- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 8 ta' Awwissu 2022 14:00
Jum Internazzjonali tal-Popli Indiġeni tad-Dinja, 9 ta' Awwissu 2022: Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli Josep Borrell, f'isem l-Unjoni Ewropea
Fil-jum Internazzjonali tal-Popli Indiġeni tad-Dinja, l-UE turi s-solidarjetà tagħha ma' aktar minn 476 miljun persuna indiġena madwar id-dinja - kemm jekk il-popli ta' San u ta' Khoekhoe fl-Afrika t'Isfel, l-Aymara fil-Medda tal-Muntanji Andina, il-Māori ta' New Zealand, is-Saami tal-Ewropa tat-Tramuntana li jgħixu f'Sápmi jew l-Inuit ta' Greenland.
Intennu l-impenn sod tagħna lejn ir-rispett, il-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tal-popli indiġeni, kif jinsab fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u fid-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Il-popli indiġeni jgħixu fi kważi kwart tas-superfiċje tal-art tad-dinja. Huma l-kustodji u d-difensuri kritiċi ta' aktar minn 80% tad-diversità bijoloġika tagħna u għandhom fehim profond tal-ġestjoni sostenibbli tal-art. Fl-istess ħin, huma fost l-aktar affettwati mill-impatti severi tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali.
L-identitajiet tal-popli indiġeni spiss ikunu marbuta mill-qrib mal-artijiet u mal-lingwi tagħhom. Il-lingwi indiġeni huma sistemi ta' komunikazzjoni kumplessi żviluppati matul il-millennji. L-UE tilqa' d-Deċennju Internazzjonali tal-Lingwi Indiġeni (2022-2032). Aktar minn 4000 lingwa indiġena hija mhedda minħabba li ħafna minnhom la huma mgħallma fl-iskola, u lanqas użati fl-isfera pubblika.
L-UE hija impenjata li tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-mexxejja indiġeni u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-popli indiġeni fil-proċessi tal-iżvilupp u f'fora globali ewlenin tat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-applikazzjoni tal-prinċipju ta' konsultazzjoni mal-popli indiġeni in bona fede sabiex jinkiseb il-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tagħhom fid-deċiżjonijiet li jaffettwawhom tibqa' kritika. L-UE qed tieħu wkoll azzjoni għal regoli aktar effettivi dwar imġiba responsabbli fin-negozju biex trawwem imġiba korporattiva sostenibbli u responsabbli, inkluż fuq artijiet indiġeni.
L-UE ripetutament ġibdet l-attenzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. Fl-2021, inqatlu mill-inqas 358 difensur tad-drittijiet tal-bniedem. Madwar 60% kienu difensuri kuraġġużi tal-art, tal-ambjent jew tad-drittijiet tal-popli indiġeni, u aktar minn kwart minnhom stess kienu indiġeni. Kull persuna li tinqatel hi vittma żejda. L-UE ser tkompli tuża l-politiki, id-djalogi, l-istrumenti ta' finanzjament u l-għodod l-oħra kollha tagħha biex tappoġġa lill-popli indiġeni, u biex ittemm l-impunità.
Il-pajjiżi kandidati t-Turkija, il-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro, is-Serbja, l-Albanija1, l-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova, il-pajjiż kandidat potenzjali l-Bożnija-Ħerzegovina1, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.
1Il-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro, is-Serbja, l-Albanija u l-Bożnija-Ħerzegovina għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.
Kuntatti għall-istampa
-
Nabila Massrali Kelliem temporanju tas-SEAE
- +32 2 29 88093
- +32 460 79 52 44
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Jannar 2024