Skip to content
  • Kunsill Agrikoltura u Sajd

Vidjokonferenza informali tal-ministri għall-agrikoltura u s-sajd, 25 ta' Jannar 2021

Riżultati ewlenin

Il-ministri semmew firxa ta’ kwistjonijiet matul il-vidjokonferenza informali ta’ ġurnata sħiħa: gwida dwar il-bidu tal-konsultazzjonijiet bilaterali formali bejn l-UE u r-Renju Unit dwar l-istabbiliment ta’ opportunitajiet tas-sajd definittivi għall-2021 (u għal xi stokkijiet għall-2022), l-impatt u l-perspettivi tal-aħħar żviluppi kummerċjali dwar is-settur agrikolu tal-UE u s-sitwazzjoni attwali rigward in-negozjati interistituzzjonali tal-pakkett ta’ riforma tal-Politika Agrikolu Komuni (PAK) ta’ wara l-2020.

Il-presidenza Portugiża tat bidu għal-laqgħa bi preżentazzjoni tal-prijoritajiet tagħha: objettiv ewlieni huwa l-konklużjoni tan-negozjati tar-riforma tal-PAK fir-rebbiegħa. Il-presidenza ddeskriviet ukoll prijoritajiet oħra fil-qasam tal-agrikoltura (strateġija għall-iżvilupp rurali, deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, u qbil dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-Summit dwar is-Sistemi tal-Ikel tan-NU) u s-sajd (qbil dwar l-opportunitajiet ewlenin tas-sajd mar-Renju Unit u n-Norveġja, regolament komplet dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura, u qbil dwar approċċ ġenerali dwar ir-reviżjoni tas-Sistema ta’ Kontroll).

Sajd

Il-ministri ddiskutew il-prijoritajiet tagħhom għall-bidu tal-konsultazzjonijiet bilaterali formali bejn l-UE u r-Renju Unit dwar l-istabbiliment ta’ opportunitajiet tas-sajd definittivi għall-2021 għall-istokkijiet ġestiti b’mod konġunt (u, għall-istokkijiet kondiviżi tal-baħar fond, għall-2021 u l-2022). Huma appoġġaw ukoll il-gwida inizjali tal-presidenza lill-Kummissjoni Ewropea li ser tmexxi l-konsultazzjonijiet, filwaqt li enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu rispettati l-prinċipji tal-politika komuni tas-sajd. Prijorità importanti għall-ministri kienet li tingħata ċertezza lill-komunitajiet tas-sajd tal-UE malajr kemm jista’ jkun u tiġi promossa s-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali tas-settur. Il-ministri appellaw ukoll għal ċarezza u trasparenza mill-Kummissjoni Ewropea waqt it-twettiq tal-konsultazzjonijiet; huma enfasizzaw il-ħtieġa li jkunu infurmati u involuti b’mod sħiħ matul il-proċess u f’livelli differenti.

Xi stati membri qajmu wkoll tħassib dwar id-deċiżjoni unilaterali reċenti tan-Norveġja dwar il-kwoti għal xi stokkijiet kondiviżi, u appellaw għall-konklużjoni rapida tan-negozjati bejn l-UE u n-Norveġja dwar l-opportunitajiet tas-sajd.

Ricardo Serrão Santos, Ministru tal-Portugall għall-Baħar
Il-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2021 huwa eżerċizzju storiku. Din hija l-ewwel darba li ser nimplimentaw il-ftehim kummerċjali u ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit. Irridu nwittu t-triq it-tajba għal ftehim li jpoġġi s-sostenibbiltà fil-qalba tiegħu u jiżgura l-għajxien tal-komunitajiet tas-sajd tagħna.
Ricardo Serrão Santos, Ministru tal-Portugall għall-Baħar
Ricardo Serrão Santos, Ministru tal-Portugall għall-Baħar

