- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 15 ta' Lulju 2019 10:30
Importazzjonijiet ta' ċanga mingħajr ormoni: Konferma tal-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti
L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dalwaqt jiffirmaw ftehim li jirrevedi l-funzjonament ta' arranġament kummerċjali eżistenti li jiżgura kwota tariffarja awtonoma (KTA) għall-importazzjonijiet ta' laħam taċ-ċanga ta' kwalità għolja fl-UE. Dan ser jipprovdi soluzzjoni għal tilwima li ilha għaddejja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar din il-kwistjoni.
Illum il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar l-iffirmar ta' ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-allokazzjoni lill-Istati Uniti ta' sehem fil-KTA għaċ-ċanga ta' kwalità għolja msemmija fl-hekk imsejjaħ Memorandum ta' Qbil (MtQ) rigward l-importazzjoni ta' ċanga minn annimali li ma jkunux ġew ittrattati b'ċerti ormoni li jippromwovu t-tkabbir u dwar id-dazji miżjuda applikati mill-Istati Uniti għal ċerti prodotti mill-UE, konklużi fl-2009 u riveduti fl-2014.
Il-ftehim ser jiġi ffirmat fi Brussell malajr kemm jista' jkun.
Lura fl-2009, il-MtQ ippreveda soluzzjoni interim għal tilwima li ilha għaddejja tad-WTO rigward l-importazzjonijiet ta' ċanga tal-Istati Uniti li ġiet ittrattata b'ċerti ormoni li jippromwovu t-tkabbir. Skont dan il-ftehim, kwota ta' 45,000 tunnellata ta' ċanga mhux trattata bl-ormoni kienet miftuħa mill-UE għall-fornituri li jikkwalifikaw. Skont ir-regoli tad-WTO, il-kwota kellha tkun disponibbli wkoll għal fornituri li mhumiex tal-Istati Uniti.
Bis-saħħa tal-ftehim il-ġdid il-kwota eżistenti ser tibqa' l-istess iżda 35,000 mit-total ta' 45,000 tunnellata ta' KTA ser jiġu delimitatigħall-Istati Uniti u jiddaħħlu gradwalment fuq perijodu ta' 7 snin. Il-KTA ser tkompli tkopri biss prodotti li jikkonformaw mal-istandards għolja tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel u s-saħħa. Dan il-pass huwa essenzjali biex tissolva tilwima li ilha għaddejja bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar miżuri imposti mill-UE fl-1989 fuq l-esportazzjonijiet ta' laħam li kien fih ormoni ta' tkabbir artifiċjali taċ-ċanga. Huwa jissottolinja wkoll l-impenn tal-UE favur aġenda kummerċjali transatlantika pożittiva.
Fid-19 ta' Ottubru 2018, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-operazzjoni tal-KTA, inkluż dwar l-allokazzjoni tal-kwota tal-pajjiż.
In-negozjati mal-Istati Uniti ġew konklużi fis-27 ta' Frar 2019 u, fid-dawl ta' dak il-ftehim, il-Kummissjoni mbagħad fittxet u kisbet il-kunsens tal-pajjiżi fornituri sostanzjali l-oħrajn, f'konformità mar-regoli applikabbli tad-WTO.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024