Skip to content
  • Kunsill Kompetittività

Kunsill Kompetittività, 27-28/05/2019, 27 u 28 ta' Mejju 2019

Riżultati ewlenin

L-ispazju u r-riċerka, 28 ta' Mejju

Il-Kunsill iddiskuta modi kif jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur globali u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-ispazju. Il-ministri appellaw għal aktar investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni marbuta mal-ispazju. Huma enfasizzaw l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali u tad-diplomazija spazjali għall-industrija spazjali tal-UE u qablu dwar il-ħtieġa li l-UE timpenja ruħha b'mod proattiv fuq diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-governanza spazjali globali.

Il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet dwar l-ispazju bħala faċilitatur ta' ekonomija tal-UE aktar kompetittiva.

L-ispazju joffri potenzjal kbir f'termini ta' opportunitajiet għat-tisħiħ tal-kompetittività, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija tagħna. Jeħtieġ li nsegwu u nsaħħu l-ħiliet u l-isforzi ta' żvilupp tal-kapaċità tagħna sabiex inkunu kapaċi nżommu r-rwol ta' tmexxija tagħna fuq livell globali. Nicolae Hurduc, Ministru għar-riċerka u l-innovazzjoni tar-Rumanija

Fil-marġni tal-Kunsill, il-Kunsill tal-Ispazju kellu d-disa' laqgħa tiegħu. Il-Kunsill tal-Ispazju huwa forum bil-għan li jikkoordina attivitajiet spazjali bejn l-UE u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA). Il-Presidenti tal-Kunsill Kompetittività u tal-Kunsill tal-ESA f'livell ministerjali ħarġu l-konklużjonijiet li ġejjin.

Punti ewlenin mill-Kunsill Kompetittività tat-28 ta' Mejju 2019 dwar l-ispazju

Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar kif jista' jittejjeb l-impatt pożittiv tal-politika tal-UE dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni fuq il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE. Il-ministri enfasizzaw il-ħtieġa għal baġit adegwat għal “Orizzont Ewropa”, il-programm qafas pluriennali li jmiss dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni. Huma appellaw ukoll għal politika li tiżgura sinerġiji bejn id-diversi programmi ta' finanzjament tal-UE biex jiġu massimizzati l-effetti tagħhom. Fl-aħħar nett, huma enfasizzaw l-effetti pożittivi ta' qafas regolatorju xieraq, inklużi l-għajnuniet mill-istat, għall-innovazzjoni.

Id-diskussjonijiet tal-lum għamluha possibbli li nidentifikaw l-għażliet strateġiċi ewlenin li huma meħtieġa biex jiġi żgurat li r-riċerka u l-innovazzjoni jibqgħu xprun qawwi għal ekonomija tal-UE aktar kompetittiva. Nicolae Hurduc, Ministru għar-riċerka u l-innovazzjoni tar-Rumanija
Punti ewlenin mill-Kunsill Kompetittività tat-28 ta' Mejju 2019 dwar ir-riċerka

Is-suq uniku u l-industrija, 27 ta' Mejju

Il-Kunsill kellu dibattitu pubbliku ta' orjentazzjoni dwar l-aktar elementi importanti li jeħtieġ li jitqiesu meta tkun qed titfassal l-istrateġija għall-politika industrijali tal-UE komprensiva u ffit-tul u approċċ ambizzjuż għal suq uniku kompetittiv u adotta konklużjonijiet dwar kull wieħed minn dawn is-suġġetti.

Il-ministri b'mod ġenerali qablu dwar il-ħtieġa għal bażi industrijali tal-UE b'saħħitha, li tkun kapaċi tiffaċċja kompetizzjoni globali u taħtaf l-opportunitajiet u tindirizza l-isfidi marbuta mat-trasformazzjoni diġitali u t-transizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u ċirkolari. Huma tennew it-talba tal-Kunsill Ewropew lill-Kummissjoni biex tippreżenta strateġija għall-politika industrijali tal-UE komprensiva fit-tul sal-aħħar tal-2019, b'konsultazzjoni mill-qrib mal-istati membri u l-partijiet interessati.

Rigward l-approċċ għas-suq uniku, il-ministri enfasizzaw ir-rieda tagħhom li jneħħu l-ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ transkonfinali fi ħdan l-UE, b'mod partikolari fis-settur tas-servizzi. Huma appellaw għal suq uniku futur li huwa diġitali b'mod awtomatiku, li jibqa' validu fil-futur u ffukat fuq il-ħtiġijiet tan-negozji u taċ-ċittadini u esperjenzi transkonfinali. Huma stiednu lill-Kummissjoni biex sa Marzu 2020 tippreżenta pjan ta' azzjoni fit-tul għall-implimentazzjoni aħjar tar-regoli tas-suq uniku.

Il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet dwar kif tista' tingħata spinta lill-kompetittività tas-settur tat-turiżmu tal-UE bħala promotur tat-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali fl-UE għall-għaxar snin li ġejjin. B'dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi fil-fond tal-iżviluppi reċenti u x-xejriet futuri li jkollhom effett fuq is-settur tat-turiżmu u ssegwi l-aktar politika rilevanti dwar it-turiżmu b'viżjoni għall-2030 sabiex iżżomm il-pożizzjoni tal-UE fuq quddiem nett f'dan is-settur. Jistieden ukoll lill-istati membri biex isaħħu l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki tagħhom u biex iqisu s-sejbiet tal-analiżi futura tal-Kummissjoni meta jfasslu politiki nazzjonali tat-turiżmu.

Taħt il-kontroll tradizzjonali tal-kompetittività, il-ministri ddiskutew l-implikazzjonijiet tal-kompetizzjoni tas-suq fuq il-kompetittività.

Id-diskussjonijiet u l-konklużjonijiet tal-lum jipprovdu lill-Kummissjoni b'bażi soda biex tibni fuqha strateġija għall-politika industrijali tal-UE ambizzjuża u fit-tul u viżjoni fit-tul għal suq uniku aktar effiċjenti u kompetittiv. Dawn huma kruċjali għall-kompetittività globali futura tal-ekonomiji tagħna u l-prosperità tan-negozji u ċ-ċittadini tagħna. Nicolae Hurduc, ministru għar-riċerka u l-innovazzjoni tar-Rumanija
Punti ewlenin mill-Kunsill tal-Kompetittività tas-27 ta' Mejju 2019 dwar is-suq uniku u l-industrija

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Kompetittività

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025