew, li adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-regolament fit-23 ta' Ottubru 2018. L-ewwel laqgħa hija skedata għall-15 ta' Novembru.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024