Skip to content
  • Kunsill Agrikoltura u Sajd

Vidjokonferenza tal-ministri għall-agrikoltura u s-sajd, 16 ta' Novembru 2020

Ir-riżultati ewlenin

Is-sistemi tal-ikel sostenibbli, is-sitwazzjoni fis-suq agrikolu Ewropew kif ukoll l-isfidi speċifiċi relatati mal-COVID-19 u d-deni Afrikan tal-ħnieżer kienu l-punti ewlenin diskussi matul il-vidjokonferenza informali tal-ministri għall-agrikoltura u s-sajd. Il-ministri semmew ukoll il-politiki tal-UE relatati mal-foresti u l-istrateġija tal-UE għall-foresti.

Julia Klöckner, Ministru Federali tal-Ġermanja għall-Ikel u l-Agrikoltura
Il-firxa ta' sfidi li s-settur agroalimentari Ewropew qed jiffaċċa llum il-ġurnata hija wiesgħa. Il-koordinazzjoni fost l-Istati membri hija meħtieġa aktar minn qatt qabel u f'livelli differenti. Jenħtieġ li niżguraw li l-politiki tagħna fil-qasam agroalimentari, ambjentali u dak tas-saħħa jkunu allinjati u li nkomplu nikkondividu l-informazzjoni dwar sitwazzjonijiet li qed jevolvu malajr u, f'xi każijiet, mingħajr preċedent bħall-pandemija tal-COVID-19.
Julia Klöckner, Ministru Federali tal-Ġermanja għall-Ikel u l-Agrikoltura
Julia Klöckner, Ministru Federali tal-Ġermanja għall-Ikel u l-Agrikoltura

Matul is-sessjoni ta' filgħodu, il-presidenza tal-Kunsill tal-UE, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, infurmat lill-ministri dwar il-progress li sar fl-UE fir-rigward tal-indirizzar tat-telf u l-ħela tal-ikel. Il-presidenza enfasizzat li l-istati membri issa għandhom strateġiji u pjanijiet nazzjonali rilevanti fis-seħħ, li jinkludu wkoll id-donazzjonijiet tal-ikel bħala element kruċjali ta' dawn l-istrateġiji. Il-ministri rreferew għall-impatt tal-COVID-19 fuq it-telf u l-ħela tal-ikel u l-presidenza enfasizzat il-ħtieġa li jiġi evitat l-hekk imsejjaħ "hamstering" tal-ikel sabiex jibqa' disponibbli għal kulħadd. Il-Kummissjoni esprimiet ir-rieda tagħha li testendi l-mandat tal-pjattaforma tal-UE dwar it-telf u l-ħela tal-ikel lil hinn mill-2021.

Id-delegazzjoni Daniża infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-mink u l-COVID-19 fil-pajjiż, filwaqt li spjegat ir-riskju potenzjali għall-effikaċja tat-tilqim tal-COVID-19 peress li l-minks ġew infettati b'verżjoni mutata tal-virus. Il-ministri qablu li din hija kwistjoni ta' saħħa Ewropea u mhux biss kwistjoni ta' tħassib rigward il-benessri tal-annimali. Il-presidenza esprimiet il-ħtieġa li titkompla l-kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar din il-kwistjoni u li tiġi organizzata diskussjoni futura dwar kif jitrabbew il-mink fl-Ewropa.

Id-delegazzjoni Ċeka u dik Pollakka infurmaw lill-ministri bit-talba tagħhom lill-Kummissjoni għal koordinazzjoni akbar fil-ġlieda kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer u għal tnaqqis fil-piż amministrattiv assoċjat, b'mod partikolari fir-rigward tal-proċeduri relatati mal-kofinanzjament. Il-ministri appoġġaw b'mod ġenerali din l-inizjattiva, filwaqt li enfasizzaw il-ħtieġa għal aktar miżuri ta' koordinazzjoni li ser jippermettu lill-istati membri jiġġieldu u jeqirdu d-deni Afrikan tal-ħnieżer.

