Skip to content
  • Kunsill Kompetittività

Kunsill Kompetittività, 26-27/09/2019, 26 u 27 ta' Settembru 2019

Riżultati ewlenin

Suq intern u industrija, 26 ta' Settembru

L-iżvilupp tal-bażi ekonomika tagħna:

  • viżjoni għal strateġija fit-tul dwar it-tkabbir sostenibbli
  • eżami tal-kompetittività

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar il-politiki ewlenin li għandhom jiffurmaw il-bażi ta' strateġija fit-tul tal-UE dwar it-tkabbir sostenibbli. L-istrateġija hija parti mill-implimentazzjoni tal-Aġenda Strateġika l-ġdida tal-UE 2019-2024 adottata mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2019.

Illum imxejna pass ieħor lejn il-finalizzazzjoni tal-istrateġija fit-tul tagħna għal Unjoni li hija aktar kompetittiva, aktar sostenibbli u aktar inklużiva. Aħna kompletament konxji mill-isfidi li għandna quddiemna, iżda nibqgħu fiduċjużi bis-sħiħ li ser inkunu kapaċi nilħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej għal tkabbir aktar sostenibbli u ġust. Timo Harakka, ministru għall-impjiegi tal-Finlandja

Id-delegazzjonijiet approvaw b'mod ġenerali l-ħtieġa għal approċċ integrat dwar it-tkabbir sostenibbli u indikaw il-prijoritajiet tagħhom fost id-diversi objettivi ta' politika li jinsabu fir-rapport tal-presidenza lill-Kunsill.

Il-presidenza ser tirrapporta dwar l-eżitu ta' dawn id-diskussjonijiet lill-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2019.

Fl-istess kuntest, u abbażi ta' preżentazzjonijiet mill-Kummissjoni u mill-president tal-grupp ta' livell għoli dwar il-kompetittività u t-tkabbir, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar id-dimensjoni esterna tal-kompetittività tal-UE bħala parti mill-eżerċizzju regolari tal-verifika tal-kompetittività.

Punti oħra fuq l-aġenda

Il-Kunsill ġie infurmat ukoll:

  • mill-presidenza dwar il-progress miksub s'issa fir-rigward tal-hekk imsejjaħ regolament dwar l-emissjonijiet f'sewqan reali (RDE). Ir-regolament jistabbilixxi l-fatturi ta' konformità li għandhom jiġu applikati fil-kejl tal-emissjonijiet f'sewqan reali ta' vetturi ħfief. Huwa jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li kull sena tirrevedi dawn il-fatturi ta' konformità sabiex jiġi rifless il-progress tekniku fil-preċiżjoni tas-sistema portabbli għall-kejl tal-emissjonijiet;
  • mid-delegazzjoni Ġermaniża dwar is-sejħa min-Netwerk tar-Rappreżentanti tal-SMEs għal politika tal-UE ħabrieka u li tħares 'il quddiem għan-negozji ż-żgħar;
  • mid-delegazzjoni Ċeka dwar l-eżitu ta' konferenza ddedikata għall-għajnuniet mill-istat u d-definizzjoni ta' SMEs, li saret f'Brno fid-29-31 ta' Mejju 2019; u
  • mill-Kummissjoni dwar l-aħħar żviluppi fil-qasam tal-proġett Alleanza Ewropea tal-Batteriji, li tnieda f'Ottubru 2017. L-alleanza għandha l-għan li tappoġġa l-iżvilupp ta' katina ta' valur kompetittiva, sostenibbli u innovattiva għall-batteriji fl-UE.

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri kellhom skambju informali ta' fehmiet dwar il-mezzi ta' finanzjament tat-tkabbir sostenibbli fl-UE.

Punti ewlenin mill-Kunsill Kompetittività tas-26 ta' Settembru 2019

Riċerka u Innovazzjoni, 27 ta' Settembru

L-iżvilupp tal-bażi ekonomika tagħna: viżjoni għal strateġija fit-tul dwar it-tkabbir sostenibbli

Il-Kunsill kompla l-iskambju ta' fehmiet dwar il-politiki ewlenin li għandhom jiffurmaw il-bażi ta' strateġija fit-tul tal-UE għat-tkabbir sostenibbli. L-istrateġija hija parti mill-implimentazzjoni tal-Aġenda Strateġika l-ġdida tal-UE 2019-2024 adottata mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2019.

L-użu mtejjeb ta' soluzzjonijiet innovattivi offruti mir-riċerkaturi tagħna, flimkien ma' sinerġiji li jiffunzjonaw tajjeb bejn Orizzont Ewropa u programmi oħra tal-UE, huma elementi kruċjali għal ekonomija kompetittiva u sostenibbli tal-UE. Aħna lkoll qbilna dwar il-ħtieġa li naħdmu lejn dan il-għan. Katri Kulmuni, ministru għall-affarijiet ekonomiċi tal-Finlandja

Il-ministri għar-riċerka approvaw b'mod ġenerali l-approċċ integrat għal mudell ta' tkabbir sostenibbli mmexxi mill-innovazzjoni kif ukoll l-objettivi ta' politika relatati li jinsabu fir-rapport tal-presidenza lill-Kunsill. Diversi delegazzjonijiet esprimew it-tama li dawn l-elementi jkunu riflessi fil-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni.

Id-diskussjonijiet iffukaw fil-parti l-kbira tagħhom fuq it-tip ta' azzjonijiet meħtieġa biex jiġi attirat investiment akbar fir-riċerka u l-innovazzjoni madwar l-UE, kif ukoll fuq kif jiġi żgurat l-użu mtejjeb tar-riżultati tar-riċerka u l-użu ta' innovazzjoni fixkiela min-negozji tal-UE.

Il-presidenza ser tirrapporta dwar l-eżitu ta' dawn id-diskussjonijiet lill-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2019.

Orizzont Ewropa: sinerġiji ma' programmi oħra

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar is-sinerġiji possibbli bejn Orizzont Ewropa u programmi oħra tal-UE.

B'mod aktar speċifiku, il-ministri għar-riċerka ddiskutew kif programmi oħra tal-UE, inkluż fondi strutturali, kif ukoll fondi nazzjonali, fondi privati u sorsi oħra bħall-Bank Ewropew tal-Investiment, jistgħu jintużaw bl-aħjar mod biex jikkumplementaw l-appoġġ għal inizjattivi dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni li għandhom jiġu pprovduti minn Orizzont Ewropa. Huma kellhom ukoll skambju ta' fehmiet dwar kif l-istati membri jistgħu jieħdu vantaġġ minn sinerġiji possibbli bejn programmi ta' riċerka nazzjonali jew reġjonali u Orizzont Ewropa.

Kien hemm qbil ġenerali madwar il-mejda li s-sinerġiji bejn id-diversi programmi tal-UE huma kruċjali biex jimmassimizzaw l-impatt pożittiv tagħhom fuq l-ekonomija. Madankollu, sabiex is-sinerġiji jaħdmu fil-prattika, dawn ma għandhomx jitfasslu tajjeb biss fl-atti leġislattivi iżda wkoll għandhom jiġu implimentati bil-mod adatt u wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha.

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri kellhom diskussjoni informali dwar ir-rwol tar-riċerka u l-innovazzjoni biex jinkisbu l-miri tal-klima.

Punti ewlenin mill-Kunsill Kompetittività tas-27 ta' Settembru 2019

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Kompetittività

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025