"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Kunsill Kompetittività (Suq intern u industrija), 1 ta' Diċembru 2022
Riżultati prinċipali
L-Att dwar iċ-Ċipep
Il-ministri adottaw b'mod unanimu pożizzjoni ta' negozjar ("approċċ ġenerali") dwar ir-regolament li jistabbilixxi qafas ta' miżuri biex tissaħħaħ l-ekosistema tas-semikondutturi tal-Ewropa, magħruf aħjar bħala l-"Att dwar iċ-Ċipep".
Iċ-ċipep huma fost l-aktar teknoloġiji avvanzati importanti li jeżistu llum, iżda attwalment l-UE ma għandhiex kapaċità suffiċjenti biex tfassal u tipproduċi ċ-ċipep maturi u avvanzati tagħha stess. L-UE għandha bżonn tnaqqas id-dipendenza żejda tagħha fuq il-mexxejja globali tas-semikondutturi fl-Asja u fl-Istati Uniti u, bl-Att dwar iċ-Ċipep, qed tieħu r-riedni f'idejha.
Jozef Síkela, ministru Ċek għall-industrija u l-kummerċ
Il-ministri laqgħu l-mandat ta' negozjar tal-Kunsill dwar l-Att dwar iċ-Ċipep u enfasizzaw il-ħtieġa li jkun hemm baġit suffiċjenti għall-programm futur. Huma laqgħu b'mod partikolari s-soluzzjoni tal-presidenza dwar l-arkitettura finanzjarja tal-Att dwar iċ-Ċipep, li tistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex, flimkien mal-istati membri u l-Parlament Ewropew, tfittex soluzzjonijiet alternattivi biex jinżamm il-livell ta' ambizzjoni dwar il-baġit tal-Att dwar iċ-Ċipep
Il-ministri adottaw pożizzjoni ta' negozjar ("approċċ ġenerali") rigward id-direttiva dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva. Din id-direttiva ser isaħħaħ il-ħarsien tal-ambjent u tad-drittijiet tal-bniedem kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha.
Id-direttiva dwar id-diliġenza dovuta tistabbilixxi regoli dwar l-obbligi għall-kumpaniji kbar rigward impatti negattivi reali u potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq l-ambjent, fejn jidħlu l-operazzjonijiet tagħhom stess, dawk tas-sussidjarji tagħhom, u dawk imwettqa mis-sħab kummerċjali tagħhom fil-katina tal-attivitajiet tal-kumpaniji. Din tistabbilixxi wkoll regoli dwar il-penali u r-responsabbiltà ċivili jekk ikun hemm ksur ta' dawn l-obbligi.
Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali
Il-ministri adottaw b'mod unanimu pożizzjoni tal-Kunsill ("approċċ ġenerali") dwar ir-regolament dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) għall-prodotti artiġjanali u industrijali.
L-indikazzjonijiet ġeografiċi jistabbilixxu d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali għal prodotti speċifiċi li l-kwalitajiet tagħhom huma essenzjalment marbuta maż-żona ta' produzzjoni, bħall-ħġieġ tal-Bohemia, il-porċellana ta' Limoges jew il-pożati ta' Solingen.
Matul l-interventi tagħhom, il-ministri laqgħu t-test ta' kompromess tal-presidenza għall-approċċ ġenerali, filwaqt li enfasizzaw kif dan ir-regolament ser jgħin il-prosperità fir-reġjuni tal-Ewropa, jissalvagwardja l-wirt kulturali u jkun ta' benefiċċju għall-SMEs. Fir-rigward tan-negozjati li ġejjin mal-Parlament Ewropew, l-istati membri jistennew b'interess li jintlaħaq qbil bikri.
Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar Aġenda Ewropea għat-Turiżmu 2030.
L-UE hija destinazzjoni ewlenija kemm għall-viżitaturi internazzjonali kif ukoll għar-residenti tagħha. Minkejja dan, il-pandemija tal-COVID-19 kellha effett partikolarment devastanti fuq l-ekosistema tat-turiżmu u wasslet għal telf sinifikanti ta' introjtu u impjiegi fl-Ewropa kollha. Dan, flimkien mal-aggressjoni militari mir-Russja kontra l-Ukrajna u ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, kellu impatt negattiv fuq is-settur tat-turiżmu Ewropew.
L-Aġenda Ewropea għat-Turiżmu 2030 tinkludi pjan ta' ħidma pluriennali tal-UE biex jgħin lill-istati membri, lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-Kummissjoni u lill-partijiet ikkonċernati jrendu s-settur tat-turiżmu aktar sostenibbli, reżiljenti, aktar ekoloġiku u diġitalizzat.
Il-presidenza ppreżentat il-progress li sar s'issa fir-rigward tad-direttiva dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika, kif ukoll dwar ir-regolament dwar l-ekodisinn għal prodotti sostenibbli, fejn infurmat lill-ministri dwar is-suġġetti ewlenin għad-diskussjonijiet li jmiss.
Taħt affarijiet oħra, il-ministri ġew infurmati mill-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rapport tat-Taskforce għall-Infurzar fis-Suq Uniku kif ukoll dwar ir-rapport tal-2022 dwar in-Network ta' Rappreżentanti tal-SMEs.
L-istati membri ġew infurmati mid-delegazzjoni Awstrijaka dwar it-titjib fl-IPCEI, kif ukoll mid-delegazzjoni Żvediża dwar il-programm għall-presidenza li jmiss tagħhom.
Waqt ikla informali, il-ministri ddiskutew kif għandhom jiġu indirizzati d-dipendenzi tal-UE permezz tad-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista. Id-diskussjoni ffukat fuq sħubijiet bilaterali jew multilaterali ġodda possibbli fil-qasam tal-materja prima kritika jew tal-idroġenu.
Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti inklużi fil-lista ta' punti "A" leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.