Agrikoltura

Matul is-sessjoni ta’ waranofsinhar, il-ministri kellhom skambju ta’ fehmiet abbażi ta’ preżentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżviluppi kummerċjali internazzjonali reċenti u l-impatt tagħhom fuq is-settur agroalimentari tal-UE. Diversi ministri enfasizzaw il-ħtieġa għal kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE, eż. il-Mercosur, biex jiġi żgurat li l-bdiewa Ewropej jiġu ttrattati b’mod ġust; ħafna enfasizzaw l-importanza tal-importazzjoni ta’ prodotti agroalimentari minn pajjiżi terzi biss meta dawn jirrispettaw standards ambjentali u ta’ sostenibbiltà għoljin bħal dawk tal-UE. Il-ministri laqgħu wkoll il-ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit u l-istatus nontariffarju għall-prodotti agroalimentari, filwaqt li enfasizzaw il-ħtieġa li tiġi mmonitorjata mill-qrib l-implimentazzjoni tiegħu biex jiġu żgurati ċ-ċertezza u l-istabbiltà fis-settur, inkluż suġġetti bħall-indikazzjonijiet ġeografiċi. Il-ministri rreferew ukoll għall-perspettivi u l-opportunitajiet ġodda li qed jitfaċċaw mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti, b’mod partikolari dawk relatati mat-tnaqqis tat-tensjonijiet kummerċjali.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet previżjoni qasira tal-aġġornament tal-istudju tal-2016 imwettaq miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), li jirrifletti l-aktar ftehimiet reċenti nnegozjati tal-UE, bħal dawk mal-Mercosur, il-Kanada, il-Ġappun, il-Vjetnam u l-Messiku. Ir-riżultati inizjali kkonfermaw li s-settur agrikolu tal-UE jista’ jibbenefika mill-aġenda kummerċjali tal-UE (permezz tal-projezzjoni ta’ xenarji differenti). Il-ministri laqgħu l-konklużjonijiet inizjali iżda esprimew il-ħtieġa li l-istudju jiġi riċevut u analizzat f’aktar dettall bil-ħsieb li jiġi diskuss waqt laqgħa ministerjali li jmiss.

Il-presidenza infurmat ukoll lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati dwar il-pakkett ta’ riforma tal-PAK ta’ wara l-2020, u spjegat li ġew ippjanati diversi laqgħat politiċi u tekniċi bil-ħsieb li jintlaħaq qbil din ir-rebbiegħa. Il-punti fokali kienu l-mudell ta’ implimentazzjoni l-ġdid, l-arkitettura ekoloġika u l-istandards ambjentali, il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, miżuri eċċezzjonali tas-suq u aktar. Il-ministri ġeneralment ħeġġew lill-presidenza biex iżżomm mal-approċċ ġenerali tal-Kunsill (kif maqbul f’Ottubru 2020) matul in-negozjati interistituzzjonali, ukoll fil-kuntest tal-arkitettura ekoloġika tar-riforma diskussa ħafna, għalkemm xi wħud esprimew appoġġ għal ċerti emendi tal-Parlament Ewropew. Il-ministri tennew il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati r-regoli, jiġu bbilanċjati l-effetti ambjentali u soċjoekonomiċi, u jintlaħaq ftehim malajr kemm jista’ jkun abbażi ta’ sistema orjentata lejn il-prestazzjoni.

Il-kisba ta’ ftehim fin-negozjati tar-riforma tal-PAK fir-rebbiegħa hija prijorità assoluta għall-presidenza tagħna. Qed nippjanaw li nibnu fuq il-ħidma iebsa tal-presidenzi preċedenti u nikkapitalizzaw fuq is-suċċessi tagħhom biex niksbu dan. L-approċċ ġenerali tal-Kunsill jibqa’ l-gwida tagħna fin-negozjati; huwa test ibbilanċjat li ser jgħinna nilħqu ftehim ibbilanċjat. L-agrikoltura hija waħda mill-elementi ewlenin biex jiġu sfruttati u mħaffa l-effetti tal-pjanijiet ta’ rkupru u ta’ trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa. Maria do Céu Antunes, Ministru tal-Portugall għall-Agrikoltura

Punti oħra diskussi (taħt Affarijiet oħra) kienu: i) l-informazzjoni pprovduta mid-delegazzjoni Kroata dwar l-impatt tat-terremot reċenti fil-Kroazja fuq is-settur agrikolu u ċerti żoni rurali akkumpanjata minn talbiet lill-Kummissjoni biex turi flessibbiltà u tattiva kwalunkwe miżura disponibbli biex tgħin l-irkupru u ii) is-sejħa magħmula mid-delegazzjoni Slovena (bl-appoġġ ta’ 13-il stat membru) biex tintroduċi miżuri fil-livell tal-UE biex tgħin lis-settur tal-laħam tal-majjal jirkupra minn tnaqqis kbir fil-prezzijiet minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Dokumenti tal-laqgħat

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Agrikoltura u Sajd

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 27 ta' Jannar 2024