Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 2 ta' Ġunju 2020 20:08

Tassazzjoni: Il-Kunsill japprova l-konklużjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva futura u d-dazju tas-sisa fuq it-tabakk

Illum il-Kunsill approva konklużjonijiet li jistabbilixxu gwida u prijoritajiet politiċi fid-dawl ta' aktar riformi f'żewġ oqsma ewlenin tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE:

Dwar iż-żewġ kwistjonijiet, il-Kunsill jappella lill-Kummissjoni biex tressaq proposti leġislattivi sabiex tindirizza l-kwistjonijiet u t-tħassib stipulati fil-konklużjonijiet.

L-evoluzzjoni futura tal-kooperazzjoni amministrattiva fl-UE

Il-kooperazzjoni amministrattiva tgħin lill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali biex jiġbru u jissalvagwardjaw id-dħul mit-taxxa. Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn dawn il-korpi hija wkoll vitali biex tiġi identifikata u mnaqqsa l-frodi tat-taxxa.

L-ewwel direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva (DAC) ġiet adottata fl-2011. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva ġie estiż f'ħames okkażjonijiet u issa jkopri:

  • l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali dwar l-informazzjoni tal-kontijiet finanzjarji,
  • deċiżjonijiet transkonfinali dwar it-taxxa u arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment,
  • rapporti speċifiċi għall-pajjiż li jipprovdu ċerta informazzjoni finanzjarja dwar l-akbar korporazzjonijiet multinazzjonali,
  • aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja,
  • informazzjoni dwar arranġamenti ta' ppjanar tat-taxxa transkonfinali potenzjalment aggressivi.

Il-konklużjonijiet jenfasizzaw li l-isforzi biex titjieb il-kooperazzjoni amministrattiva għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa huma partikolarment rilevanti fil-kuntest tal-ħtieġa għall-irkupru mill-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19.

Dazju tas-sisa fuq it-tabakk

Id-dazji tas-sisa huma taxxi indiretti fuq il-bejgħ jew l-użu ta' prodotti speċifiċi, bħalma huma l-alkoħol, it-tabakk u l-enerġija.

Mill-2011 'l hawn, il-leġislazzjoni tal-UE tistabbilixxi regoli komuni għat-tassazzjoni ta' tabakk manifatturat, inkluż kategoriji ta' prodotti, rati minimi u strutturi li għandhom jiġu applikati. It-tabakk manifatturat huwa wkoll soġġett għad-dispożizzjonijiet komuni għal merkanzija soġġetta għas-sisa skont il-liġi tal-UE.

Il-konklużjonijiet jenfasizzaw b'mod partikolari li r-regoli applikabbli saru inqas effettivi, peress li jew m'għadhomx suffiċjenti jew huma limitati wisq biex jindirizzaw l-isfidi attwali u futuri, fir-rigward ta' xi prodotti, bħal pereżempju likwidi għal sigaretti elettroniċi, prodotti tat-tabakk imsaħħna u tipi oħra ta' prodotti tal-ġenerazzjoni li jmiss, li qed jidħlu fis-suq.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024