Skip to content
  • Kunsill Agrikoltura u Sajd

Kunsill Agrikoltura u Sajd, 06/03/2017, 6 ta' Marzu 2017

Riżultati ewlenin

Futur tal-PAK

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni (PAK).

B’mod partikolari, il-ministri qasmu l-ideat dwar kif jistgħu jinkisbu l-prijoritajiet tal-PAK futura identifikati fid-dokument tal-Presidenza u dwar jekk għandux ikun hemm ibbilanċjar mill-ġdid tas-sostenn dirett u l-iżvilupp rurali.

Is-simplifikazzjoni kienet ġeneralment enfasizzata bħala prijorità ġenerali għal politiki futuri sabiex jinħeles il-potenzjal ekonomiku sħiħ tal-biedja u taż-żoni rurali tal-UE. Kwistjonijiet oħra indikati bħala prijoritajiet kienu: il-bini tar-reżiljenza, ir-reazzjoni għal sfidi ambjentali, l-investiment fil-vijabbiltà u l-vitalità rurali, l-iżgurar tat-tiġdid ġenerazzjonali, li tinżamm orjentazzjoni tas-suq u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel.

Uħud mid-delegazzjonijiet kienu favur li, fil-futur, isir aktar enfasi fuq l-iżvilupp rurali sabiex isir investiment fil-vijabbiltà u l-vitalità rurali, waqt li oħrajn wissew kontra tnaqqis ta' appoġġ dirett lill-bdiewa.

Is-settur tal-biedja tal-UE għandu sfidi kbar quddiemu. Bħala politiċi għandna l-opportunità li nistabbilixxu viżjoni għall-futur. Għandna ntejbu b’mod kostanti l-politiki tagħna sabiex l-agrikoltura u ż-żoni rurali tal-UE jistgħu jkomplu jiffjorixxu u jiġġeneraw it-tkabbir, l-impjiegi u l-ġid.

Roderick Galdes, Segretarju Parlamentari Malti għall-Agrikoltura u president tal-Kunsill

 

Pjan multiannwali għal speċijiet demersali fil-Baħar Adrijatiku

Il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill il-proposta tagħha li tistabbilixxi pjan multiannwali għal stokkijiet pelaġiċi żgħar fil-Baħar Adrijatiku, l-ewwel pjan multiannwali għall-Mediterran.

L-għan tiegħu huwa li jiġu rkuprati stokkijiet bħas-sardin, l-inċova, il-kavalli u s-sawrell, u jikkontribwixxi għall-isfruttament sostenibbli tagħhom, kif ukoll l-iżgurar ta’ qafas ta’ ġestjoni aktar sempliċi u aktar komprensiv.

L-istati membri ġeneralment laqgħu d-diskussjoni iżda indikaw xi tħassib dwar l-impatt soċjoekonomiku potenzjali tal-pjan fuq is-sajd fuq skala żgħira u kwistjonijiet prattiċi potenzjali fir-rigward tal-kumplessità tas-sajd fil-Mediterran. Huma appellaw ukoll għal miżuri u kontrolli proporzjonati li ma jxekklux is-settur tas-sajd fiż-żona.

Suġġetti oħra fuq l-aġenda

Il-ministri ġew informati dwar l-istabbiliment tal-pjattaforma tal-UE għat-trattament xieraq tal-annimali, l-istat attwali tal-konsegwenzi tal-marda tal-infafet fil-ġilda, il-kwistjoni tal-kwalità doppja tal-prodotti alimentari, il-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel, il-funzjonament tal-korp ta' solidarjetà tal-UE, is-sitwazzjoni diffiċli tas-suq fis-settur tal-frott Pollakk, u l-appoġġ akkoppjat volontarju.

Il-Kunsill ingħata informazzjoni wkoll dwar diversi avvenimenti reċenti u li jmiss bħal: il-konferneza tal-ministri tal-agrikoltura tal-G20 (Berlin, Jannar 2017), il-forum dwar is-settur tar-ross tal-UE (Milan, Frar 2017), il-konferenza 'L-Oċean Tagħna 2017' (Malta, Ottubru 2017).

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Agrikoltura u Sajd

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2025