- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 15 ta' Lulju 2025 14:55
L-Iran: il-Kunsill jissanzjona tmien individwi u entità waħda minħabba ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u repressjoni tranżnazzjonali
Illum il-Kunsill impona miżuri restrittivi fuq tmien persuni u entità waħda taħt ir-reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem. Huma responsabbli għat-twettiq ta' vjolazzjonijiet u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'isem il-korpi statali Iranjani barra l-Iran, b'mod partikolari eżekuzzjonijiet u qtil extraġudizzjarji, sommarji u arbitrarji, kif ukoll għajbien furzat ta' persuni meqjusa bħala avversarji jew kritiċi tal-azzjonijiet jew il-politiki tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.
L-elenkar tal-lum jikkonferma t-tħassib tal-UE dwar ir-repressjoni tranżnazzjonali minn korpi statali Iranjani permezz tal-użu ta' aġenti li jaġixxu għalihom, b'mod partikolari li jinvolvu kriminali u networks ta' kriminalità organizzata li għandhom fil-mira dissidenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, inkluż fit-territorju tal-UE.
Il-Kunsill qed jelenka lil Zindashti Network, grupp kriminali konness mal-Ministeru għall-Intelligence u s-Sigurtà (MOIS) tal-Iran li wettaq bosta atti ta' repressjoni tranżnazzjonali, inkluż qtil ta' dissidenti Iranjani u persuni kritiċi tal-azzjonijiet jew il-politiki tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.
L-elenkar tal-lum jinkludi wkoll il-kap ta' Zindashti Network, Naji Ibrahim Sharifi-Zindashti - traffikant Iranjan tan-narkotiċi u kap tal-kriminalità organizzata - u xi wħud mill-assoċjati kriminali tiegħu: Abdulvahap Kocak, Ali Esfanjani, Ali Kocak, Ekrem Oztunc, u Nihat Asan, li kienu involuti -fost oħrajn- fil-qtil tad-dissident Iranjan Mas'ud Molavi Vardanjani u s-sid Iranjan ta' Gem TV, Saeed Karimian.
Il-Kunsill qed iqiegħed fil-mira wkoll lil Mohammed Ansari, il-mexxej tal-Quds Force Unit 840 tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) li ordna l-qtil ta' ġurnalisti kritiċi tar-Repubblika Iżlamika, u Reza Hamidiravari, uffiċjal tal-intelligence li jaħdem għall-MOIS, li jissorvelja l-operazzjonijiet ta' Naji Zindashti mmexxija mill-MOIS.
Dawk elenkati llum huma soġġetti għall-iffriżar tal-assi, u l-għoti ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi, direttament jew indirettament, lilhom jew għall-benefiċċju tagħhom, huwa pprojbit. Barra minn hekk, għall-persuni fiżiċi elenkati tapplika projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar lejn l-UE.
L-Unjoni Ewropea tesprimi l-appoġġ tagħha għall-aspirazzjoni fundamentali tal-poplu tal-Iran għal futur fejn id-drittijiet universali tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tagħhom jiġu rrispettati, protetti u mwettqa. L-Unjoni Ewropea tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha għal approċċ ta' politika komprensiv li jqis l-opzjonijiet kollha għad-dispożizzjoni tagħha: kritiku fejn meħtieġ, u lest li jimpenja ruħu, abbażi ta' rispett reċiproku, fejn l-interessi jallinjaw ruħhom.
L-atti legali rilevanti ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.
Kuntest
Ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, stabbilit fis-7 ta' Diċembru 2020, jippermetti lill-UE tqiegħed fil-mira individwi, entitajiet u korpi – fosthom atturi statali u mhux statali – responsabbli għal ksur u abbuż serji tad-drittijiet tal-bniedem, involuti fihom jew assoċjati magħhom, mad-dinja kollha.
Fl-4 ta' Diċembru 2023, il-Kunsill estenda l-qafas għal miżuri restrittivi skont ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem għal tliet snin, sat-8 ta' Diċembru 2026. L-elenkar taħt ir-reġim jiskadi u jiġi rieżaminat kull 12-il xahar.
L-UE ssegwi l-iżviluppi f'dan il-qasam mill-qrib u, b'riżultat ta' dan, tiżgura li l-listi jinżammu taħt rieżami kontinwu.
- Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/1397 tal-15 ta' Lulju 2025 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem
- Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1396 tal-15 ta' Lulju 2025 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2020/1998 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (inkluż lista tal-individwi u l-entitajiet sanzjonati)
- Test konsolidat: Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 tas-7 ta' Diċembru 2020 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (28 ta' Mejju 2025)
- Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem: miżuri restrittivi estiżi (stqarrija għall-istampa, 4 ta' Diċembru 2023)
- Sanzjonijiet tal-UE kontra l-Iran (informazzjoni ġenerali)
- Protezzjoni u promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem (informazzjoni ġenerali)
- Kif u meta l-UE tadotta sanzjonijiet (informazzjoni ġenerali)
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Lulju 2025