Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 25 ta' Ġunju 2020 17:30

Emissjonijiet mill-avjazzjoni: l-UE tikkonferma l-parteċipazzjoni tagħha fil-fażi volontarja tal-CORSIA mill-2021 u tagħżel opzjoni aktar ambizzjuża biex tikkalkula r-rekwiżiti tagħha ta' kumpens

L-UE ser tieħu sehem fl-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) mill-bidu tal-fażi volontarja tagħha fl-1 ta' Jannar 2021. Illum, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tissiġilla din il-pożizzjoni tal-UE, li l-istati membri ser ikollhom jinnotifikaw lill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) sat-30 ta' Ġunju 2020.

Id-deċiżjoni tal-lum tistabbilixxi wkoll il-pożizzjoni tal-UE dwar il-metodu li għandu jintuża biex jiġu kkalkulati r-rekwiżiti ta' kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-fażi pilota tal-CORSIA 2021-2023. Skont il-pożizzjoni tal-UE, il-kalkoli għandhom ikunu bbażati fuq l-emissjonijiet matul kull waħda minn dawk is-snin (2021, 2022 u 2023). Din l-għażla x'aktarx li twassal għal rekwiżiti ta' kumpens ogħla u għalhekk tkun aħjar għall-ambjent mill-għażla l-oħra disponibbli, li hija li l-kalkoli jsiru fuq l-emissjonijiet tal-2020. Hawnhekk ukoll, il-membri tal-ICAO għandhom jinnotifikaw l-opzjoni magħżula sa tmiem Ġunju 2020.

Oleg Butković, Ministru għall-Baħar, it-Trasport u l-Infrastruttura tal-Kroazja, President tal-Kunsill
Id-deċiżjoni tal-lum tikkonferma l-appoġġ sod tal-UE għall-CORSIA bħala l-iskema dinjija biex jitrażżnu l-emissjonijiet mill-avjazzjoni u tgħin biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. L-ambizzjoni ambjentali tal-Patt Ekoloġiku ma tistax tintlaħaq mill-Ewropa waħedha. Il-fatturi li joħolqu t-tibdil fil-klima mhumiex limitati mill-fruntieri nazzjonali, u għalhekk l-UE ser tkompli tmexxi bl-eżempju fl-ICAO sabiex tindirizza din l-isfida globali.
Oleg Butković, Ministru għall-Baħar, it-Trasport u l-Infrastruttura tal-Kroazja, President tal-Kunsill
Oleg Butković, Ministru għall-Baħar, it-Trasport u l-Infrastruttura tal-Kroazja, President tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta d-deċiżjoni bi proċedura bil-miktub.

CORSIA - sfond

Fl-2016, intlaħaq qbil dwar il-CORSIA mill-ICAO bil-għan li l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra jiġu limitati mill-avjazzjoni internazzjonali għal-livelli tagħhom tal-2020. Dan jikkomplementa sett usa' ta' miżuri, inkluż titjib fit-teknoloġija tal-inġenji tal-ajru, titjib operazzjonali u karburanti tal-avjazzjoni sostenibbli.

L-obbligi tal-CORSIA diġà bdew. Ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika (MRV) relatati mal-emissjonijiet ta' CO2 minn titjiriet internazzjonali japplikaw mill-1 ta' Jannar 2019. Dawn l-obbligi ġew implimentati fil-liġijiet tal-UE permezz ta' leġislazzjoni sekondarja.

Ir-rekwiżiti ta' kumpens tal-CORSIA ser japplikaw mill-1 ta' Jannar 2021. Il-fażi pilota tal-CORSIA (2021-2023) u l-ewwel fażi (2024-2026) huma volontarji.

Matul dawn il-fażijiet volontarji, l-istati membri tal-ICAO li jiddeċiedu li jipparteċipaw fil-CORSIA jistgħu jissieħbu fl-iskema mill-bidu ta' sena partikolari. Huma għandhom jinnotifikaw lill-ICAO bid-deċiżjoni tagħhom li jissieħbu sat-30 ta' Ġunju fis-sena preċedenti.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024