Il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-ministri dwar l-eżitu tal-konferenza "mill-għalqa sal-platt", organizzata mill-Kummissjoni fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2020. Xi ministri talbu lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjonijiet tal-impatt rilevanti u enfasizzaw l-importanza li l-partijiet ikkonċernati kollha jipparteċipaw fl-istrateġija. Il-ministri użaw ukoll l-opportunità biex jitolbu kjarifika mill-Kummissjoni dwar jekk għandhiex l-intenzjoni li tirtira l-proposta tagħha dwar il-pakkett ta' riforma tal-PAK ta' wara l-2020; Il-Kummissarju Kyriakides irrifjutat din l-idea.

Mistiedna mill-presidenza bil-ħsieb tat-tħejjija tal-kontribut tal-UE għas-Summit tan-NU dwar is-Sistemi tal-Ikel tas-sena d-dieħla, il-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-summit, Dr. Agnes Kalibata infurmat lill-ministri dwar it-tħejjijiet u l-objettivi tas-summit. Il-ministri, enfasizzaw l-importanza tal-Patt Ekoloġiku u tal-istrateġija "mill-għalqa sal-platt" biex tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni globali għal sistemi tal-ikel sostenibbli. Huma appellaw ukoll għal summit ambizzjuż li jista' jlaqqa' lill-partijiet ikkonċernati kollha flimkien. Il-Kunsill ser jistabbilixxi l-prijoritajiet politiċi ewlenin tiegħu għas-summit permezz ta' konklużjonijiet rilevanti, ippjanati li jiġu adottati fir-rebbiegħa tal-2021.

Il-ministri laqgħu wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati reċentement dwar il-politiki tal-UE relatati mal-foresti u l-istrateġija tal-UE għall-foresti ta' wara l-2020, li jenfasizzaw is-sinifikat tal-foresti għall-protezzjoni tal-klima u l-bijodiversità. Diversi ministri spjegaw li hemm bżonn li l-istrateġija tal-UE għall-foresti tiġi allinjata ma' strateġiji rilevanti oħra bħall-istrateġija għall-bijodiversità. It-titjib tal-koordinazzjoni fil-politiki relatati mal-foresti fl-UE, kif stabbilit fil-konklużjonijiet, ġie appoġġat ukoll b'mod wiesa' mill-ministri.

Agrikultura - is-sitwazzjoni tas-suq

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet ibbażat fuq preżentazzjoni tal-Kummissjoni u kontributi bil-miktub mill-istati membri. Il-ministri ddeskrivew diversi fatturi li jagħmlu pressjoni fuq bosta swieq agroalimentari bħas-swieq tal-majjal (imsemmi minn ħafna ministri), tal-laħam taċ-ċanga, tat-tjur, tal-inbid u tal-prodotti tal-ħalib fost oħrajn. Delegazzjonijiet differenti talbu għal interventi rapidi biex jiġu indirizzati b'suċċess l-isfidi aggravanti inkluż it-tieni mewġa tal-pandemija tal-COVID-19, l-għeluq tas-settur tal-ospitalità, id-deni Afrikan tal-ħnieżer u r-restrizzjonijiet kummerċjali attwali kif ukoll dawk imminenti. Id-delegazzjoni Awstrijaka infurmat ukoll lill-ministri dwar l-implikazzjonijiet agrikoli tal-ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur; diversi delegazzjonijiet sejħu għal ftehimiet kummerċjali bbilanċjati tal-UE li ser iżommu l-istandards ambjentali għoljin miksuba mal-UE. Xi delegazzjonijiet appoġġaw ukoll il-fehma li jitqies il-potenzjal ekonomiku għoli ta' tali ftehimiet.

Dokumenti tal-laqgħat

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Agrikoltura u Sajd

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2025